KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014 ( 1 )

Kawżi Magħquda C‑93/13 P u C‑123/13P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Versalis SpA

Eni SpA

u

Versalis SpA

Eni SpA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-lasktu tal-kloropren — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq — Imputabbiltà tal-aġir illeċitu ta’ sussidjarja lill-kumpannija parent — Multi — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva”

1. 

Dawn l-appelli huma indirizzati kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2012, Versalis u Eni vs Il-Kummissjoni ( 2 ), li permezz tagħha din tal-aħħar, essenzjalment, ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni C (2007) 5910 finali tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Diċembru 2007, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38629 – Lasktu tal-kloropren) ( 3 ), filwaqt li naqqset l-ammont tal-multa imposta in solidum mill-Kummissjoni Ewropeafuq Eni SpA u Versalis SpA.

2. 

Dawn iż-żewġ appelli jartikolaw b’mod klassiku għadd sħiħ ta’ aggravji li jikkontestaw, essenzjalment, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-imputazzjoni ta’ ksur ikkonstatat lill-kumpanniji kkundannati f’din il-kawża għal multa in solidum u d-determinazzjoni tal-ammont ta’ din il-multa.

3. 

F’din il-kawża, kienu s-sussidjarja ta’ grupp u l-kumpannija parent tagħha li nżammu responsabbli għall-ksur ikkonstatat, f’kuntest fejn l-attività kkonċernata ġiet ikkontrollata suċċessivament minn diversi entitajiet tal-grupp. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, dan l-aħħar kellha l-okkażjoni tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjonijiet prinċipali marbutin ma’ din il-problema, b’mod partikolari fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni ( 4 ), u tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il-Kummissjoni ( 5 ), li jippreżentaw numru ta’ similaritajiet ma’ dawn il-kawżi, u b’hekk mhux ser nelabora fit-tul fuqhom.

4. 

Dawn il-konklużjonijiet ser jikkonċentraw, min-naħa l-oħra, fuq dik li tista’ titqies li hija l-problema prinċipali mqajma minn dawn iż-żewġ kawżi, jiġifieri dik tal-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista’ taggrava, fuq il-bażi ta’ reċidiva, l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kumpannija parent, abbażi tal-ksur ikkonstatat preċedentement fir-rigward ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha.

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

5.

Il-fatti li wasslu għall-kawża kif ukoll il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ġew deskritti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 25 tas-sentenza appellata, li għalihom qed isir referiment għad-dettalji.

6.

Għall-finijiet tal-eżami ta’ dawn l-appelli, għandu sempliċement jitfakkar li Polimeri Europa SpA ( 6 ), li saret Versalis SpA ( 7 ), u l-kumpannija parent tagħha, Eni SpA, li huma formalment destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, ġew ikkundannati in solidum fl-Artikoli 1(d) u 2(d) tal-istess deċiżjoni biex iħallsu multa ta’ EUR 132 160 000 talli kisru l-Artikolu [101 TFUE] u talli pparteċipaw, bejn it-13 ta’ Mejju 1993 u t-13 ta’ Mejju 2002, fi ftehim uniku u kontinwu u fi prattiki miftiehma fis-settur tal-lasktu tal-kloropren.

7.

F’dan il-każ, l-attività tal-lasktu tal-kloropren tal-grupp Eni, li inizjalment kienet operata minn EniChem Elastomeri, ġiet ittrasferita lil EniChem, li saret [kunfidenzjali], u sussegwentement, mill-1 ta’ Jannar 2002, lil Polimeri Europa, li saret Versalis, waqt li huwa ppreċiżat li EniChem Elastomeri u Polimeri Europa kienu proprjetà 100 % ta’ Enichem, li min-naħa tagħha kienet ikkontrollata minn Eni.

8.

B’hekk, kif jirriżulta mill-premessi 448 sa 455 tad-deċiżjoni kkontestata, kien fil-kwalità ta’ suċċessur ekonomiku ta’ EniChem li Polimeri Europa, li saret Versalis, inżammet responsabbli għall-aġir preċedenti ta’ EniChem.

9.

Kif jirriżulta mill-premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata, kien fil-kwalità tagħha bħala kumpannija parent aħħarija tal-grupp li kellu, għal parti direttament u għal parti indirettament, bejn 99.93 u 100 % tal-kapital tal-kumpanniji responsabbli mill-attività tal-lasktu tal-kloropren tal-grupp, jiġifieri EniChem Elastomeri, EniChem, li saret [kunfidenzjali], kif ukoll Polimeri Europa, li saret Versalis, li Eni ġiet ikkundannata, peress li barra minn hekk kien hemm provi oħrajn li juru l-fatt li hija kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarji.

II – Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10.

B’att tal-20 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, li fih huma fformulaw total ta’ ħdax-il motiv, li minnhom sitta jitolbu l-annullament ta’ din tal-aħħar, u ħamsa minnhom it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom.

11.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tat-tmien motiv imressaq mir-rikorrenti, peress li ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’illegalità inkwantu, minn naħa, il-Kummissjoni ma setgħetx tqis li r-reċidiva hija ċirkustanza aggravanti fil-konfront ta’ Eni u, min-naħa l-oħra, hija ma setgħetx tqis li r-reċidiva hija ċirkustanza aggravanti fil-konfront ta’ Polimeri Europa, li saret Versalis, billi tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni Polipropilen ( 8 ) (punt 287 tas-sentenza appellata). Hija ċaħdet bħala infondati l-motivi l-oħrajn imressqa, fid-diversi partijiet tagħhom.

12.

Bħala konsegwenza, hija naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 106 200 000 u kkundannathom iħallsu erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tagħhom u tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

13.

Il-motivi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ġew ikkontestati mill-partijiet fil-kuntest tal-appelli tagħhom ser jiġu ċċitati, fejn ikun meħtieġ, matul l-analiżi tad-diversi aggravji mressqa.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

14.

Is-sentenza appellata hija s-suġġett ta’ żewġ appelli.

15.

Il-Kummissjoni ppreżentat l-appell tagħha fil-Kawża C-93/13 P permezz ta’ rikors ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2013.

16.

Eni u Versalis ippreżentaw l-appell tagħhom fil-Kawża C‑123/13 P permezz ta’ rikors ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2013.

17.

Iż-żewġ kawżi ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

18.

Id-diversi partijiet instemgħu matul is-seduta pubblika li saret fis-27 ta’ Frar 2014, li matulha huma ġew mistiedna, minn naħa, jikkonċentraw it-trattazzjoni tagħhom fuq id-diversi motivi li jikkonċernaw ir-reċidiva (l-ewwel motiv fil-Kawża C-93/13 P u l-ħames motiv fil-Kawża C-123/13 P) u, min-naħa l-oħra, jieħdu pożizzjoni dwar is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni ( 9 ), u tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il-Kummissjoni ( 10 ).

IV – Fuq l-appelli

19.

Fl-appell tagħha fil-Kawża C-93/13 P, il-Kummissjoni tressaq tliet aggravji, kollha kemm huma indirizzati kontra l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tal-multi imposti fuq Eni u Versalis. Fl-appell tagħhom fil-Kawża C-123/13 P, Eni u Versalis iressqu tmien motivi, l-ewwel tlieta indirizzati kontra l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-klassifikazzjoni tal-ksur, u l-ħamsa l-oħrajn indirizzati kontra l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tal-multi imposti fuqhom.

20.

Id-diversi aggravji ser jiġu eżaminati skont din id-dikotomija, fl-ordni tal-punti tas-sentenza appellata li għalihom jirreferu, waqt li għandu jiġi ppreċiżat fl-ewwel lok li, bl-eċċezzjoni tal-ewwel aggravju mressaq mill-Kummissjoni fil-Kawża C-93/13 P, li jitlob analiżi sostanzjali, dawn kollha ser jiġu miċħuda finalment b’motivazzjoni konċiża.

V – Fuq l-aggravji dwar l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tal-konstatazzjoni tal-ksur (Kawża C-123/13 P)

21.

L-ewwel tliet aggravji tar-rikorrenti fil-Kawża C-123/13 P jirrigwardaw il-motivi tas-sentenza appellata fir-rigward tal-ksur u, b’mod iktar preċiż, l-imputazzjoni tal-ksur lil Eni u lil Versalis skont il-ġurisprudenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni ( 11 ).

A – Fuq l-imputazzjoni tal-ksur lil Eni (l-ewwel aggravju)

1. Argumenti tal-partijiet

22.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 53 sa 78 tas-sentenza appellata, li permezz tagħha Eni nżammet responsabbli għall-aġir illeċitu tas-sussidjarji tagħha EniChem Elastomeri, EniChem, li saret [kunfidenzjali], u Polimeri Europa, li saret Versalis. Huma jqisu li l-Qorti Ġenerali marret kontra, minn naħa, il-prinċipji stabbiliti b’mod partikolari permezz tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni ( 12 ) u, min-naħa l-oħra, l-obbligi li jirriżultaw mir-rekwiżit ta’ motivazzjoni.

23.

Il-Kummissjoni tipproponi sempliċement li jiġi miċħud l-aggravju, billi tirreferi għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il‑Kummissjoni ( 13 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet aggravju analogu mressaq f’kuntest simili.

2. Analiżi

24.

L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu aċċettati. Il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti, għall-finijiet tal-liġi, fil-punti 53 sa 78 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tal-fehma li l-Kummissjoni ġustament żammet lil Eni responsabbli in solidum ma’ Polimeri Europa, li saret Versalis, għall-aġir illeċitu mwettaq minnha u minn EniChem, li saret [kunfidenzjali], matul il-perijodu bejn it-13 ta’ Mejju 1993 u t-13 ta’ Mejju 2002. F’dan ir-rigward, ser sempliċement nirreferi għall-aggravji tas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il‑Kummissjoni ( 14 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argumenti tal-istess natura mressqa f’kuntest simili, inkwantu r-rikorrenti ma kienet ressqet ebda prova li tiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiċħad il-motivi adottati f’dik is-sentenza.

B – Fuq l-imputazzjoni tal-ksur lil Versalis (it-tieni aggravju)

1. L-argumenti tal-partijiet

25.

Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta żammet lil Versalis responsabbli għal ksur għall-attivitajiet relatati mal-lasktu tal-kloropren matul il-perijodu bejn it-13 ta’ Mejju 1993 u l-31 ta’ Diċembru 2001 ( 15 ), inkwantu l-imsemmija attivitajiet kienu jaqgħu, f’dak iż-żmien, taħt ir-responsabbiltà esklużiva ta’ EniChem, li saret [kunfidenzjali]. Huma jqisu li l-Qorti Ġenerali marret kontra, minn naħa, il-prinċipju ta’ personalità tas-sanzjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-obbligi li jirriżultaw mir-rekwiżit ta’ motivazzjoni.

26.

Il-Kummissjoni tirrileva li t-tieni aggravju tar-rikorrenti jirrigwarda evalwazzjoni tal-fatti li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja f’appell u b’hekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li dawn tal-aħħar ma invokawx żnaturament tal-fatti. Hija targumenta li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti biddlu l-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma invokaw.

2. Analiżi

27.

L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu aċċettati. Il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti, għall-finijiet tal-liġi, fil-punti 89 sa 99 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tal-fehma li l-Kummissjoni ġustament żammet lil Versalis responsabbli għall-aġir illeċitu mwettaq minn EniChem, li saret [kunfidenzjali], u dan mingħajr ma marret kontra l-ġurisprudenza pertinenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 16 ). F’dan ir-rigward, ser sempliċement nirreferi għall-motivi tas-sentenza Versalis vs Il-Kummissjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013 ( 17 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argumenti tal-istess natura mressqa f’kuntest simili, peress li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tiġġustifika li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-motivi adottati f’dik is-sentenza.

C – Fuq il-prova tal-parteċipazzjoni ta ’ EniChem fl-akkordju u t-tul tal-ksur (it-tielet aggravju)

1. Argumenti tal-partijiet

28.

Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat il-fatti u l-provi meta ddeċidiet li huma kienu pparteċipaw fl-akkordju bejn Mejju 1993 u Frar 1994 u bejn Ottubru 2000 u Mejju 2002. Huwa jsostnu li, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, b’mod żbaljat aċċettat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ EniChem fl-akkordju seta’ jiġi ffissat għad-data tal-laqgħa li saret f’Firenze fit-12 jew fit-13 ta’ Mejju 1993, inkwantu hija ma tbegħditx pubblikament mill-akkordju fis-swieq immirati li kien ġie konkluż. Huma jargumentaw li hija kienet ukoll żbaljata meta kkonkludiet li ż-żewġ laqgħat, li saru f’Leverkusen fit-23 ta’ April 2002 u f’Napoli fit-13 ta’ Mejju 2002, kienu ta’ natura antikompetittiva.

29.

Il-motivazzjoni tas-sentenza kienet ukoll żbaljata jew ta’ mill-inqas insuffiċjenti. Huma jitolbu, bħala konsegwenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina mill-ġdid l-ilmenti tal-Kummissjoni u li tillimita t-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur għal perijodu minn Frar 1994 sa Ottubru 2000.

30.

Il-Kummissjoni tipproponi li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala inammissibbli.

2. Analiżi

31.

It-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli inkwantu r-rikorrenti, li fil-biċċa l-kbira jirriproduċu l-argumenti ppreżentati fl-ewwel istanza, essenzjalment jikkontestaw l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-elementi ta’ fatt u ta’ prova kkunsidrati mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi d-data tal-bidu u tat-tmiem tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju (punti 147 sa 204 tas-sentenza appellata), mingħajr ma indikaw b’mod preċiż l-elementi li ġew żnaturati minnha u mingħajr ma wrew l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wassluha għal dan l-iżnaturament ( 18 ).

32.

Ser nosserva sempliċement li, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet (punt 168 tas-sentenza appellata) li l-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li l-parteċipazzjoni ta’ EniChem fl-akkordju kienet bdiet sa mil-laqgħa ta’ Firenze fit-12 jew it-13 ta’ Mejju 1993, billi bbażat ruħha, fost elementi oħrajn mhux ikkontestati, fuq il-fatt li din kienet ittieħdet fid-dawl tal-akkordju konkluż u li hija ma tbiegħditx minnu. Ir-rikorrenti, li ma jressqu lanqas l-iċken prova biex jistabbilixxu li EniChem effettivament tbiegħdet pubblikament mill-akkordju matul dik il-laqgħa ( 19 ), ma jindikawx kif din il-konstatazzjoni tirriżulta minn żnaturament tal-fatti jew tal-provi.

VI – Fuq il-motivi dwar l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tal-multi (Kawżi C-93/13 P u C-123/13 P)

A – Fuq l-iffissar tal-ammont bażiku tal-multa (ir-raba ’ aggravju fil-Kawża C-123/13 P)

1. L-argumenti tal-partijiet

33.

Ir-raba’ aggravju tar-rikorrenti, li jikkonsisti f’żewġ partijiet, jirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-iffissar mill-Kummissjoni tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuqhom. Fil-kuntest tal-ewwel parti, huma jargumentaw, b’riferiment għall-punti 239 u 240, 242, 247 u 249 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali marret kontra d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwità, proporzjonalità u ugwaljanza fit-trattament, billi naqset milli teżerċita l-istħarriġ tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-provi li huma pproduċew biex jikkontestaw id-determinazzjoni mill-Kummissjoni tal-ammont bażiku tal-ammont addizzjonali tal-multa. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, injorat l-ilmenti tagħhom li l-Kummissjoni ma applikatx il-punt 18 tal-linji gwida dwar il-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 20 ). Fil-kuntest tat-tieni parti tal-aggravju, ir-rikorrenti jargumentaw, billi jirreferu f’dan ir-rigward għat-tielet aggravju tagħhom, li l-koeffiċjent multiplikatur previst fil-punt 24 tal-linji gwida kellu jitnaqqas għal 6, 75, li jikkorrispondi għal 6 snin u 9 xhur ta’ parteċipazzjoni effettiva ta’ Versalis fil-ksur.

34.

Il-Kumimissjoni jidhrilha li dan l-aggravju, li globalment huwa limitat għal riferiment għall-argumenti fformulati fl-ewwel istanza, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

2. Analiżi

35.

L-ewwel parti tal-aggravju tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli inkwantu fir-realtà jwassal biex jinkiseb sempliċi rieżami tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li, skont l-Artikolu 56 tal-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imur lil hinn mill-kompetenza ta’ din tal-aħħar ( 21 ). Biżżejjed jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti jirreferu b’mod ġenerali għar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, billi jinvokaw ċerti elementi li ma ġewx ikkunsidrati mill-Qorti Ġenerali, iżda mingħajr ma jispjegaw l-iżbalji ta’ liġi li bihom kienet ivvizzjata l-evalwazzjoni tagħha u mingħajr ma jikkontestaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija għamlet ( 22 ). L-ilment dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 18 tal-linji gwida għandu jiġi miċħud ukoll bħala inammissibbli, inkwantu r-rikorrenti sempliċement jallegaw li huma ressquh matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, fatt ikkontestat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, u meta titqies ir-risposta proposta li għandha tingħata għat-tielet aggravju, għandha tiġi miċħuda wkoll it-tieni parti tal-aggravju.

B – Fuq il-klassifikazzjoni tar-reċidiva ta ’ Eni (l-ewwel aggravju fil-Kawża C-93/13 P)

1. Il-motivi tas-sentenza appellata

36.

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 275 tas-sentenza appellata, li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax jitqies li huwa reċidiva fir-rigward ta’ Eni. Essenzjalment, mill-motivi tas-sentenza appellata (punti 268 sa 275) jirriżulta li żewġ tipi ta’ kunsiderazzjonijiet jiġġustifikaw fl-istess ħin din il-konklużjoni.

37.

L-ewwel waħda hija li, fid-deċiżjonijiet tagħha Polipropilen u PVC II ( 23 ), il-Kummissjoni “la ppretendiet u lanqas uriet” li l-kumpanniji msemmijin minn dawn tal-aħħar, jiġifieri Anic SpA u EniChem, ma kinux iddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq inkwistjoni matul il-perijodi ta’ ksur, u li huma kienu jikkostitwixxu entità ekonomika ma’ Eni (punt 272 tas-sentenza appellata). B’hekk, Eni la ġiet issanzjonata u lanqas ma kienet id-destinatarja ta’ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (punti 272 u 274).

38.

It-tieni waħda hija li Eni ma kinitx, bħala kumpannija parent, f’pożizzjoni li tistabbilixxi li hija ma kinitx tikkostitwixxi unità ekonomika flimkien maż-żewġ impriżi ssanzjonati b’dawn id-deċiżjonijiet. Eni b’hekk ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-ksur preċedenti, mingħajr ma jinkisru d-drittijiet tad-difiża tagħha u, b’mod iktar preċiż, mingħajr dritt li tikkontesta l-eżistenza ta’ unità ekonomika maż-żewġ impriżi ssanzjonati (punti 273 u 274 tas-sentenza appellata).

39.

Il-Qorti Ġenerali madankollu ddeċidiet, fil-punt 276 tas-sentenza appellata, li l-fatt li ebda reċidiva ma setgħet tiġi kkonstatata fir-rigward ta’ Eni ma setax fih innifsu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta, peress li konstatazzjoni ta’ reċidiva fir-rigward ta’ Polimeri Europa, li saret Versalis, setgħet tiġġustifika ż-żieda tal-ammont tal-multa abbażi tar-reċidiva.

2. Argumenti tal-partijiet

40.

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha fil-Kawża C-93/13 P, li jinqasam f’żewġ partijiet, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li hija kienet żiedet b’mod żbaljat l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Eni abbażi tar-reċidiva. Hija tirreferi b’mod partikolari għall-punti 271 sa 274 tas-sentenza appellata.

41.

Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-ewwel aggravju, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ reċidiva, billi qieset, essenzjalment, li Eni ma setgħetx tinstab li kienet reċidiva peress li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ kontroll totali li hija kienet teżerċita fuq l-impriżi li kienu destinatarji tad-deċiżjonijiet Polipropilen u PVC II.

42.

Hija jidhrilha, b’riferiment għas-sentenza Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni ( 24 ) tal-Qorti Ġenerali, li d-drittijiet tad-difiża huma ggarantiti peress li, fil-mument meta hija tħabbar l-intenzjoni tagħha li tikkonstata r-reċidiva, hija tagħti lill-partijiet il-possibbiltà li juru li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx issodisfatti. Dan kien il-każ f’din il-kawża partikolari. Il-punt 416 tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet jiġbed preċiżament l-attenzjoni tad-destinatarji tagħha għall-ewwel inċiż tal-punt 28 tal-linji gwida tal-2006, dwar ir-reċidiva, peress li n-nota ta’ qiegħ il-paġna 483 tirreferi, f’dan ir-rigward, għad-deċiżjonijiet PVC II u Polipropilen. Issa, Eni la ppruvat tikkonfuta l-preżunzjoni li hija kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-impriżi destinatarji tad-deċiżjonijiet Polipropilen u PVC II, u lanqas, fid-dawl taż-żmien li għadda wara l-adozzjoni ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, ma invokat l-impossibbiltà li jitressqu l-provi pertinenti f’dan ir-rigward.

43.

Hija żżid tgħid ukoll li r-reċidiva ma għandhiex l-iskop li tissanzjona b’mod retroattiv l-ewwel ksur, iżda sempliċement li jiġu dderivati l-konsegwenzi ta’ ksur ġdid imwettaq minn impriża.

44.

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ, wettqet ukoll ksur manifest tal-Artikolu 101 TFUE billi ddeċidiet li hija ma setgħetx timputa lil Eni r-responsabbiltà għal ksur imwettaq fl-imgħoddi li għalih hija ma kinitx ġiet issanzjonata. Il-konstatazzjoni ta’ reċidiva ma hijiex ibbażata fuq l-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja preċedenti, iżda biss fuq il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur preċedenti.

45.

F’dan il-każ, ir-reċidiva ta’ Eni ma ġietx stabbilita minħabba l-fatt li hija kienet “inżammet responsabbli għal ksur preċedenti” iżda għaliex hija kellha kontroll ta’ 100 % fuq sussidjarja li preċedentement kienet ġiet ikkundannata għal multa u li l-impriża li hija tifforma ma’ din tal-aħħar wettqet ksur ġdid, li għandu jagħti lok għal multa li għandha tiżdied abbażi tar-reċidiva.

46.

Eni min-naħa l-oħra targumenta li hija ma tistax titqies li hija reċidiva peress li hija qatt ma kienet parti fil-kawżi Polipropilen u PVC II, li hija la kienet id-destinatarja u lanqas kienet tissemma fid-deċiżjonijiet ta’ ksur, li hija ma rċevitx talbiet għal informazzjoni jew dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjonijiet, u li hija qatt ma nstemgħet fil-kuntest ta’ seduta. L-imputazzjoni ex post ta’ responsabbiltà għal reċidiva fuq il-bażi ta’ preżunzjoni li hija qatt ma kienet f’pożizzjoni li tikkontesta hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali.

3. Analiżi

47.

Fl-ewwel lok għandu jitfakkar li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx għalfejn iressqu prova ta’ interess biex ikunu jistgħu jippreżentaw appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali ( 25 ). Konsegwentement, il-fatt li l-ewwel aggravju tal-appell tal-Kummissjoni huwa indirizzat kontra l-motivi tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-iżball li din tal-aħħar wettqet meta kkonstatat li Eni kienet reċidiva fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda mingħajr ma annullat din id-deċiżjoni, ma jistax iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara dan l-appell inammissibbli minħabba fin-nuqqas ta’ interess ġuridiku.

48.

Wara din il-preċiżazzjoni, qabel ma jiġi eżaminat il-mertu tal-aggravju mressaq mill-Kummissjoni, għandha titfakkar fil-qosor il-ġurisprudenza pertinenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-reċidiva fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ( 26 ) u li jiġu ddelineati sew it-termini tal-problema mqajma f’din il-kawża. Kif għadu kif intqal, din tal-aħħar tikkonċerna l-każ partikolari tal-konstatazzjoni ta’ reċidiva fil-kuntest ta’ atti ta’ ksur suċċessivi mwettqa mill-kumpanniji ta’ grupp u, b’mod iktar preċiż, is-sitwazzjoni speċifika li fiha r-reċidiva ta’ kumpannija parent tiġi kkonstatata fuq is-sempliċi bażi tal-aġir preċedenti ta’ waħda mis-sussidjarji tagħha.

a) Osservazzjonijiet preliminari dwar il-karatteristiċi speċifiċi tal-konstatazzjoni ta’ reċidiva fil-kuntest ta’ atti ta’ ksur suċċessivi mwettqa mill-kumpanniji ta’ grupp

49.

L-ammont tal-multa li l-Kummissjoni tista’, b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat ( 27 ), timponi fuq l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jwettqu, b’mod volontarju jew b’negliġenza, ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE huwa ffissat skont il-gravità tal-ksur u, jekk ikun hemm lok, it-tul tiegħu ( 28 ).

50.

Ir-reċidiva hija waħda mill-elementi li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 29 ), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali, għandha tiġi kkunsidrata fl-analiżi tal-gravità tal-ksur, bħala ċirkustanzi aggravanti ( 30 ). Ir-reċidiva, li issa hija mniżżla fil-linji gwida ( 31 ), hija ċirkustanza aggravanti ta’ tali natura li tiġġustifika żieda tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kull impriża ħatja li tkun segwiet jew tenniet ksur identiku jew analogu għal ksur preċedenti kkonstatat mill-Kummissjoni jew minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

51.

Il-konstatazzjoni u l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi ta’ reċidiva, li hija intiża li tħeġġeġ lill-impriżi, li jkunu wrew propensità li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni, biex jimmodifikaw l-aġir tagħhom ( 32 ), jaqgħu taħt id-diskrezzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għażla tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi ( 33 ).

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, lil hinn minn din l-informazzjoni, qatt ma ddefinixxiet il-kunċett ta’ reċidiva sussegwentement, b’differenza mill-Qorti Ġenerali.

53.

Skont l-iktar definizzjoni wiesgħa ( 34 ) użata minn din tal-aħħar, “[i]l-kunċett ta’ reċidiva, hekk kif inhu mifhum f’ċertu numru ta’ sistemi legali nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur ġodda wara li tkun ġiet issanzjonata għal ksur simili” ( 35 ).

54.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ( 36 ) madankollu ddeċidiet, biex b’hekk ikkonfermat il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt ( 37 ), li “l-kunċett ta’ reċidività […] ma jimplikax neċessarjament il-konstatazzjoni preliminari ta’ sanzjoni bi ħlas, iżda biss dak ta’ ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni”.

55.

Bħala konsegwenza u b’mod ferm skematiku, kull konstatazzjoni ta’ reċidiva fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tippreżupponi r-repetizzjoni tal-istess ksur (identiċità tal-ksur) mill-istess awtur (identiċità tal-awtur).

56.

Il-konstatazzjoni ta’ reċidiva tal-impriżi li huma proprjetà ta’ kumpanniji li jifformaw parti minn grupp ta’ kumpanniji madankollu tippreżenta xi karatteristiċi speċifiċi, kif jirriżulta f’din il-kawża. Din tal-aħħar effettivament turi d-diffikultajiet li tista’ toħloq l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ reċidiva marbuta mal-identiċità tal-awtur, mhux b’mod ġenerali, iżda fil-każ partikolari li fih il-ksur suċċessiv tad-dritt tal-kompetizzjoni jkun imputabbli lil kumpanniji differenti tal-istess grupp, waqt li huwa ppreċiżat li dik relatata mas-similarità tal-ksur ma hijiex inkwistjoni.

57.

Konsegwentement, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin ma jirrigwardawx il-kundizzjonijiet għall-konstatazzjoni tar-reċidiva b’mod ġenerali, iżda biss l-ammissibbiltà tal-prassi tal-Kummissjoni ( 38 ) li tikkonsisti fiż-żieda, abbażi taċ-ċirkustanza aggravanti ta’ reċidiva, tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kumpannija li tkun tagħmel parti minn grupp ta’ kumpanniji għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, billi tisfrutta l-kunċett estensiv ta’ impriża bħala unità ekonomika, fis-sens tal-ġurisprudenza Akzo Nobel ( 39 ).

58.

Ser infakkar sempliċement li, skont din il-ġurisprudenza, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi.

59.

B’hekk huwa aċċettat li, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent jkollha l-ishma kollha jew kważi kollha tas-sussidjarja taħha, hija tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din tal-aħħar u teżisti preżunzjoni inkonfutabbli li hija effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tressaq prova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja jkun f’idejn il-kumpannija parent tagħha biex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja u tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li jkollha l-oneru li tikkonfuta din il-preżunzjoni, ma tressaqx provi suffiċjenti li juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

60.

It-tliet każijiet ipotetiċi li jistgħu teoretikament jiġu previsti f’din il-perspettiva jistgħu jiġu ppreżentati skont kif ġej. Fl-ewwel lok, jista’ jitqies il-ksur preċedenti tas-sussidjarja ta’ grupp sabiex tiġi stabbilita r-reċidiva fir-rigward ta’ sussidjarja oħra ta’ dan il-grupp. Sussegwentement, jista’ jitqies il-ksur preċedenti tas-sussidjarja ta’ grupp sabiex tiġi stabbilita r-reċidiva fir-rigward tal-kumpannija parent tal-grupp minħabba l-aġir tal-istess sussidjarja jew ta’ sussidjarja oħra tal-grupp. Finalment, jista’ jitqies il-ksur preċedenti tas-sussidjarja ta’ grupp sabiex tiġi stabbilita r-reċidiva fir-rigward tal-kumpannija parent tal-grupp ( 40 ), waqt li din tal-aħħar tiġi ssanzjonata għall-aġir tagħha stess ( 41 ). Hija din l-aħħar ipoteżi li tapplika għal din il-kawża.

61.

L-element komuni bejn dawn it-tliet ipoteżijiet, u li jinsab fil-qalba ta’ din il-kawża, huwa li, billi tisfrutta l-kunċett ta’ impriża bħala unità ekonomika, il-Kummissjoni tista’ taggrava s-sanzjoni imposta fuq kumpannija parent billi tibbaża ruħha fuq ksur preċedenti mwettaq minn impriża li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ sussidjarja li hija tkun tikkontrolla, anki meta l-imsemmija kumpannija parent ma tkunx ġiet issanzjonata għal dan l-ewwel ksur u tkun baqgħet totalment trasparenti fil-kuntest tal-proċedura li tkun wasslet għall-adozzjoni ta’ din l-ewwel deċiżjoni.

62.

Il-Qorti Ġenerali kellha l-okkażjoni teżamina f’diversi okkażjonijiet il-legalità ta’ din il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Il-pożizzjoni tagħha, b’mod ġenerali, kienet tvarja bejn tliet pożizzjonijiet, l-ewwel waħda li taċċettaha fil-prinċipju ( 42 ), biex b’hekk tiftaħ it-triq għall-iżvilupp tal-prassi deċiżjonali inkwistjoni tal-Kummissjoni, it-tieni waħda li tiċħadha, essenzjalment, fuq il-bażi tal-ksur ta’ obbligu ferm strett ta’ motivazzjoni ( 43 ), u t-tielet waħda li tiċħadha fil-prinċipju ( 44 ) għal raġunijiet li huma essenzjalment relatati mal-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża tal-kumpanniji parent li huma meqjusa bħala reċidivi f’dawn iċ-ċirkustanzi.

63.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha biss okkażjoni waħda biex teżamina l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni. Fis-sentenzi reċenti tagħha Eni vs Il-Kummissjoni ( 45 ) u Versalis vs Il-Kummissjoni ( 46 ), li ngħataw wara s-sentenza appellata, hija kkonfermat is-sentenzi Eni vs Il-Kummissjoni ( 47 ) u Polimeri Europa vs Il-Kummissjoni ( 48 ) tal-Qorti Ġenerali li jannullaw deċiżjoni li qieset li kumpannija parent kienet reċidiva f’ċirkustanzi simili, jew identiċi, bħal dawk tal-kawża inkwistjoni. Hija ddeċidiet, essenzjalment, li meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multa fuq kumpannija għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li żżid, abbażi tar-reċidiva, l-ammont bażiku ta’ din il-multa, hija għandha l-obbligu “li tipprovdi, flimkien mad-deċiżjoni li timponi l-imsemmija multa ( 49 ), espożizzjoni li tista’ tippermetti li kemm il-qrati tal-Unjoni kif ukoll din il-kumpannija jifhmu f’liema kwalità u sa fejn hija kienet implikata fil-ksur preċedenti”. Hija għandha l-obbligu, b’mod partikolari, meta tqis li din il-kumpannija tkun għamlet parti mill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonċerna l-ksur preċedenti, li timmotiva din l-affermazzjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi.

64.

F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li d-deċiżjoni kkontestata, li kienet timponi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji multa li l-ammont bażiku tagħha kien ġie miżjud abbażi tar-reċidiva f’ċirkustanzi paragunabbli għal dawk ta’ din il-kawża, ma kinitx motivata b’mod suffiċjenti, peress li l-indikazzjonijiet li jinsabu fiha b’ebda mod ma jippermettu li wieħed jifhem f’liema kwalità u sa liema grad l-imsemmija kumpannija parent, li ma kinitx tinsab fost id-destinatarji tad-deċiżjonijiet preċedenti Polipropilen u PVC II, kienet implikata f’dawk id-deċiżjonijiet ( 50 ).

65.

Wieħed jista’ jiddeduċi minn dawn il-kawżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma teskludix, fil-prinċipju, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tapplika ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, waqt li tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ din il-prassi għall-kundizzjoni li d-deċiżjoni li tikkonstata t-tieni ksur u li tistabbilixxi r-reċidiva fir-rigward tal-kumpannija parent tissodisfa, ta’ mill-inqas, ir-rekwiżiti preċiżi ta’ motivazzjoni li hija timponi. Għandu jiġi osservat li, b’dan il-mod, huwa fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi r-reċidiva u li tikkonstata t-tieni ksur li l-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza s-sitwazzjoni, u mhux fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ewwel ksur kif għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

b) L-inkompatibbiltà tal-approċċ tal-Qorti Ġenerali mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-riżoluzzjoni tal-appell

66.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni, li fil-kuntest tiegħu hija essenzjalment issostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, ir-reċidiva tista’ tiġi stabbilita fir-rigward tal-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji fl-assenza ta’ kull sanzjoni preċedenti għal din tal-aħħar, kemm-il darba jiġi stabbilit li hija kienet tifforma unità ekonomika ma’ kumpannija oħra li wkoll kienet ġiet issanzjonata preċedentement u kemm-il darba hija tkun ingħatat l-opportunità, fil-kuntest tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni li tikkonstata r-reċidiva, li tikkonfuta l-preżunzjoni li hija effettivament kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-kumpannija ssanzjonata preċedentement.

67.

Nenfasizza, fl-ewwel lok, li jidher ċar li s-sentenza appellata, li taqa’ taħt l-iżvilupp tat-tielet u l-aħħar ipoteżi tal-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti Ġenerali, li teskludi fil-prinċipju kull konstatazzjoni ta’ reċidiva f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, ma hijiex kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

68.

L-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament tas-sentenza appellata, madankollu ma jimplikawx li l-appell tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’, u lanqas li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata, jekk id-dispożittiv tas-sentenza appellata jidher li jkun fondat abbażi ta’ raġunijiet legali oħrajn ( 51 ).

69.

L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi ċirkustanza aggravanti abbażi tal-fatt li Eni kienet reċidiva, tidher fl-ewwel lok li hija ġġustifikata fir-rigward, preċiżament, tar-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Eni vs Il-Kummissjoni ( 52 ) u Versalis vs Il-Kummissjoni ( 53 ). B’mod speċjali, tidher li hija ġġustifikata fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-garanzija tad-drittijiet tad-difiża tal-kumpannija parent issanzjonata għal reċidiva f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, punt li dwaru l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni tiddikjara l-pożizzjoni tagħha.

i) L-inkompatibbiltà tal-approċċ tal-Qorti Ġenerali mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

70.

Mis-sentenza appellata jirriżulta li, essenzjalment, ma kienx possibbli li l-kumpannija parent titqies li hija reċidiva fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri f’ipoteżi fejn kienet is-sussidjarja tal-imsemmija kumpannija parent li kienet suġġetta għall-ewwel sanzjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, mingħajr ma awtomatikament jinkisru d-drittijiet tad-difiża tagħha. Effettivament, fit-tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent ma setgħetx tkun f’pożizzjoni, “fil-mument tal-ksur preċedenti” ( 54 ), li tikkonfuta l-preżunzjoni li hija effettivament kienet teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha li kienet ġiet issanzjonata. Din l-impossibbiltà għall-kumpannija parent li tiżgura d-difiża tagħha hija marbuta maċ-ċirkustanza li hija ma kinitx id-destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ewwel ksur, li hija ma kinitx ġiet issanzjonata għal dan il-ksur, u li hija ma kinitx irċeviet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-konstatazzjoni ( 55 ).

71.

B’hekk, mis-sentenza appellata jirriżulta li r-reċidiva ta’ persuna ġuridika ma tkunx tista’ tiġi kkonstatata jekk din il-pesuna ma tkunx ġiet issanzjonata preċedentement. Kull konstatazzjoni ta’ reċidiva b’hekk hija suġġetta mhux biss għall-imputazzjoni ta’ żewġ atti ta’ ksur simili u suċċessivi għall-istess impriża iżda wkoll għall-issanzjonar effettiv tal-istess persuna li tkun wettqet dan il-ksur. Il-kunċett ta’ reċidiva b’hekk jimplika li effettivament tiġi ssanzjonata l-istess persuna li tkun wettqet dawk iż-żewġ atti ta’ ksur simili u suċċessivi ( 56 ).

72.

L-approċċ ġenerali tar-reċidiva hekk difiż mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata b’hekk jidħol, fundamentalment, f’kontradizzjoni diretta ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Groupe Danone vs Il-Kummissjoni ( 57 ). Fi kwalunkwe każ, hija b’hekk ma għadhiex koerenti ma’ dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Eni vs Il-Kummissjoni ( 58 ) u Versalis vs Il‑Kummissjoni ( 59 ).

73.

Effettivament jirriżulta minn dawn is-sentenzi li l-konstatazzjoni ta’ reċidiva f’ipoteżi bħal dik f’din il-kawża ma tistax tiġi eskluża fil-prinċipju, kemm-il darba jkollha magħha l-garanziji meħtieġa, u tkun b’mod partikolari suġġetta għall-ħarsien ta’ obbligu preċiż ta’ motivazzjoni. Minn dan wieħed jista’ jiddeduċi, b’mod iktar wiesa’, li ma huwiex fl-istadju tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ ksur li għandhom jiġu riżolti d-diffikultajiet li tali konstatazzjoni toħloq, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża tal-kumpannija parent, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, iżda fl-istadju tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni ta’ ksur, kif argumentat il-Kummissjoni.

74.

Il-Qorti Ġenerali b’hekk wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata mwettaq minn Eni ma setax jitqies li huwa reċidiva fir-rigward tagħha, billi bbażat ruħha fuq l-unika konstatazzjoni li, peress li ma ġietx issanzjonata bid-deċiżjonijiet Polipropilen u PVC II invokati mill-Kummissjoni u li kienet, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ dawn tal-aħħar, destinatarja ta’ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta, fil-mument tal-ksur preċedenti, l-argumenti tagħha sabiex tikkontesta l-preżunzjoni li hija kienet tikkostitwixxi unità ekonomika mal-impriżi ssanzjonati b’dawk id-deċiżjonijiet.

75.

L-ewwel parti tal-ewwel aggravju mressaq mill-Kummissjoni b’hekk huwa fondat. Madankollu, dan ma jimplikax li l-appell għandu jintlaqa’, jekk is-sentenza appellata tkun iġġustifikata fuq bażi legali oħra, li huwa l-każ f’din l-kawża, fuq bażi doppja.

ii) Il-konstatazzjoni tal-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata

76.

Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li ma jidhirlix li huwa possibbli li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ffissati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Eni vs I‑-Kummissjoni ( 60 ) u Versalis vs Il-Kummissjoni ( 61 ), inkwantu hija la tippreċiża f’liema kwalità u lanqas, b’mod speċjali, sa liema grad Eni kienet implikata fid-deċiżjonijiet Polipropilen u PVC II.

77.

Il-premessi 540 u 541 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 235 tas-sentenza appellata, effettivament jirrilevaw biss li Eni għandha titqies li hija reċidiva, waqt li jippreċiżaw, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 517, li Anic, li hija sussidjarja tal-grupp Eni, kienet ġiet ikkundannata għall-parteċipazzjoni fl-akkordju kkonstatat bid-deċiżjoni Polipropilen tat-23 ta’ April 1986, u li EniChem kienet ġiet ikkundannata għall-parteċipazzjoni fl-akkordju kkonstatat bid-deċiżjoni PVC II tas-27 ta’ Lulju 1994.

78.

Peress li ġie ppreċiżat li l-partijiet ġew mistiedna jieħdu pożizzjoni fis-seduta dwar dawn iż-żewġ sentenzi sa fejn jirrigwardaw ir-reċidiva, wieħed jista’ jipprevedi, l-istess bħal dawn iż-żewġ sentenzi, li tiġi kkonfermata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ sostituzzjoni tal-motivi, għaliex li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha elementi suffiċjenti li jippermettulha tikkonkludi li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata hija, fi kwalunkwe każ, iġġustifikata abbażi ta’ motivazzjoni insuffiċjenti.

79.

Madankollu, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu l-opportunità li joffrulha dawn il-kawżi sabiex tapprofondixxi l-analiżi tagħha tal-legalità tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u tindirizza, lil hinn mill-problema ta’ motivazzjoni diġà identifikata, il-kwistjoni iktar fundamentali tal-garanzija tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna meqjusa li hija reċidiva li din il-prassi toħloq.

iii) Il-konstatazzjoni tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Eni

80.

Għalkemm, għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-konstatazzjoni li persuna tkun reċidiva ma timplikax neċessarjament, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Groupe Danone vs Il-Kummissjoni ( 62 ), li din il-persuna tkun ġiet issanzjonata preċedentement, iżda sempliċement il-konstatazzjoni ta’ ksur li jkun seħħ preċedentement, din madankollu timplika, ta’ mill-inqas, li din il-persuna tkun diġà, sa mill-bidu tal-proċedura li twassal biex hija tiġi ssanzjonata u tinstab li hija reċidiva, minn qabel u b’mod motivat, ġiet informata b’mod li hija tkun kompletament f’pożizzjoni li tkun tista’ torganizza b’mod utli d-difiża tagħha f’dan ir-rigward.

81.

Tali rekwiżit huwa meħtieġ a priori fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni għal gruppi ta’ kumpanniji, meta jkun previst li tiġi aggravata b’reċidiva s-sanzjoni imposta fuq persuna mhux fuq il-bażi ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur simili mwettaq preċedentement mill-imsemmija persuna, jiġifieri fatt ikkonstatat u stabbilit ġuridikament b’deċiżjoni definittiva, iżda sempliċement fuq il-konstatazzjoni li hija setgħet tinżamm responsabbli għal ksur simili preċedenti, mingħajr ma dan ikun ġie kkonstatat b’deċiżjoni indirizzata lilha.

82.

Konstatazzjoni ta’ reċidiva f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża ma tistax tiġi aċċettata ħlief jekk il-Kummissjoni tiżgura, lil hinn mir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni diġà identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Eni vs Il-Kummissjoni ( 63 ) u Versalis vs Il‑Kummissjoni ( 64 ), garanzija stretta tad-drittijiet tad-difiża tal-kumpannija li allegatament tkun reċidiva.

83.

Il-Kummissjoni b’hekk għandha, fl-ewwel lok, tibgħat lill-kumpannija parent dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet li biha hija tgħarrafha b’mod speċifku bl-intenzjoni tagħha li tissanzjonaha u li taggrava din is-sanzjoni b’reċidiva, waqt li tispjegalha eżattament fuq liema bażi u għal liema raġunijiet. B’hekk ma huwiex biżżejjed li l-Kummissjoni sempliċement “issemmi” l-eżistenza ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-ksur preċedenti. Hija għandha tippreċiża, għall-kuntrarju u ulterjorment, meta l-imsemmija deċiżjoni tissanzjona kumpannija oħra mingħajr ma tirreferi għal jew saħansitra ssemmi l-kumpannija parent, mhux biss li hija beħsiebha tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li din tal-aħħar effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq il-kumpannija ssanzjonata sabiex tikkonstata li hija reċidiva, iżda wkoll il-motivi li jidhrilha li jsejsu din il-preżunzjoni kif ukoll ir-raġunijiet għaliex jidhrilha li huwa meħtieġ li taggrava s-sanzjoni tagħha abbażi tar-reċidiva.

84.

Huwa biss f’dawn il-kundizzjonijiet li l-kumpannija parent, li tkun informata minn qabel u debitament, tkun tista’ ssib ruħha f’pożizzjoni li tikkonfuta l-preżunzjoni abbażi tal-konstatazzjoni ta’ reċidiva u b’hekk tiżgura utilment id-difiża tagħha fil-perspettiva tal-adozjoni tad-deċiżjoni definittiva ta’ sanzjoni. Dan ir-rekwiżit huwa meħtieġ b’wisq iktar intensità meta jkun għad hemm diffikultajiet oġġettivi għall-kumpannija parent biex tikkonfuta, forsi snin iktar tard, il-preżunzjoni li hija effettivament kienet teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha li tkun inżammet responsabbli u tkun ġiet issanzjonata għall-ewwel ksur.

85.

Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li dawn ir-rekwiżiti ma huma xejn iktar u xejn inqas, l-istess bħal dawk li l-Kummissjoni kienet teżiġi kieku hija żammet lill-kumpannija parent responsabbli għall-ewwel ksur, fil-kwalità tagħha bħala kumpannija li effettivament kienet teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha ssanzjonata. Sempliċement, l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija meħtieġa biss ulterjorment, f’dan il-każ, fil-mument meta, biex ngħidu hekk, tiġi attivata r-responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-ewwel ksur.

86.

Effettivament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeskludi li tista’ titqies li hija leċita deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni timponi fuq impriża multa fil-qasam tal-kompetizzjoni mingħajr ma tkun informatha minn qabel bl-ilmenti kontriha, waqt li għandu jiġi ppreċiżat li, meta titqies l-importanza tagħha bħala garanzija proċedurali essenzjali, id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet għandha mhux biss tippreċiża b’mod inekwivoku l-persuna ġuridika li tista’ teħel il-multi, li jimplika li għandha tiġi identifikata ( 65 ), iżda wkoll f’liema kwalità din il-persuna ġuridika hija akkużata bil-fatti allegati, u għaldaqstant għandha tiġi indirizzata lilha ( 66 ).

87.

Il-Kummissjoni f’dan il-każ indikat fin-noti tagħha li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet kienet tattira l-attenzjoni tad-destinatarji tagħha għar-reċidiva ( 67 ).

88.

F’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni ma tistax tqis li wettqet l-obbligi tagħha billi sempliċement tkun semmiet dan il-fatt. Għall-kuntrarju hija kellha l-obbligu li tippreċiża, fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tal-fehma li setgħet tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li Eni kienet teżerċita influwenza determinanti fuq iż-żewġ sussidjarji tagħha ssanzjonati bl-imsemmija deċiżjonijiet kif ukoll ir-raġunijiet għaliex hija kien beħsiebha tattiva din il-preżunzjoni għall-finijiet li taggrava s-sanzjoni li hija kellha l-ħsieb li timponi.

89.

L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija meħtieġa wisq iktar peress li Eni kienet totalment inviżibbli fil-kuntest tal-konstatazzjoni tal-ewwel ksur, inkantu hija la kienet id-destinatarja u lanqas biss issemmiet fid-deċiżjonijiet finali, u peress li lanqas biss ġiet invokata l-possibbiltà li hija setgħet tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħha.

90.

Għaldaqstant, minkejja l-imperfezzjonijiet li bihom hija vvizzjata s-sentenza appellata, għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra r-reċidiva bħala ċirkustanza aggravanti fir-rigward ta’ Eni, peress li d-deċiżjoni kkontestata tidher fi kwalunkwe każ li hija vvizjata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ Eni u b’motivazzjoni insuffiċjenti.

C – Fuq il-klassifikazzjzoni tar-reċidiva ta ’ Versalis u l-kundanna in solidum ta ’ Eni għall-finijiet tal-ħlas taż-żieda tal-multa (il-ħames aggravju fil-Kawża C-123/13 P)

1. Il-motivi tas-sentenza appellata

91.

Il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 277 sa 280 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni PVC II, li permezz tagħha EniChem kienet ġiet ikkundannata, biex tikkonstata r-reċidiva ta’ Polimeri Europa, li saret Versalis, u żżid l-ammont tal-multa, li kellha titħallas in solidum minn Eni, inkwantu Polimeri Europa kienet is-suċċessur ekonomiku ta’ EniChem għall-attività tal-lasktu tal-kloropren u, bħala tali, responsabbli għat-tieni ksur imwettaq minnha matul il-perijodu mit-13 ta’ Mejju 1993 sal-31 ta’ Diċembru 2001 ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

92.

Hija min-naħa l-oħra ddeċidiet, fil-punti 281 u 282 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq id-deċiżjoni Polipropilen biex tqis li Polimeri Europa kienet reċidiva, inkwantu, essenzjalment, Eni ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala reċidiva, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 272 sa 274 tas-sentenza appellata u eżaminati iktar ’il fuq. Hija b’hekk iddikjarat id-deċiżjoni kkontestata illegali fuq dan il-punt (punt 287 tas-sentenza appellata) u kien fuq din il-bażi li hija ddeċidiet li tnaqqas il-perċentwali taż-żieda tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti minn 60 għal 50 % (punt 367 tas-sentenza appellata).

2. Argumenti tal-partijiet

93.

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat li ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva kienet applikabbli għal Polimeri Europa, li saret Versalis, fuq il-bażi tal-kundanna ta’ EniChem fil-kuntest tad-deċiżjoni PVC II. Huma jikkontestaw fl-istess ħin il-motivazzjoni tas-sentenza, l-applikazzjoni f’din il-kawża tal-kriterju ta’ suċċessjoni ekonomika u ċ-ċirkustanza li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ir-reċidiva fuq bażi differenti minn dik magħżula mill-Kummissjoni (l-ewwel parti). Huma tal-fehma, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta stabbilixxiet it-tnaqqis tal-perċentwali taż-żieda tal-multa minn 60 għal 50 % (it-tieni parti) u wettqet żball ta’ liġi meta kkundannat lil Eni in solidum għall-ħlas taż-żieda tal-multa abbażi tar-reċidiva (it-tielet parti).

94.

Il-Kummissjoni targumenta li dan il-ħames aggravju, meta jitqiesu d-diversi partijiet tiegħu, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3. Analiżi

95.

Jidhirli li, inkwantu t-tieni aggravju mressaq mir-rikorrenti fil-Kawża C-123/13 P għandu jiġi miċħud ( 68 ), il-ħames aggravju fil-partijiet kollha tiegħu għandu għaldaqstant jiġi miċħud ukoll.

96.

Effettivament, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali, wara motivazzjoni suffiċjenti minkejja li kemmxejn konċiża setgħet ġustament tqis li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fejn Versalis hija s-suċċessur ekonomiku ta’ EniChem fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji kkontrollati mill-istess persuna ġuridika, f’dan il-każ Eni, hija tabilħaqq il-persuna ġuridika li hija responsabbli għall-ksur ikkonstatat rispettivament bid-deċiżjoni PVC II u bid-deċiżjoni kkontestata. F’każ kuntrarju, effettivament, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali (punt 279 tas-sentenza appellata), ikun biżżejjed għall-gruppi ta’ kumpanniji li jittrasferixxu r-responsabbiltà tal-attività ekonomika lil kumpannija li tkun ikkundannata għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni lil kumpannija oħra tal-grupp biex sistematikament jaħarbu minn kull konstatazzjoni ta’ reċidiva. L-argument li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ir-reċidiva fuq bażi differenti minn dik magħżula mill-Kummissjoni għandu, f’din il-perspettiva, jiġi miċħud bħala infondat.

D – Fuq il-legalità tat-tnaqqis tal-koeffiċjent multiplikatur applikat għal Eni u Versalis (it-tieni u t-tielet aggravji fil-Kawża C-93/13 P)

1. Argumenti tal-partijiet

97.

Permezz tat-tieni u t-tielet aggravji tagħha, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent multiplikatur għal Eni u Versalis.

98.

Hija jidhrilha fl-ewwel lok (it-tieni aggravju, li jirrigwarda l-punt 326 tas-sentenza appellata) li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, u b’mod iktar preċiż kisret il-prinċipju dispożittiv, l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Artikoli 44(1) u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, billi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.4 għal Eni u Versalis kienx, meta mqabbel mal-koeffiċjent applikat għal Dow, konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza, waqt li r-rikorrenti kienu invokaw dan il-prinċipju biss fl-istadju tas-seduta.

99.

Hija sussegwentement tqis (it-tielet aggravju li jirrigwarda l-punti 323 sa 325 tas-sentenza appellata) li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dan il-każ.

100.

Ir-rikorrenti jitolbu li dawn iż-żewġ aggravji jiġu miċħuda.

2. Analiżi

101.

It-tieni aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala manifestament nieqes minn kull bażi. Fil-fatt, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali qajmet ex officio l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, peress li, fil-punt 106 tar-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti kienu diġà lmentaw li l-Kummissjoni kienet applikatilhom koeffiċjent multiplikatur mingħajr ma applikatu għal impriżi oħra. Dan l-istess ilment ġie mtenni u żviluppat fil-punti 56 u 57 tar-replika tagħhom fl-ewwel istanza, fejn ir-rikorrenti sostnew espliċitament li l-Kummissjoni kient applikat żieda erba’ darbiet iktar minn dik applikata għal Dow. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ppreċiżaw waqt is-seduta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żieda imposta fuqhom kienet kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza (punti 310 u 322 tas-sentenza appellata).

102.

It-tielet aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud ukoll.

103.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati huwa parti mid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni peress li fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija msejħa tindividwalizza s-sanzjoni fir-rigward tal-aġir u l-karatteristiċi partikolari għall-impriżi kkonċernati, sabiex tiggarantixxi, f’kull każ, l-effikaċja sħiħa tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ( 69 ).

104.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw għal ftehim bl-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti ( 70 ). Mill-ġurisprudenza jirriżulta, b’mod iktar wiesa’, li t-trattament differenti tal-impriżi li jkunu jinsabu fl-istess sitwazzjoni jista’ jkun ġustifikat biss fil-preżenza ta’ raġunijiet oġġettivi ( 71 ).

105.

Dak li l-Kummissjoni tikkontesta f’dan il-każ huwa madankollu mhux tant il-prinċipju stess tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, iżda l-mod kif il-Qorti Ġenerali applikatu speċifikatament f’dan il-każ. Hija ssostni, b’mod iżjed partikolari, li l-Qorti Ġenerali qabblet id-dħul mill-bejgħ totali ta’ Eni u ta’ Dow rispettivament użati mill-Kummissjoni għall-bżonnijiet tal-kalkolu tal-koeffiċjent, filwaqt li kellha titqabbel ir-rabta bejn id-dħul mill-bejgħ totali taż-żewġ gruppi u d-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-bejgħ tal-prodotti li kienu s-suġġett tal-akkordju, jiġifieri 3000:1 għal Eni u 1000:1 għal Dow.

106.

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward hija esklużivament ibbażata fuq il-motivi li jinsabu fil-punti 584 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 308 u 323 sa 325 tas-sentenza appellata). L-imsemmi punt jirreferi biss għad-dħul mill-bejgħ totali tal-gruppi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li f’dan il-każ kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, peress li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda raġuni oġġettiva li tiġġustifika d-differenza ta’ trattament bejn Eni u Dow.

E – Fuq id-determinazzjoni tal-limitu minimu ta ’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ (is-sitt aggravju fil-Kawża C-123/13 P)

1. Argumenti tal-partijiet

107.

Permezz tas-sitt aggravju tagħhom, ir-rikorrenti jqisu li, kif huma argumentaw fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni aggravji tagħhom, huma ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-ksur li ġie imputat lilhom, peress li l-ammont massimu tal-multa previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 kellu jiġi applikat għad-dħul mill-bejgħ ta’ [kunfidenzjali] biss u b’hekk kellu jiġi ffissat għal EUR 82 miljun, jew 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ EUR 820 miljun ta’ din tal-aħħar għall-2006.

2. Analiżi

108.

Kif intqal fil-punti 24 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inkwantu l-ewwel u t-tieni aggravji tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati, jidhirli li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar is-sitt aggravju.

F – Fuq in-nuqqas ta ’ stħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta ’ [kunfidenzjali] u ta ’ Versalis abbażi tal-komunikazzjoni dwar il-klemenza (is-sitt aggravju fil-Kawża C-123/13 P)

1. Argumenti tal-partijiet

109.

Permezz tas-seba’ aggravju tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment jargumentaw li l-Qorti Ġenerali astjeniet illegalment milli teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju li kienet obbligata li twettaq fir-rigward tar-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni li tnaqqas il-multa imposta fuqhom abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Frar 2002, fuq l-immunità tal-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi dwar akkordji ( 72 ) jew inkella b’mod konformi mal-punt 29 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi. Billi qieset, essenzjalment, li l-informazzjoni pprovduta minn [kunfidenzjali] u Versalis kienet nieqsa minn valur miżjud sinifikattiv, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni u motivat b’mod insuffiċjenti s-sentenza tagħha.

110.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li r-rikorrenti sempliċement tennew l-argumenti mressqa fl-ewwel istanza u qegħdin jippruvaw jiksbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Dan għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala infondat, peress li l-Qorti Ġenerali stħarrġet l-evalwazzjoni mwettqa f’dan ir-rigward, anki b’mod ristrett minħabba l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha f’dan ir-rigward.

2. Analiżi

111.

Għandu jiġi kkonstatat li l-argument imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest tal-appell tagħhom jirriproduċi ferm sostanzjalment dak li l-Qorti Ġenerali evalwat fis-sentenza appellata (punti 350 sa 365) b’mod li dan il-motiv jista’, fuq din il-bażi, jiġi miċħud bħala inammisibbli.

G – Fuq l-intensità tal-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-multa (it-tmien aggravju fil-Kawża C-123/13 P)

1. Argumenti tal-partijiet

112.

Permezz tat-tmien aggravju, ir-rikorrenti jargumentaw li l-ammont tal-multa imposta fuqhom huwa inġust, mhux adatt u sproporzjonat u li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżerċita s-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li jagħtiha l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Huma jallegaw speċifikament li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u kompluta billi sempliċement eżerċitat stħarriġ sempliċi tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma evalwat iċ-ċirkustanzi tal-każ.

2. Analiżi

113.

Kif diġà qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq punti ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, hija ma għandhiex tissostitwixxi, minħabba raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha, li tkun iddeċidiet fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba ksur, minn dawn tal-aħħar, tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 73 ).

114.

Għaldaqstant, inkwantu t-tmien aggravju tar-rikorrenti huwa limitat għal kontestazzjoni tal-proporzjonalità tal-multa imposta fuqhom u huwa maħsub biex iwassal għal rieżami tal-evalwazzjonijiet fattwali li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza fil-kuntest ta’ appell ( 74 ), dan għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

VII – Fuq l-ispejjeż

115.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż meta l-appell ma jkunx fondat.

116.

Inkwantu jiena tal-fehma li ż-żewġ appelli għandhom jiġu miċħuda u fejn il-partijiet talbu għall-kundanna rispettiva tagħhom fiż-żewġ kawżi, jiena nipproponi, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 184(1) u 137 tar-Regoli tal-Proċedura, li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kull waħda mill-partijiet li tilfet l-appell tagħha.

VIII – Konklużjoni

117.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1)

tiċħad l-appelli fil-Kawżi C-93/13 P u C-123/13 P.

2)

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż fil-Kawża C-93/13 P.

3)

tikkundanna lil Versalis SpA u Eni SpA għall-ispejjeż fil-Kawża C‑123/13 P.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T‑103/08, EU:T:2012:686, iktar ’il quddiem is-“-sentenza appellata”.

( 3 ) Iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”.

( 4 ) C‑508/11 P, EU:C:2013:289.

( 5 ) C‑511/11 P, EU:C:2013:386.

( 6 ) Iktar ’il quddiem “Polimeri Europa”.

( 7 ) Eni u Versalis, rikorrenti fil-kawża T-103/08 u rikorrenti fl-appell fil-kawża C-123/13 P ser jissejħu “Eni” u “Versalis” jew, b’mod ġenerali u għall-faċilità tal-lingwa r-“rikorrenti” fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, minkejja l-fatt li huma konvenuti fl-appell fil-Kawża C-93/13 P.

( 8 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/398/KEE, tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu [81 KE] (IV/31.149 – Polipropilen) (ĠU L 230, p. 1).

( 9 ) EU:C:2013:289.

( 10 ) EU:C:2013:386.

( 11 ) C-97/08 P, EU:C:2009:536.

( 12 ) EU:C:2009:536.

( 13 ) EU:C:2013:289, punti 64 sa 70.

( 14 ) Ibidem (punti 60 sa 77).

( 15 ) Ir-rikorrenti madankollu jikkontestaw, fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħhom, il-perijodu tal-ksur hekk kif iddefinit, peress li dan tal-aħħar ma kienx jestendi iktar lil hinn minn Frar 1994 sa Ottubru 2000.

( 16 ) B’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punti 354 sa 359); tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C‑280/06, Ġabra, EU:C:2007:775) u tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, Ġabra, EU:C:2011:191, punti 143 sa 157).

( 17 ) EU:C:2013:386, punti 51 sa 60.

( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni (C‑413/08 P, Ġabra, EU:C:2010:346, punti 15 sa 17) u Caffaro vs Il-Kummissjoni (C‑447/11 P, EU:C:2013:797, punt 25).

( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (EU:C:2004:6, punti 81 sa 85); tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punti 142 sa 144); tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C-403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra, EU:C:2007:52, punti 47 u 48) u Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (C‑510/06 P, Ġabra, EU:C:2009:166, punti 119 u 120)

( 20 ) ĠU 2006 C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”.

( 21 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni (C‑338/00 P, Ġabra, EU:C:2003:473, punt 47).

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni (C‑89/11 P, Ġabra, EU:C:2012:738, punti 112 sa 114)

( 23 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/599/KE tas-27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu [81 KE] (IV/31.865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni PVC II”).

( 24 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni (T‑343/06, Ġabra, EU:T:2012:478, punt 275).

( 25 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punti 171 u 172).

( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, J.J. Piernas López, “The aggravating Circumstance of Recidivism and the Principle of Legality in the EC Fining Policy : nulla poena sine lege?”, World Competition, 2006, Vol. 29, Nru 3, p. 441; Bosco et al., “Ombres et lumières du traitement de la récidive par le droit des pratiques anticoncurrentielles”, Concurrences, 2010, Nru 4, p. 13; b’mod partikolari, M. Barennes, u G. Wolf, Cartel Recidivism in the Mirror of EU Case Law, Journal of European Competition Law & Practice, September 2011; u W.P.J. Wils, Recidivism in EU Antitrust Enforcement: “A Legal and Economic Analysis”, World Competition, 2012, Vol. 35, nru 1.

( 27 ) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Preċedentement, tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li japplika l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑219/95 P, EU:C:1997:375, punt 32).

( 29 ) Ara s-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (EU:C:2004:6, punt 91); tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (C‑3/06 P, Ġabra, EU:C:2007:88, punt 26), u Lafarge vs Il-Kummissjoni (EU:C:2010:346, punt 63).

( 30 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑308/04 P, Ġabra, EU:C:2006:433, punt 71).

( 31 ) Ara l-punt 2 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”), u punt 28 tal-linji gwida tal-2006.

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (EU:C:2007:88, punt 39).

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (EU:C:1997:375, punt 33).

( 34 ) Ara, b’mod partikolari s-sentenzi Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (T‑141/94, Ġabra, EU:T:1999:48, punt 617); Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, Ġabra, EU:T:2003:250, punt 284); Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni (T-38/07, EU:T:2011:355, punt 91); Eni vs Il-Kummissjoni (T-39/07, Ġabra, EU:T:2011:356, punt 162); ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni (T-144/07, T-147/07 sa T‑150/07 u T‑154/07, EU:T:2011:364, punt 308), kif ukoll Saint-Gobain Glass France et vs Il-Kummissjoni (T-56/09 u T‑73/09, Ġabra, EU:T:2014:160, punt 305)

( 35 ) Jista’ jiġi osservat li, fis-sentenza Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni (EU:T:2012:478, punt 247), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “Il-kunċett ta’ reċidiva għandu jinftiehem li huwa intiż għall-każ fejn l-istess impriża, wara li tkun ġiet issanzjonata għal ksur, twettaq ksur ieħor simili”, li ma hijiex l-istess ħaġa.

( 36 ) Sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (EU:C:2007:88, punt 41).

( 37 ) Sentenzi Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (T‑38/02, Ġabra, EU:T:2005:367, punt 363) u BPB vs Il-Kummissjoni (T‑53/03, Ġabra, EU:T:2008:254, punt 387).

( 38 ) Li ser insejjaħ, fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-“prassi deċiżjonali inkwistjoni tal-Kummissjoni”.

( 39 ) Ara, b’mod partikolari s-sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (EU:C:2009:536, punti 54, 55 u 58) kif ukoll Il-Kummissjoni vs Siemens Österreich et (C-231/11 P sa C‑233/11 P, Ġabra, EU:C:2014:256, punti 41 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) L-oppost, li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ksur preċedenti tal-kumpannija parent ta’ grupp sabiex tiġi stabbilita ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva fir-rigward tas-sussidjarja tal-istess grupp, hija wkoll teoretikament prevedibbli; ara f’dan is-sens L. Bernardeau, u J.-P. Christienne, Les amendes en droit de la concurrence, Pratique décisionnelle et contrôle juridictionnel du Droit de l’Union, Larcier, 2013, nru I.270.

( 41 ) Huwa mifhum li din il-preżentazzjoni skematika tissemplifika l-elementi kumplessi li jirriżultaw mill-evoluzzjoni tal-istuttura ġuridika ta’ grupp ta’ kumpanniji bejn il-konstatazzjoni u s-sanzjonar ta’ żewġ atti ta’ ksur.

( 42 ) Ara s-sentenzi Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, Ġabra, EU:T:2003:250 punti 290) u Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni (EU:T:2012:478).

( 43 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, Eni vs Il-Kummissjoni (T‑39/07, Ġabra, EU:T:2011:356, punti 161 sa 171); u Polimeri Europa vs Il-Kummissjoni (T‑59/07, Ġabra, EU:T:2011:361, punti 293 sa 303). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat rispettivament dawn iż-żewġ sentenzi fis-sentenzi tagħha tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni (EU:C:2013:289) u tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il-Kummissjoni (EU:C:2013:386), eżaminati iktar ’l isfel.

( 44 ) Ara s-sentenzi ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:364, punti 308, 319-320, 322) u Saint-Gobain Glass France et vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2014:160, punti 317-320). L-appell ippreżentat mis-sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni ġie kkanċellat b’digriet tat-8 ta’ Mejju 2012, ThyssenKrupp Elevator CENE (li qabel kienet ThyssenKrupp Aufzüge) u ThyssenKrupp Fahrtreppen vs Il-Kummissjoni (C‑503/11 P, EU:C:2012:277).

( 45 ) EU:C:2013:289, punt 129.

( 46 ) EU:C:2013:386, punt 142.

( 47 ) EU:T:2011:356.

( 48 ) EU:T:2011:361.

( 49 ) F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi biss għall-unika motivazzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa u tikkonstata r-reċidiva, hija madankollu tqis, fil-kuntest tal-istħarriġ li hija tagħmel f’dan il-każ, il-motivazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (ara s-sentenzi Eni vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2013:289, punt 130) u Versalis vs Il-Kummissjoni (EU:C:2013:386, punt 143), sottiljezza li dwarha ser ikolli l-okkażjoni nerġa’ nittratta.

( 50 ) Jista’ jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet, min-naħa tagħha, li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix elementi ssostanzjati u preċiżi biżżejjed biex ikun jista’ jiġi ġġustifikat li l-istess impriża rrepetiet aġir illeċitu, li ma hijiex l-istess ħaġa; ara s-sentenzi Eni vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:356, punt 171) u Polimeri Europa vs Il-Kummissjoni (EU:T:2011:361, punt 303).

( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il‑Kummissjoni (C‑30/91 P, Ġabra, EU:C:1992:252, punt 28) u tal-15 ta’ Diċembru 1994, Finsider vs Il-Kummissjoni (C‑320/92 P, Ġabra, EU:C:1994:414, punt 37)

( 52 ) EU:C:2013:289.

( 53 ) EU:C:2013:386.

( 54 ) Ara l-punt 274, in fine, tas-sentenza appellata.

( 55 ) Il-Qorti Ġenerali tirrileva wkoll li Eni ma nstemgħetx fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonstataw l-ewwel ksur; ara l-punt 272 tas-sentenza appellata, in fine.

( 56 ) Għandu jiġi osservat, iżda mingħajr ma nidħlu fid-dettall, li fis-sentenza ulterjuri tagħha fil-kawża Saint-Gobain Glass France et vs Il-Kummissjoni (EU:T:2014:160, punt 320), kien b’mod speċjali n-“nuqqas ta’ konstatazzjoni, fid-deċiżjoni preċedenti, ta’ unità ekonomika bejn tali kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha” li tqies li kien determinanti, iktar milli l-fatt li l-kumpannija parent ma kinitx id-destinatarja tad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni preċedenti.

( 57 ) EU:C:2007:88, punt 41.

( 58 ) EU:C:2013:289.

( 59 ) EU:C:2013:386.

( 60 ) EU:C:2013:289.

( 61 ) EU:C:2013:386.

( 62 ) EU:C:2007:88, punt 41

( 63 ) EU:C:2013:289, punt 129.

( 64 ) EU:C:2013:386, punt 142.

( 65 ) Sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T‑335/94, Ġabra, EU:T:1999:80, punt 978).

( 66 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra, EU:C:1983:158, punt 14); Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni (C-395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra, EU:C:2000:132, punti 142 sa 145); Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni (C-322/07 P, C-327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra, EU:C:2009:500, punti 34 sa 48); Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (EU:C:2009:536, punti 57 sa 64) kif ukoll Ballast Nedam vs Il-Kummissjoni (C‑612/12 P, Ġabra, EU:C:2014:193, punti 24 sa 30).

( 67 ) Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 68 ) Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 69 ) Ara s-sentenzi, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑76/06 P, EU:C:2007:326, p. I‑4405, punt 44) u Caffaro in amministrazione straordinaria (li kienet Caffaro) vs Il-Kummissjoni (C‑447/11 P, EU:C:2013:797, punt 50).

( 70 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Sarrió vs Il-Kummissjoni (C‑291/98 P, Ġabra, EU:C:2000:631, punt 97); Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C-628/10 P u C‑14/11 P, Ġabra, EU:C:2012:479, point 58), kif ukoll Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, Ġabra, EU:C:2013:513, punt 133).

( 71 ) Ara, f’dan is-sens is-sentenzi Dow Chemical et vs Il-Kummissjoni (C‑499/11 P, Ġabra, EU:C:2013:482, punti 50 u 51) kif ukoll Kendrion vs Il-Kummissjoni (C‑50/12 P, Ġabra, EU:C:2013:771, punti 65 u 66).

( 72 ) ĠU C 45, p. 3.

( 73 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Finsider vs Il-Kummissjoni (EU:C:1994:414, punt 46); BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni (C‑310/93 P, Ġabra, EU:C:1995:101, punt 34); Eni vs Il-Kummissjoni (EU:C:2013:289, punt 105), kif ukoll Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni (C‑449/11 P, EU:C:2013:802, punt 74).

( 74 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi British Sugar vs Il-Kummissjoni (C‑359/01 P, EU:C:2004:255, punt 49) u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (EU:C:2005:408, punt 246).