KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-30 ta’ April 2014 ( 1 )

Kawża C‑113/13

Azienda Sanitaria Locale n. 5 “Spezzino”

Associazione Nazionale Pubblica Assistenza (ANPAS) — Comitato Regionale Liguria,

Regione Liguria

vs

San Lorenzo Società Cooperativa Sociale

Croce Verde Cogema Cooperativa Sociale Onlus

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja)]

“Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE — Direttiva 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Servizzi ta’ trasport mediku — Għoti ta’ kuntratti mingħajr sejħa għal offerti — Organizzazzjonijiet ta’ volontarjat — Rimbors ta’ spejjeż”

1. 

Organizzazzjonijiet ta’ volontarjat (jew karitatevoli) huma rrikonoxxuti universalment, inter alia, għall-funzjonijiet soċjali, mediċi u umanitarji importanti li jipprovdu għall-benefiċċju tas-soċjetà inġenerali, u b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-iktar membri dgħajfa tagħha (pereżempju, vittmi tal-gwerer jew ta’ diżastri naturali u persuni morda, foqra jew anzjani).

2. 

Ħafna drabi, dawn l-organizzazzjonijiet jingħataw status legali speċjali, mhux biss taħt liġijiet nazzjonali, iżda wkoll taħt id-dritt internazzjonali pubbliku ( 2 ). Evidentement, l-Unjoni Ewropea ma tinjorax il-karatteristiċi speċifiċi tal-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat, u tagħti importanza kbira għall-kontribut li dawn jagħtu għall-ħolqien ta’ soċjetà ekwa u ġusta ( 3 ). Huwa għalhekk li f’uħud mis-sentenzi tagħha, bħal Stauffer ( 4 ) u Sodemare ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma qagħditx lura milli tirrikonoxxi l-karatteristiċi uniċi tagħhom fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

3. 

Madankollu, jista’ jkun hemm ċirkustanzi li fihom id-drittijiet jew benefiċċji speċjali mogħtija lil tali organizzazzjonijiet taħt il-liġijiet nazzjonali jistgħu jwasslu għal ċerti tensjonijiet bejn dawn id-drittijiet jew benefiċċji u l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-Unjoni. Dawn il-proċeduri jikkonċernaw preċiżament każ bħal dan. Il-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat) jitlob gwida dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali, li teżiġi li awtoritajiet pubbliċi, taħt ċerti kundizzjonijiet, jagħtu l-operat ta’ servizzi ta’ trasport mediku direttament lill-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat, hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tas-suq intern tal-Unjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

Skont l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] ( 6 ):

“‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus [pekunjarju] konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi [u waħda jew iktar awtoritajiet kontraenti] u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

5.

L-Artikolu 1(8) tad-Direttiva jipprovdi kif ġej:

“It-termini ‘kuntrattur’, ‘fornitur’ u ‘min jipprovdi s-servizz’ jfissru kull persuna naturali jew legali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawk il-persuni u/jew korpi li joffru fuq is-suq, rispettivament, l-esekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xi xogħol, prodotti, jew servizzi.

It-terminu ‘operatur ekonomiku’ se jkopri ugwalment il-kunċetti tal-kuntrattur, tal-fornitur u ta’ min jipprovdi s-servizz. Huwa wżat biss fl-interess tas-sempliċità.

[…]”

6.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18 jispeċifika, fil-kuntest tal-valur ta’ kuntratt pubbliku, il-limiti li minnhom jew ’il fuq minnhom għandha tapplika d-Direttiva.

7.

L-Artikoli 20 u 21 tad-Direttiva 2004/18 jiddeterminaw il-proċedura għall-għoti, minn naħa, ta’ kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II A (li għandhom jingħataw skont l-Artikoli 23 sa 55), u min-naħa l-oħra, ta’ kuntratti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II B (suġġetti biss għall-Artikoli 23 u 35(4)).

8.

B’mod partikolari, l-Anness II A jelenka, taħt il-kategorija Nru 2, “Servizzi tat-trasport bl-art”, u l-Anness II B jelenka, taħt il-kategorija Nru 25, “Servizzi tas-saħħa u soċjali”.

B – Id-dritt Taljan

9.

L-Artikolu 75b tal-Liġi Reġjonali Nru 41 tas-7 ta’ Diċembru 2006 tar-Regione Liguria, kif emendat, (l-“Artikolu 75b RL”) jipprovdi:

“1.   Il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mediku hija attività ta’ interess ġenerali rregolata mill-prinċipji ta’ universalità, solidarjetà, effiċjenza ekonomika u adegwatezza.

2.   Is-servizzi ta’ trasport mediku previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu pprovduti minn aġenziji tas-saħħa individwali […] bl-użu ta’ riżorsi u persunal tagħhom. Meta dan ma huwiex possibbli, is-servizzi ta’ trasport mediku għandhom jingħataw lil persuni jew entitajiet oħra […], skont il-prinċipji segwenti:

a)

servizzi ta’ trasport mediku li jiġu pprovduti f’isem is-servizz tas-saħħa reġjonali għandhom jingħataw, bi prijorità, lill-assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, lis-Salib l-Aħmar u lil istituzzjonijiet jew entitajiet pubbliċi awtorizzati oħra, sabiex jiġi żgurat li dan is-servizz ta’ interess ġenerali jiġi pprovdut f’kundizzjonijiet ta’ bilanċ ekonomiku fir-rigward tal-baġit. Ir-relazzjonijiet mas-Salib l-Aħmar Taljan u mal-assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat għandhom jiġu rregolata permezz ta’ ftehimiet […];

b)

meta servizzi ta’ trasport mediku jingħataw lil persuni jew entitajiet li ma humiex dawk imsemmija fil-punt (a), dan għandu jsir skont il-liġijiet applikabbli li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi u għal provvisti.

3.   Il-ftehimiet […] previsti fil-paragrafu 2(a) għandhom jipprovdu biss, fir-rigward tal-assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat [u] tas-Salib l-Aħmar Taljan […], għar-rimbors tal-ispejjeż effettivament inkorsi, skont il-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Reġjonali abbażi tal-prinċipji ta’ effiċjenza ekonomika u ta’ effiċjenza u tal-prinċipju li ma għandux ikun hemm kumpens żejjed għall-ispejjeż inkorsi.”

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

10.

Permezz tad-Deċiżjoni Nru 940 tat-22 ta’ Diċembru 2010, u skont il-liġijiet reġjonali applikabbli, l-awtorità lokali tas-saħħa ASL Nru 5 “Spezzino” (“ASL Nru 5”) ikkonkludiet ftehimiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mediku ma’ żewġ organizzazzjonijiet ta’ volontarjat: Associazione Nazionale Pubblica Assistenza (“ANPAS”) u Croce Rossa Italiana (is-Salib l-Aħmar Taljan).

11.

San Lorenzo Società Cooperativa Sociale u Croce Verde Cogema Cooperativa Sociale Onlus (“il-konvenuti fil-kawża prinċipali”), żewġ kooperattivi li joperaw servizzi ta’ trasport mediku fir-reġjun ta’ Liguria, ressqu azzjoni quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale della Liguria (Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Liguria; it-“TAR Liguria”) sabiex jikkontestaw l-għoti tal-kuntratti minn ASL Nru 5.

12.

It-TAR Liguria kkonkludiet li l-ftehimiet ikkontestati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu jikkostitwixxu kuntratti pubbliċi mogħtija bi ksur tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 49, 56 u 105 TFUE. Is-sentenza tat-TAR Liguria ġiet appellata quddiem il-Consiglio di Stato minn ASL Nru 5, ir-Regione Liguria u l-ANPAS.

13.

Billi kellu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 75b RL mad-dritt tal-Unjoni, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti:

“1.

L-Artikoli 49, 56, 105 u 106 TFUE jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li servizzi ta’ trasport mediku jingħataw bi prijorità lill-assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, lis-Salib l-Aħmar Taljan u lill-istituzzjonijiet jew lill-entitajiet pubbliċi oħra awtorizzati, għalkemm abbażi ta’ ftehim li jipprovdi biss għar-rimbors tal-ispejjeż effettivament sostnuti?

2.

Id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi — f’dan il-każ, fir-rigward tal-kuntratti esklużi, il-prinċipji ġenerali ta’ kompetizzjoni libera, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità — jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti dirett tas-servizz ta’ trasport mediku, meta jkun hemm lok li ftehim qafas bħal dak kontenzjuż, li jipprovdi wkoll għar-rimbors ta’ spejjeż fissi u permanenti, jiġi kkwalifikat bħala li jsir bi ħlas?”

14.

F’din il-kawża, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn ANPAS, Regione Liguria, u mill-Kummissjoni. ANPAS, San Lorenzo Società Cooperativa Sociale, il-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali fil-seduta tas-26 ta’ Frar 2014.

III – Analiżi

A – Introduzzjoni

15.

Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob gwida dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali dwar l-għoti dirett ta’ servizzi ta’ trasport mediku, bħall-Artikolu 75b RL, hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

16.

Skont l-Artikolu 75b RL, servizzi ta’ trasport mediku għandhom bħala prinċipju jiġu pprovduti direttament mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali bl-użu tar-riżorsi tagħhom. Madankollu, meta dawk l-awtoritajiet ma humiex f’pożizzjoni li jipprovdu dawn is-servizzi huma stess, jistgħu jirrikorru għal fornituri esterni. F’każ bħal dan, bħala prinċipju għandhom jagħtu dawk is-servizzi lill-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat (bħas-Salib l-Aħmar) jew lil korpi pubbliċi oħra, bl-obbligu uniku ta’ rimbors tal-ispejjeż. Meta dak ma huwiex fattibbli, l-awtoritajiet tas-saħħa lokali jistgħu jesternalizzaw dawn is-servizzi lil persuni jew entitajiet oħra, magħżula b’konformità mar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

17.

Minkejja l-fatt li, fid-domandi tagħha, il-qorti nazzjonali tirreferi għal diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE (bħal dawk tal-libertà ta’ stabbiliment, il-moviment liberu tas-servizzi u l-kompetizzjoni libera) u ta’ leġiżlazzjoni sekondarja (bħar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi), kif ukoll għal xi prinċipji ġenerali tad-dritt (bħall-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, trasparenza u proporzjonalità), fl-opinjoni tiegħi huwa ċar li r-regoli tal-Unjoni li huma rilevanti f’din il-kawża huma, minn naħa, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18.

18.

Tabilħaqq, dawn huma l-uniċi regoli tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom il-qorti tar-rinviju tispjega r-raġunijiet tad-dubji tagħha. Għall-kuntrarju, l-ebda spjegazzjoni reali ma tingħata minn din il-qorti dwar il-konnessjoni li tara bejn id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Unjoni jew il-prinċipji li għalihom saret referenza fid-domandi tagħha u l-kwistjoni fil-kawża prinċipali ( 7 ). Barra minn hekk, fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita — li nirreferi għaliha fid-dettall iktar ’il quddiem — l-Artikoli 49 u 56 TFUE u d-Direttiva 2004/18 huma, fl-opinjoni tiegħi, id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li potenzjalment jistgħu jiġu f’kunflitt ma’ — u għalhekk jipprekludu — dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 75b RL.

19.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li ż-żewġ domandi magħmula jistgħu jiġu eżaminati flimkien billi dawn jikkonċernaw l-istess kwistjoni. Għalhekk, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid dawn id-domandi kif ġej: “L-Artikoli 49 u 56 TFUE u d-Direttiva 2004/18 jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li skontha, meta jingħataw kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mediku, tingħata prijorità lill-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat, liema kuntratti jingħatawlhom mingħajr ebda forma ta’ sejħa għall-kompetizzjoni u jipprovdu biss għar-rimbors tal-ispejjeż effettivament inkorsi?”

B – Evalwazzjoni tad-domandi preliminari

1. Osservazzjonijiet preliminari

20.

Qabelxejn, nixtieq nindirizza żewġ eċċezzjonijiet preliminari, imressqa mir-Regione Liguria u ANPAS, dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 75b RL taqax fl-ambitu tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

21.

L-ewwel nett, Regione Liguria u ANPAS jenfasizzaw li l-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat previsti mill-Artikolu 75b RL huma biss dawk ikkostitwiti bħala entitajiet mingħajr skop ta’ lukru skont il-leġiżlazzjoni Taljana rilevanti ( 8 ) u dawk li, fir-realtà, ma jinvolvux ruħhom f’attività ekonomika. Fit-tieni nett, huma jenfasizzaw li l-Artikolu 75b RL ma jipprovdi għall-ebda forma ta’ remunerazzjoni, iżda biss għal rimbors tal-ispejjeż effettivament inkorsi.

22.

Essenzjalment, ir-Regione Liguria u ANPAS jikkontestaw, minn naħa, l-asserzjoni li organizzazzjonijiet ta’ volontarjat jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “impriżi” skont id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari bħala “operaturi ekonomiċi” għall-finijiet tal-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2004/18, u, min-naħa l-oħra, li s-servizzi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jiġu pprovduti “għall-interess tal-flus” fis-sens tad-definizzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18.

23.

Jien ma nistax naqbel ma’ dawn l-argumenti.

24.

Dwar l-ewwel punt, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li entità ma għandhiex skop ta’ lukru ( 9 ), u li l-persunal tagħha jagħtu s-servizzi tagħhom bħala volontiera li ma jitħallsux ( 10 ), huwa irrelevanti għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” huwa wiesa’ ħafna u għandu jinftiehem li jinkludi kull entità li toffri prodotti jew servizzi fis-suq ( 11 ). Għalhekk, in-natura ta’ “operatur ekonomiku” fir-rigward ta’ entità partikolari ma jiddependix minn x’inhi l-entità (pereżempju, il-kompożizzjoni interna tagħha, struttura jew funzjonament), iżda minn x’tagħmel dik l-entità (jiġifieri, it-tip ta’ attivitajiet li teżerċita). F’dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet b’mod konsistenti li l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ emerġenza u servizzi ta’ trasport tal-pazjenti jikkostitwixxu attività ekonomika skont id-dritt tal-Unjoni ( 12 ).

25.

Dan huwa wkoll ikkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Consiglio di Stato li tistabbilixxi li organizzazzjonijiet ta’ volontarjat ikkostitwiti skont il-Liġi Qafas Taljan dwar l-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat huma intitolati li joffru servizzi fis-suq, però f’ċirkustanzi limitati biss. Abbażi ta’ dan, il-Consiglio di Stato sab li dawk l-organizzazzjonijiet huma permessi, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti, b’kompetizzjoni ma’ operaturi ekonomiċi oħra (pubbliċi u privati) ( 13 ).

26.

Fuq it-tieni punt, li jikkonċerna l-kunċett ta’ interess pekunjarju, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fis-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ċċarat li kuntratt ma jistax joħroġ ’il barra mill-kunċett ta’ kuntratt pubbliku skont id-Direttiva 2004/18 biss għaliex ir-remunerazzjoni tibqa’ limitata għar-rimbors tal-ispiża inkorsa fil-provvista tas-servizz ( 14 ). Għalhekk, remunerazzjoni li tkopri biss l-ispejjeż tissodisfa l-kriterju ta’ “interess tal-flus [pekunjarju]” għall-finijiet ta’ dak l-istrument legali.

27.

F’dak il-kuntest, huwa immaterjali jekk l-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati mill-awtoritajiet pubbliċi jkoprux biss dak li l-partijiet jirreferu għalihom bħala “spejjeż diretti” (u li nifhem li huma spejjeż marġinali), jew jestendux ukoll għal “spejjeż indiretti” (jiġifieri, parti mill-ispejjeż fissi, ikkalkolati pro rata għas-sehem li s-servizzi ta’ trasport mediku għandhom fuq l-attività sħiħa tal-organizzazzjoni). Fil-fatt, anki jekk dispożizzjoni nazzjonali kellha tipprovdi biss għar-rimbors ta’ spejjeż diretti, dak ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-kuntratti konklużi taħt dik id-dispożizzjoni jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

28.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, la n-natura mingħajr skop ta’ lukru tal-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat previsti fl-Artikolu 75b RL, u lanqas il-fatt li s-servizzi tagħhom jiġu pprovduti inkambju għal rimbors tal-ispejjeż, ma huwa biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

2. Id-Direttiva 2004/18

29.

Permezz tal-Artikolu 7 tagħha, id-Direttiva 2004/18 tapplika biss għal kuntratti pubbliċi li għandhom valur meqjus li huwa ugwali għal jew iktar mil-limiti indikati fid-direttiva. F’dak li jikkonċerna t-tip ta’ kuntratti pubbliċi previsti fl-Artikolu 75b RL, l-Artikolu 7(b) ta’ dik id-direttiva, kif applikabbli fiż-żmien rilevanti, kien jipprovdi għal limitu ta’ EUR 193 000.

30.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li servizzi ta’ trasport mediku huma servizzi ta’ natura mħallta, billi għandhom kemm komponent ta’ servizz tas-saħħa kif ukoll komponent ta’ trasport. Bħala tali, dawn jaqgħu kemm taħt l-Anness II A kif ukoll taħt l-Anness II B tad-Direttiva 2004/18. ( 15 ) Dan ifisser li, meta l-valur tal-komponent tat-trasport jaqbeż il-valur marbut ma’ servizzi relatati mas-saħħa (kif jista’ jkun il-każ għal trasport skedat ta’ pazjenti għal distanzi fit-tul), japplikaw id-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva. Meta, min-naħa l-oħra, il-komponent relatat mas-saħħa jipprevali (kif jista’ jkun f’servizzi ta’ ambulanza ta’ emerġenza), f’dak il-każ — abbażi tal-Artikolu 21 tad-direttiva — japplikaw biss ċerti dispożizzjonijiet tagħha ( 16 ).

31.

Din l-evalwazzjoni għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ mill-amministrazzjoni nazzjonali li tiddeċiedi li s-servizzi inkwistjoni jingħataw b’sejħa għall-offerti, suġġetti għal stħarriġ, f’eventwalità ta’ kontestazzjoni legali, mill-qrati nazzjonali kompetenti.

32.

Fi kwalunkwe każ, jekk titħalla barra l-kwistjoni dwar l-applikabbiltà sħiħa jew parzjali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 għal għotjiet individwali, dak li għandu jiġi enfasizzat f’dan il-każ huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet li servizzi ta’ trasport mediku ma jaqgħux, bħala tali, ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-istrument legali.

33.

Huwa minnu li, kif jirrilevaw ir-Regione Liguria u l-ANPAS, skont l-Artikolu 168(7) TFUE, kif iċċarat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ), id-dritt tal-Unjoni ma jnaqqas xejn mis-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, u li jadottaw, b’mod partikolari, miżuri bil-għan li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-provvista ta’ servizzi ta’ saħħa u ta’ kura medika.

34.

Fil-fatt, hemm limitazzjonijiet ċari għal azzjoni tal-Unjoni f’dan is-settur. L-ewwel nett, it-Trattati jistabbilixxu projbizzjoni għall-armonizzazzjoni f’dan is-settur ( 18 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-Istati Membri diskrezzjoni wiesgħa fl-introduzzjoni u fiż-żamma ta’ miżuri domestiċi li, minkejja l-potenzjal li jinħolqu ostakoli għall-moviment liberu fis-suq intern, huma intiżi sabiex jipproteġu s-saħħa pubblika ( 19 ).

35.

B’dan stabbilit, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara li l-Istati Membri, meta jeżerċitaw is-setgħa tagħhom fil-qasam tas-saħħa u l-kura medika, għandhom madankollu jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet tas-suq intern. Dawn id-dispożizzjonijiet, fost l-oħrajn, jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jintroduċu jew iżommu restrizzjonijiet mhux iġġustifikati għall-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fis-settur tas-saħħa u l-kura medika ( 20 ).

36.

Għalhekk, is-settur tas-saħħa u l-kura medika ma jistax jiġi kkunsidrat bħala post ta’ kenn kontra l-applikazzjoni ta’ regoli tal-Unjoni. A fortiori, dan huwa minnu fir-rigward ta’ sett ta’ dispożizzjonijiet li, bħad-Direttiva 2004/18, b’għażla ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni, huma intiżi sabiex japplikaw għal dawn is-setturi. Tabilħaqq, l-Anness II B ta’ din id-direttiva espliċitament jelenka (taħt il-kategorija Nru 25) “Servizzi tas-saħħa u soċjali” mas-servizzi li tkopri.

37.

Għall-kuntrarju, is-setturi ekonomiċi jew tipi ta’ kuntratti li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 ( 21 ), u t-tipi speċifiċi ta’ entitajiet li għalihom japplikaw arranġamenti speċjali ( 22 ), huma espressament indikati fid-dispożizzjonijiet derogatorji tad-direttiva nnifisha.

38.

Abbażi tad-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, lanqas ma jista’ jingħad li l-eċċezzjonijiet “interni” jew “sħubija pubblika-pubblika” huma applikabbli f’dan il-każ ( 23 ): l-awtoritajiet lokali inkwistjoni mhux neċessarjament jeżerċitaw xi kontroll fuq l-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat imsemmija fl-Artikolu 75b RL li jibqgħu, bħala prinċipju, entitajiet privati.

39.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-karatteristiċi speċifiċi għas-settur tas-saħħa u tal-kura medika ma ġewx ikkunsidrati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà ssemma, l-inklużjoni ta’ dan is-settur fl-Anness II B tad-Direttiva 2004/18 jfisser li japplikaw biss numru limitat ta’ dispożizzjonijiet tad-direttiva ( 24 ), u għalhekk jagħti diskrezzjoni iktar wiesgħa lill-Istati Membri meta, fost l-oħrajn, jagħżlu fornituri ta’ servizzi terzi.

40.

Inċidentalment, nosserva li d-direttiva l-ġdida tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li ġiet adottata reċentement fis-26 ta’ Frar 2014 ( 25 ), mhux biss twessa’ dejjem iktar id-diskrezzjoni tal-Istati Membri f’dan il-qasam (pereżempju, billi tgħolli l-limiti għal servizzi tas-saħħa għal EUR 750 000) ( 26 ), iżda tinkludi wkoll ċerti regoli speċifiċi għal servizzi pprovduti minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru ( 27 ). Dan ikompli jikkonferma iktar li, kif inhi l-liġi attwali, il-kuntratti ta’ servizz previsti mill-Artikolu 75b RL huma koperti mid-Direttiva 2004/18.

41.

Finalment, ftit li xejn huwa neċessarju li nżid li, fid-dawl tal-valur tas-servizzi li jingħataw abbażi tal-Artikolu 75b RL, u tal-portata u tat-tul tal-kuntratti konklużi mill-amministrazzjoni pubblika f’dan ir-rigward ( 28 ), jista’ faċilment jiġi preżunt li l-limitu attwali iktarx jintlaħaq f’numru ta’ każijiet.

42.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-opinjoni tiegħi d-Direttiva 2004/18 tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 75b RL li, f’ċerti ċirkustanzi, teskludi kull sejħa għal offerti jew sejħa għal kompetizzjoni għall-għoti ta’ servizzi ta’ trasport mediku, irrispettivament mill-valur ta’ dawk is-servizzi.

3. L-Artikoli 49 u 56 TFUE

43.

L-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ trasport mediku li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-limiti indikati fl-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18 ma huwiex suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva ( 29 ).

44.

Madankollu, dan ma jfissirx li kull kuntratt bħal dan huwa bilfors eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Tabilħaqq, meta l-kuntratt inkwistjoni għandu interess transkonfinali, id-dritt primarju tal-Unjoni huwa xorta applikabbli. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti huma marbuta li jikkonformaw mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat FUE (u b’mod partikolari, l-Artikoli 49 u 56 TFUE), ( 30 ) kif ukoll mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità ( 31 ).

45.

Bħala prinċipju, huma l-awtoritajiet kontraenti kkonċernati ( 32 ) li għandhom jevalwaw jekk kuntratt li l-valur stimat tiegħu huwa inqas mil-limiti rilevanti jistax ikollu interess transkonfinali fid-dawl, inter alia, tal-valur tal-kuntratt u tal-post fejn is-servizzi se jingħataw ( 33 ), bla ħsara għall-fatt li din l-evalwazzjoni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ( 34 ).

46.

F’dan il-każ, għalija jidher evidenti li, tal-inqas, f’numru mhux insinjifikattiv ta’ każijiet, ċerti kuntratti mogħtija abbażi tal-Artikolu 75b RL jistgħu tabilħaqq ikollhom interess transkonfinali. Dan huwa minnu, inter alia, minħabba l-valur oġġettiv tas-servizzi li jkunu se jingħataw ( 35 ) u minħabba li r-Regione Liguria tikkonfina ma’ Franza ( 36 ).

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li, meta kuntratt pubbliku għandu interess transkonfinali, fl-assenza ta’ kull trasparenza, l-għoti tiegħu lil impriża li tinsab fl-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità kontraenti, jikkostitwixxi differenza fit-trattament għad-dannu tal-impriżi li jistgħu jkunu interessati f’dak il-kuntratt li jinsabu fi Stati Membri oħra. Għalhekk, sakemm ma tkunx iġġustifikata b’ċirkustanzi oġġettivi, din id-differenza fit-trattament, billi teskludi l-impriżi kollha li jinsabu fi Stat Membru ieħor, tammonta għal diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità, kif ipprojbita mill-Artikoli 49 u 56 TFUE ( 37 ).

48.

Waqt is-seduta, ANPAS u l-Gvern Taljan irrimarkaw li, sa fejn il-kuntratti għas-servizzi inkwistjoni jingħataw abbażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi (pereżempju, tal-Gvern Reġjonali), teżisti ċertu pubbliċità billi dawk id-deċiżjonijiet huma regolarment ippubblikati f’mezzi uffiċjali (inklużi websajts).

49.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din it-tip ta’ pubbliċità ma hijiex biżżejjed sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, it-trasparenza ma hijiex għan aħħari fih innifsu ( 38 ) iżda, kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, tfittex li tiżgura li operaturi ekonomiċi li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor differenti minn dak tal-awtorità kontraenti jistgħu jkollhom aċċess għal informazzjoni xierqa dwar il-kuntratt ikkonċernat qabel dan jingħata, sabiex jekk operatur jixtieq, ikun f’pożizzjoni li juri l-interess li jakkwista dak il-kuntratt ( 39 ). Fi kliem ieħor, il-livell ta’ pubbliċità għandu jkun suffiċjenti sabiex jippermetti li l-kuntratt pubbliku jkun miftuħ għal ċertu livell ta’ kompetizzjoni, u li tiġi mistħarrġa l-imparzjalità tal-proċeduri għall-għoti tiegħu ( 40 ): anki jekk sejħa għal offerti tista’ ma tkunx meħtieġa, l-awtorità kontraenti għandha, xorta waħda, tiżgura li jkun hemm xi forma ta’ sejħa għall-kompetizzjoni li hija xierqa għaċ-ċirkustanzi ( 41 ).

50.

Minkejja dan, l-Artikolu 75b RL ma jħallix marġni ta’ manuvra għall-awtoritajiet kontraenti sabiex jistabbilixxu jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, il-kuntratt li jkun se jingħata jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, jekk iva, jipproċedux bl-għoti tal-kuntratt b’konformità mal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni applikabbli. Tabilħaqq, l-Artikolu 75b RL jirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti dejjem jagħtu prijorità lill-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat, sakemm dawn huma disponibbli, irrispettivament minn jekk il-kuntratt għandux interess transkonfinali jew le. Għalhekk, huwa inevitabbli li l-ebda sejħa għall-kompetizzjoni ma ssir, għad-detriment tal-entitajiet stabbiliti ’l barra mill-Italja li jistgħu jkunu interessati f’dawk il-kuntratti. Dan jista’ jwassal għal diskriminazzjoni li hija pprojbita skont l-Artikoli 49 u 56 TFUE.

51.

Il-kliem tal-Artikolu 75b RL ma jillimitax b’mod espliċitu din ir-regola ta’ prijorità għall-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat ikkostitwiti taħt id-dritt Taljan. Madankollu, tali miżura tista’ tal-inqas twassal għall-esklużjoni mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti ta’ dawk l-entitajiet li huma bbażati fi Stati Membri oħra u li ma kinux stabbiliti bħala entitajiet mingħajr skop ta’ lukru.

52.

Għalhekk, dispożizzjoni bħal ma huwa l-Artikolu 75b RL tista’, f’numru ta’ każijiet, toħloq ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skont l-Artikoli 49 u 56 TFUE.

53.

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali li hija tali li tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat tista’ tkun iġġustifikata jekk dik il-leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiżgura l-kisba tal-għan intiż u ma tmurx lil hinn minn dak illi huwa meħtieġ għal dak il-għan ( 42 ).

54.

Fl-opinjoni tiegħi, huwa ċar li miżuri li huma ġenwinament maħsuba sabiex jiżguraw li servizzi mediċi (bħal, pereżempju, servizz ta’ trasport mediku) ipprovduti f’isem l-awtoritajiet pubbliċi liċ-ċittadini kollha, ikunu affidabbli u ta’ kwalità tajba, filwaqt li jimminimizzaw l-ispiża pubblika, huma bħala prinċipju suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw restrizzjoni għal dawk il-libertajiet fundamentali ( 43 ).

55.

Minkejja dan, f’dan il-każ, ma nistax nara kif dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 75b RL tista’ twassal sabiex tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

56.

L-ewwel nett, ma huwiex sostnut li negozji li jinsabu fi Stati Membri oħra ma jkunux kapaċi jiżguraw provvista adegwata ta’ servizzi ta’ trasport mediku. It-tieni nett, minkejja dak li jikkontendu r-Regione Liguria u ANPAS, l-assenza ta’ xi forma ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ xi pubbliċità anteċedenti, normalment tidher li taħdem għad-detriment tal-finanzi pubbliċi.

57.

Il-ftuħ ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi lil offerenti potenzjali oħra jista’ jwassal sabiex l-awtoritajiet kontraenti jirċievu iktar offerti (u għalhekk b’għażla ikbar kemm f’dik li hija kwalità kif ukoll prezz), u għandu jinkoraġġixxi operaturi interessati fl-għoti tal-kuntratt sabiex ikunu iktar ekonomiċi u effiċjenti.

58.

Entità mingħajr skop ta’ lukru li, potenzjalment, trid tikkompeti ma’ entitajiet oħra għall-għoti ta’ kuntratt, probabbilment ma titfax offerta li hija ogħla minn dik li tkun għamlet f’sitwazzjoni fejn l-għoti tal-kuntratt huwa rriżervat għaliha bil-liġi. Jekk xejn, l-eżistenza ta’ kompetituri normalment tinkoraġġixxi lil dik l-entità sabiex tkun dejjem iktar konxja tal-ispejjeż, billi tuża r-riżorsi tagħha b’mod iktar effettiv.

59.

Il-fatt li l-konvenuti fil-kawża prinċipali huma organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li kienu jkunu interessati li jipprovdu s-servizzi kkonċernati, juri li hemm skop ċar li l-għoti ta’ dawn is-servizzi jinfetaħ għal livell ogħla ta’ kompetizzjoni, anki fost entitajiet mingħajr skop ta’ lukru ( 44 ).

60.

Fi kwalunkwe każ, id-domanda dwar jekk, f’każ speċifiku, restrizzjoni fis-sens tal-Artikoli 49 u 56 TFUE tistax tkun iġġustifikata u, barra minn hekk, proporzjonata, bħala prinċipju hija materja li għandha tiġi ddeterminata mill-qrati nazzjonali kompetenti. F’każ ta’ dubju, dawk il-qrati jistgħu jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

61.

Minkejja dan, għar-raġunijiet mogħtija fil-punti preċedenti, fl-opinjoni tiegħi huwa inkonċepibbli li tali restrizzjoni tista’ tiġi meqjusa ġġustifikata u proporzjonata meta tkun ibbażata fuq deroga a priori u ġenerali mill-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif inhi l-proċedura introdotta bl-Artikolu 75b RL.

C – Rimarki finali

62.

Finalment, jixraq li jiġi diskuss fil-qosor punt tal-aħħar imqajjem mir-Regione Liguria u ANPAS. Skont dawn il-partijiet, l-Artikolu 75b RL huwa espressjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà, li huwa valur fundamentali li jinsab fl-Artikoli 2 u 18 tal-Kostituzzjoni Taljana. Dispożizzjoni bħall-Artikolu 75b RL hija, fl-opinjoni tagħhom, mhux intiża biss sabiex tillimita l-ispiża pubblika għas-servizzi mediċi kkonċernati, iżda wkoll sabiex tinkoraġġixxi ċittadini sabiex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet karitatevoli u jwettqu xogħol volontarju għall-benefiċċju tas-soċjetà inġenerali. Huma jargumentaw li huwa fil-fatt b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Sodemare, li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix Stat Membru milli jippermetti biss operaturi privati mingħajr skop ta’ lukru sabiex jipparteċipaw fit-tħaddim tas-sistema ta’ ħarsien soċjali tagħha, billi jikkonkludi kuntratti li jintitolawhom għal rimbors mill-awtoritajiet pubbliċi tal-ispiża sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ ħarsien soċjali ta’ natura ta’ saħħa u kura medika.

63.

Ninsab konxju tal-fatt li t-tfittxija ta’ effiċjenza ekonomika f’suq Ewropew ibbażat fuq kompetizzjoni libera u miftuħa ma huwiex għan aħħari fih innifsu, iżda biss strument sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom inħalqet l-Unjoni Ewropea ( 45 ). Għalhekk, nasal naċċetta li l-ħtieġa li jkun hemm promozzjoni u protezzjoni ta’ wieħed mill-valuri fundamentali li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea tista’, f’xi drabi, tipprevali fuq ir-rekwiżiti imperattivi tas-suq intern.

64.

Kif irrimarka l-Avukat Ġenerali Mengozzi f’konklużjonijiet riċenti ( 46 ), is-solidarjetà tissemma espliċitament fl-Artikolu 2 TUE fost il-valuri li jirfdu l-mudell Ewropew ta’ soċjetà kif jirriżulta mit-Trattati tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-fatt li entitajiet bħall-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat previsti fl-Artikolu 75b RL, ingħataw, mil-leġiżlatur nazzjonali, il-funzjoni importanti ta’ trawwim, fi ħdan l-isfera tagħhom, tal-valur tas-solidarjetà fis-soċjetà Taljana, ma huwiex — u ma jistax ikun — element bla rilevanza skont id-dritt tal-Unjoni.

65.

Madankollu, ngħid li l-funzjoni importanti mogħtija lil dawn l-organizzazzjonijiet ma tistax tiġi segwita, billi topera ’il barra mill-portata ta’ regoli komuni, iżda billi topera fi ħdan il-konfini ta’ dawk ir-regoli, b’mod li tapprofitta mir-regoli speċifiċi adottati mil-leġiżlatur bil-ħsieb li jiġu sostnuti l-attivitajiet tagħhom.

66.

Pereżempju, l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi li awtoritajiet kontraenti “jistgħu jniżżlu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ xi kuntratt, basta dawn ikunu kompatibbli mal-liġi [tal-Unjoni] u huma indikati fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet. Il-kondizzjonijiet li jikkontrollaw it-twettiq ta’ xi kuntratt jistgħu, partikolarment, jikkonċernaw kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali” ( 47 ).

67.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li kunsiderazzjonijiet relatati ma’ għanijiet soċjali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet kontraenti, meta dawn ma joħolqux diskriminazzjoni, b’mod dirett jew indirett, kontra offerenti minn Stati Membri oħra, u bil-kundizzjoni li dawn huma espressament iddikjarati fl-avviż tal-kuntratt, sabiex operaturi jistgħu jsiru konxji tal-eżistenza tagħhom ( 48 ).

68.

Letteratura legali wkoll ġeneralment tikkunsidra li awtoritajiet kontraenti ma jistgħux jiġu impediti milli jirrikorru għall-istrumenti għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi sabiex jilħqu għanijiet pubbliċi (pereżempju, fil-qasam soċjali), kemm-il darba dawn l-għanijiet ikunu segwiti b’żieda mal-għanijiet ekonomiċi (tradizzjonali), ikun hemm konformità mar-rekwiżiti proċedurali tad-direttivi tal-Unjoni, u r-riżultat ikun kompatibbli mal-għanijiet ta’ dawn id-direttivi ( 49 ).

69.

Fl-opinjoni tiegħi, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 li jikkonċernaw, inter alia, speċifikazzjonijiet tekniċi (Artikolu 23), kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ kuntratti (Artikolu 26), kriterji ta’ għażla kwalitattiva (Artikoli 45 sa 52) u kriterji għall-għoti ta’ kuntratti (Artikoli 53 sa 55) joffru lill-awtoritajiet kontraenti marġni suffiċjenti sabiex jilħqu l-għanijiet soċjali flimkien ma’ għanijiet ekonomiċi, filwaqt li josservaw kemm l-ittra kif ukoll l-ispirtu tad-Direttiva 2004/18. F’dan il-kuntest, u bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli ma jiġux imċaħħda mill-effettività tagħhom, jista’ jkun hemm ċertu marġni għal-leġiżlatur nazzjonali sabiex jieħu inkunsiderazzjoni u, fejn meħtieġ, jagħti preferenza lil, fornituri ta’ servizzi li huma kkostitwiti bħala assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat jew, b’mod iktar ġeneriku, bħala entitajiet mingħajr skop ta’ lukru. Dan huwa l-każ a fortiori meta l-awtoritajiet kontraenti jkunu marbuta biss bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 applikabbli għall-kuntratti pubbliċi li għandhom bħal suġġett servizzi elenkati fl-Anness II B, jew bi prinċipji ġenerali li jirriżultaw mid-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari mill-Artikoli 49 u 56 TFUE.

70.

Dan huwa minnu minkejja l-fatt li, f’kull probabbiltà, organizzazzjonijiet ta’ volontarjat li jitolbu biss rimbors tal-ispejjeż inkorsi, u li huma mmexxija b’mod raġonevolment effettiv, bħala prinċipju, ħafna drabi għandhom ikunu kapaċi jipprevalu fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi sempliċiment minħabba l-effiċjenza ekonomika tagħhom.

71.

Finalment, f’dak li tikkonċerna s-sentenza Sodemare, li sar riferiment għaliha mir-Regione Liguria u ANPAS, nirrimarka li dik is-sentenza ma daħlitx fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Dik il-kawża kienet tikkonċerna s-sistema ta’ ħarsien soċjali adottata mir-Regione Lombardia, li fiha kienu biss entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li ġew permessi jipprovdu ċerti servizzi lill-pubbliku meta l-ispiża ta’ dawk is-servizzi kienet jew koperta mill-pazjenti, b’mod intier jew f’parti minnha, jew mir-Reġjun.

72.

Kif nifhimha jien, ma kien hemm ebda għoti ta’ kuntratt għal servizzi mir-Regione Lombardia lil xi entità speċifika waħda jew iktar minn fost dawk li kienu potenzjalment interessati. Għall-kuntrarju, is-sistema kienet miftuħa u nondiskriminatorja sal-punt li l-entitajiet kollha li ssodisfaw ċerti rekwiżiti oġġettivi kif stabbiliti mil-liġijiet applikabbli, setgħu jipparteċipaw fis-sistema ta’ ħarsien soċjali bħal fornituri ta’ servizzi ta’ ħarsien soċjali. Kien f’dan l-isfond li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ħadet inkunsiderazzjoni wkoll is-solidarjetà u l-elementi soċjali li fuqhom kienet ibbażata s-sistema ta’ ħarsien soċjali statutorja, ikkonstatat li tali sistema ma kienet toħloq ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn impriżi li jinsabu fi Stati Membri differenti u ma kinitx toħloq ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment ipprojbit minn dak li llum huwa l-Artikolu 49 TFUE.

73.

Bħala konklużjoni, fl-opinjoni tiegħi Stat Membru huwa intitolat li, bi prijorità, jagħti servizzi ta’ trasport mediku lill-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat, mingħajr ma jsegwi r-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi biss meta l-valur ta’ dawn is-servizzi ma jeċċedix il-limitu previst fid-Direttiva 2004/18, u meta l-għoti tal-kuntratt ma jinvolvi ebda interess transkonfinali.

74.

F’ċirkustanzi partikolari, ma huwiex inkonċepibbli li Stat Membru jista’ wkoll ikun kapaċi juri li, minkejja l-interess transkonfinali potenzjali ta’ kuntratt (b’valur inqas minn dan il-limitu), hemm raġunijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw deroga mir-rekwiżiti ta’ trasparenza imposti bl-Artikoli 49 u 56 TFUE.

75.

Madankollu, l-Artikoli 49 u 56 TFUE u d-Direttiva 2004/18 jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali — bħall-Artikolu 75b RL — li l-effett tagħha hija li organizzazzjonijiet ta’ volontarjat jingħataw, mingħajr ebda forma ta’ sejħa għall-kompetizzjoni, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mediku, indipendentement mill-valur tal-għoti tal-kuntratt u mill-impatt transkonfinali potenzjali.

IV – Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Consiglio di Stato (l-Italja) kif ġej:

L-Artikoli 49 u 56 TFUE u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li skontha, meta jingħataw kuntratti għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mediku, tingħata prijorità lill-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat, liema kuntratti jingħatawlhom mingħajr ebda forma ta’ sejħa għall-kompetizzjoni u jipprovdu biss għar-rimbors tal-ispejjeż effettivament inkorsi.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Pereżempju, organizzazzjonijiet karitatevoli ngħataw status legali speċifiku fi żminijiet ta’ gwerra, sa mill-ewwel Konvenzjoni għall-Miljorament tal-Kundizzjonijiet tal-Midruba fl-Armati fil-Kamp tal-Gwerra, iffirmata f’Genève fit-22 ta’ Awwissu 1864. Madankollu, bir-Riżoluzzjoni 45/6 tas-16 ta’ Ottubru 1990, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat l-istatus ta’ osservatur lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, b’kunsiderazzjoni għar-rwol speċifiku u għall-mandati mogħtija lilha mill-Konvenzjonijiet ta’ Genève.

( 3 ) Pereżempju, ara d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u s-soċjetà ċivili kif mitlub mill-Artikolu 11 TUE u mill-Artikolu 15 TFUE. B’żieda ma’ dan, skont l-Artikolu 300(2) TFUE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jkun kompost, fost l-oħrajn, minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, numru ta’ dikjarazzjonijiet annessi mat-Trattati jenfasizzaw il-kontribut importanti mogħti mill-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat għall-iżvilupp tas-solidarjetà soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea: b’mod partikolari, id-Dikjarazzjoni 23 annessa mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea tal-1992, u d-Dikjarazzjoni 38 annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam.

( 4 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, Ġabra p. I-8203). Dwar l-implikazzjonijiet ta’ din is-sentenza fuq l-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, ara b’mod estensiv Breen, O. B., “EU Regulation of Charitable Organisations: The Politics of Legally Enabling Civil Society”, 3 (2008) The International Journal of Not-for-Profit Law, p. 50 sa 78.

( 5 ) Sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et (C-70/95, Ġabra p. I-3395, “Sodemare”. Nidħol f’iktar dettall dwar din il-kawża iktar ’il quddiem, fil-punti 62, u 71 u 72.

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.

( 7 ) Għalhekk, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma tagħtix lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni fattwali u legali kollha meħtieġa sabiex hija tkun tista’ tiddetermina ċ-ċirkustanzi li fihom id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikser ir-regoli l-oħra tal-Unjoni msemmija fil-punt 17, id-domandi magħmula jistgħu jiġu kkunsidrati parzjalment inammissibbli. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Crono Services et (C‑419/12 u C‑420/12, punti 31 sa 33).

( 8 ) Huma jirreferu, b’mod partikolari, għal-Liġi Nru 266 tal-11 ta’ Awwissu 1991, Legge quadro sul volontariato (Liġi Qafas dwar l-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat) (GURI Nru 196 tat-22 ta’ Awwissu 1991).

( 9 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C-119/06, Ġabra p. I-168, punti 37 sa 41); is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C-305/08, Ġabra p. I-12129, punti 30 u 45, u s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, punt 26).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 11 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C-41/90, Ġabra p. I-1979, punti 21 sa 23), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazak fil-Kawża CoNISMa, punti 22 u 23.

( 12 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C-475/99, Ġabra p. I-8089, punti 21 u 22) u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punt 38.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Consiglio di Stato tat-23 ta’ Jannar 2013, Nru 387, u tal-15 ta’ April 2013, Nru 2056.

( 14 ) Sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, punt 29. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fl-istess kawża, punti 31 sa 34.

( 15 ) Ara l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/18. Ara wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 1998, Tögel (C-76/97, Ġabra p. I-5357, punt 40) u s-sentenza tad-29 ta’ April 2010 Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C-160/08, Ġabra p. I-3713, punt 92).

( 16 ) Jiġifieri, l-Artikoli 23 u 35(4) tad-Direttiva 2004/18.

( 17 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et (C‑84/11, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(5) TFUE.

( 19 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 51); is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C-171/07 u C-172/07, Ġabra p. I-4171, punt 19), u s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, punt 41).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑141/07, punti 22 u 23), u s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, (C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 29).

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 12 sa 18 tad-Direttiva 2004/18.

( 22 ) Ara l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/18.

( 23 ) Ara s-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, punti 31 sa 35.

( 24 ) B’żieda mar-regoli u l-prinċipji tad-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea li se jiġu diskussi fis-sezzjoni li jmiss f’dawn il-konklużjonijiet. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C-507/03, Ġabra p. I-9777, punti 26 sa 29).

( 25 ) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, p. 65).

( 26 ) L-Artikoli 4(d) u 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24, kif ukoll il-premessi 114 u 118 u l-Anness XIV tagħha.

( 27 ) Ara l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 u l-premessa 28 tagħha.

( 28 ) Kif ikkorroborati bid-dokumenti li jinsabu fil-proċess tal-kawża. Ara, b’mod partikolari, l-ammonti tal-ispejjeż (ipproġettati u effettivament inkorsi) tas-servizzi ta’ trasport mediku mogħtija li jinsabu fid-Deċiżjoni Nru 441 tal-Gvern tar-Regione Liguria (“Deliberazione della Giunta Regionale”) tas-26 ta’ April 2007, kif ukoll fid-Deċiżjoni Nru 94 tal-ASL Nru 5 (“Deliberazione del Direttore Generale”) tat-22 ta’ Diċembru 2010.

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, punti 59 u 60.

( 30 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C-231/03, Ġabra p. I-7287, punt 16).

( 31 ) Sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C-225/98, Ġabra p. I-7445, punt 50).

( 32 ) Bħall-awtoritajiet tas-saħħa lokali li jiddeċiedu li jesternalizzaw il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mediku skont l-Artikolu 75b RL.

( 33 ) Sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, SECAP u Santorso (C-147/06 u C-148/06, Ġabra p. I-3565, punt 31), u s-sentenza Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et, punt 23.

( 34 ) Sentenza SECAP u Santorso, punt 30.

( 35 ) Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.

( 36 ) Pereżempju, kif indikat ANPAS waqt is-seduta, ċerti entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ trasport mediku fil-Liguria kkonkludew ftehimiet ma’ entitajiet oħra li jipprovdu l-istess servizzi f’żoni ġirien fi Franza sabiex jirregolaw ir-relazzjoni ta’ bejniethom.

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, punti 30 u 31, u s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia (C-347/06, Ġabra p. I-5641, punti 59 u 60).

( 38 ) Ara, mutatis mutandis, is-sentenza Manova (C‑336/12, punti 28 u 29).

( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coname, punt 21.

( 40 ) Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 49). Ara wkoll is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T-258/06, Ġabra p. II-2027, punti 76 sa 80).

( 41 ) Sentenza Parking Brixen, punt 50.

( 42 ) Fost oħrajn, ara s-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Serrantoni and Consorzio stabile edili (C-376/08, Ġabra p. I-12169, punt 44).

( 43 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C-158/96, Ġabra p. I-1931, punt 41), u Venturini et, punti 41 sa 42.

( 44 ) Kif diġà ddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li jista’ jkun li l-għoti ta’ kuntratt ma jkunx jista’ jiġġenera dħul nett sostanzjali ma jfissirx li l-kuntratt ma għandux interess ekonomiku għall-impriżi li jinsabu fi Stati Membri different minn dak tal-awtorità kontraenti. Tabilħaqq, fil-kuntest ta’ strateġija ekonomika sabiex testendi parti mill-attivitajiet tagħha għal Stat Membru ieħor, impriża tista’ tiddeċiedi li tikseb l-għoti ta’ kuntratt f’dak l-Istat minkejja l-fatt li dak il-kuntratt ma jistax, bħala tali, jiġġenera profitt suffiċjenti. Ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Comune di Ancona (C‑388/12, punt 51).

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) sa (3) TUE.

( 46 ) Konklużjonijiet fil-Kawża Centro Hospitalar de Setúbal u SUCH, C‑574/12, pendenti, punt 40.

( 47 ) Enfasi miżjuda. Ara wkoll il-premessa 46 tad-Direttiva 2004/18.

( 48 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, Ġabra p. 4635, punti 14 sa 37) u Il‑Kummissjoni vs Franza (punti 46 sa 54). Ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C-271/08, Ġabra p. I-7091, punt 58).

( 49 ) Ara, fost l-oħrajn, Trepte, P., Public procurement in the EU. A Practitioner’s Guide, Oxford: 2007 (it-tieni edizzjoni), p. 63 et seq, u Arrowsmith, S., “Application of the EC Treaty and directives to horizontal policies: a critical review”, f’Arrowsmith, S., u Kunzlik, P. (eds.), Social and Environmental Policies in EC Public Procurement Law, Cambridge: 2009, p. 162 et seq.