KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2014 ( 1 )
Kawża C‑91/13
Essent Energie Productie BV
vs
Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni — Artikolu 41 tal-Protokoll addizzjonali — Klawżoli ta’ ‘standstill’ — Kamp ta’ applikazzjoni — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE — Kollokament ta’ ħaddiema — Ċittadini ta’ Stati terzi — Rekwiżit ta’ permess tax-xogħol għall-provvista ta’ ħaddiema”
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni hija mressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Essent Energie Productie BV (iktar ’il quddiem “Essent”) u l-Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid (il-ministru tal-affarijiet soċjali u tal-impjieg, iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar multa li ġiet imposta fuqha minn dan tal-aħħar għaliex kienet ippermettiet li jsir xogħol minn ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi mingħajr ma kellhom permess ta’ xogħol. |
2. |
Essent hija kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li kienet inkarigat lil BIS Industrial Services Nederland BV (iktar ’il quddiem “BIS”), stabbilita wkoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex teżegwixxi xogħlijiet ta’ armar ta’ scaffolding fil-bini sekondarju tagħha li jinsab f’Geertruidenberg (Il-Pajjiżi l-Baxxi). |
3. |
Skont rapport mħejji mill-ispettorat tax-xogħol fit-8 ta’ Marzu 2010, waqt spezzjoni mwettqa minn dan tal-aħħar fil-15, fid-19 u fl-20 ta’ Mejju 2008, f’dan il-bini, kien ġie kkonstatat li 33 ċittadin ta’ Stati terzi, li minnhom 29 kienu ċittadini Torok, tliet ċittadini tal-ex Jugoslavja u ċittadin Marokkin, bejn l-1 ta’ Jannar u l-20 ta’ Mejju 2008, kienu ħadu sehem fit-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet. |
4. |
Skont dan l-istess rapport, il-ħaddiema barranin kienu kkollokati ma’ BIS permezz ta’ Ekinci Gerüstbau GmbH (iktar ’il quddiem “Ekinci”), impriża Ġermaniża stabbilita f’Köln (il-Ġermanja) li magħha dawn il-ħaddiema kienu impjegati, mingħajr ma kien inħareġ xi permess ta’ xogħol sabiex jagħmlu dan. |
5. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2010, il-Ministru impona fuq Essent multa ta’ EUR 264 000 minħabba ksur tal-Artikolu 2(1) tal-liġi dwar ix-xogħol tal-barranin (Wet arbeid vreemdelingen), tal-21 ta’ Diċembru 1994 ( 2 ), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Wav 1994”), minħabba li din il-kumpannija kienet eżegwiet l-imsemmija xogħlijiet permezz ta’ ħaddiema barranin mingħajr ma dawn tal-aħħar kienu kisbu permess ta’ xogħol, minkejja li, skont il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, dan kien obbligatorju. |
6. |
Fl-istess jum, Essent ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni. |
7. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010, il-Ministru ddikjara dan l-ilment infondat minħabba li s-servizz ipprovdut minn Ekinci kien jikkonsisti esklużivament fil-kollokament ta’ ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi ( 3 ), b’tali mod li Essent, bħala persuna li tikkummissjona x-xogħol u li timpjega ħaddiema barranin fis-sens tal-Wav 1994, kellu jkollha permessi ta’ xogħol għal dawn il-ħaddiema. |
8. |
Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ Settembru 2011, ir-Rechtbank ’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħad ir-rikors ippreżentat minn Essent kontra l-imsemmija deċiżjoni. Din il-qorti ddeċidiet b’mod partikolari, billi rreferiet għas-sentenza Vicoplus et ( 4 ), li l-Ministru kien korrett meta impona multa fuq Essent, peress li ma kien inħareġ l-ebda permess ta’ xogħol minkejja li s-servizz ipprovdut minn Ekinci kien jikkonsisti unikament fil-kollokament ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71. |
9. |
Sabiex wasal għal din il-konklużjoni, ir-Rechtbank ’s-Hertogenbosch ikkunsidra li, minkejja li s-sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64) kienet tikkonċerna provvista ta’ servizzi li kienet tikkonsisti fil-kollokament ta’ ħaddiema Pollakki, kien possibbli li minnha jiġi dedott li, f’sitwazzjoni li tikkonċerna l-provvista ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi, l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, f’dan il-każ, l-Artikolu 2(1) tal-Wav 1994, li tirrikjedi li dawn il-ħaddiema jkollhom permess ta’ xogħol. |
10. |
Essent appellat minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (Il-Pajjiżi l-Baxxi). |
11. |
Bħar-Rechtbank ’s-Hertogenbosch, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li mis-sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64) jista’ jiġi dedott li l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma jipprekludux li Stat Membru jissuġġetta l-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, fit-territorju tiegħu ta’ ħaddiema li ġejjin minn Stat terz għall-kisba ta’ permess ta’ xogħol. Peress li l-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tar-rekwiżit ta’ tali permess ta’ xogħol mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE tirriżulta b’mod ċar, skont il-qorti tar-rinviju, mis-sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64), din għalhekk ma ħassitx li kien neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan l-aspett. |
12. |
Kien taħt perspettiva oħra li ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fejn talbitha tinterpreta, minn naħa, l-Artikolu 41 tal-Protokoll addizzjonali ( 5 ) għall-ftehim dwar il-ħolqien ta’ assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija ( 6 ) u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta’ din l-assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). |
13. |
Dawn iż-żewġ artikoli fihom regola ta’ standstill bil-għan li tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu, mid-data tad-dħul tagħhom fis-seħħ, restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għall-moviment liberu tal-ħaddiema bejn ir-Repubblika tat-Turkija u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. |
14. |
B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali, li jinsab fil-Kapitolu II tat-Titolu II tiegħu, jipprovdi: “Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà tal-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
15. |
Fir-rigward tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, dan huwa redatt bil-mod kif ġej: “L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema u tal-membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
16. |
Skont l-Artikolu 16(1) tal-imsemmija deċiżjoni, din id-dispożizzjoni hija applikabbli mill-1 ta’ Diċembru 1980. |
17. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-kunċett ta’ persuna li timpjega kif żviluppata fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkostitwixxix jew le restrizzjoni ġdida fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
18. |
Ser naraw b’mod iktar preċiż liema huma d-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi li qed jiġu kkontestati. |
19. |
Fl-1 ta’ Diċembru 1980, l-impjieg tal-barranin fil-Pajjiżi l-Baxxi kien irregolat mil-liġi fuq ix-xogħol tal-ħaddiema barranin (Wet arbeid buitenlandse werknemers), tad-9 ta’ Novembru 1978 ( 7 ). |
20. |
Skont l-Artikolu 1(b)(1) tad-Wabw, għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi u ta’ dawk li jirriżultaw minnha, persuna li timpjega tfisser kull persuna li tintrabat b’kuntratt ta’ xogħol ma’ oħra sabiex teżegwixxi xogħol, sakemm din il-persuna l-oħra ma tkunx ikkollokata ma’ terz taħt il-liġi dwar il-provvista ta’ ħaddiema (Wet op het ter beschikking stellen van arbeidskrachten), tal-31 ta’ Lulju 1965 ( 8 ). |
21. |
Skont l-Artikolu 1(b)(3) tad-Wabw, hija wkoll persuna li timpjega kull persuna li magħha persuna oħra hija kkollokata, jekk il-liġi dwar il-provvista ta’ ħaddiema tapplika għal dan il-kollokament. |
22. |
Skont l-Artikolu 4 tad-Wabw, persuna li timpjega ma tistax tħaddem barrani mingħajr permess mogħti mill-ministeru kompetenti. |
23. |
Skont l-Artikolu 1.1(b) tal-liġi dwar il-provvista ta’ ħaddiema, il-provvista ta’ ħaddiema tfisser il-kollokament ta’ ħaddiema ma’ ħaddieħor, bi ħlas, sabiex jiġi eżerċitat fl-impriża ta’ dan tal-aħħar, u mhux bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ din l-impriża, xogħol li normalment isir fl-istess impriża. |
24. |
Il-verżjoni tal-Wav 1994 applikabbli għall-kawża hija dik li kienet fis-seħħ qabel ma daħlet fis-seħħ il-liġi tal-25 ta’ Ġunju 2009 ( 9 ), fl-1 ta’ Lulju 2009. |
25. |
Skont l-Artikolu 1(1)(b)(1) tal-Wav 1994, persuna li timpjega tfisser persuna li teżegwixxi xogħol permezz ta’ persuna oħra fl-eżerċizzju ta’ funzjoni, professjoni jew impriża. |
26. |
Skont l-Artikolu 2(1) tal-Wav 1994, persuna li timpjega ma tistax teżegwixxi xogħol permezz ta’ barrani fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr permess ta’ xogħol. |
27. |
Madankollu, din il-projbizzjoni ma tapplikax fir-rigward ta’ barrani li, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, jeżegwixxi temporanjament xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi għal persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni minbarra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sakemm ma tkunx provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema. |
28. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1)(a) tal-Wav 1994 jispeċifika li l-imsemmija projbizzjoni ma tapplikax għal barrani li ma jistax jingħata permess ta’ xogħol bis-saħħa ta’ dispożizzjoni ta’ ftehim konkluż ma’ Stati oħra jew ta’ deċiżjoni ta’ organizzazzjoni tad-dritt pubbliku internazzjonali li jorbot lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
29. |
Minn dan is-sommarju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jirriżulta li, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-persuna li timpjega kellha tikseb permess ta’ xogħol skont l-Artikolu 1(b)(1) tad-Wabw jekk tkun ser teżegwixxi xogħol permezz ta’ barrani abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, sakemm il-barrani ma jkunx ikkollokat ma’ terz taħt il-liġi dwar il-provvista ta’ ħaddiema. Skont l-Artikolu 1(b)(3) tad-Wabw, il-persuna li timpjega fis-sens ta’ din il-liġi kienet, f’dan il-każ, il-persuna li magħha l-barrani kien ġie kkollokat. Minn dan jirriżulta li BIS, li magħha l-ħaddiema barranin kienu ġew ikkollokati minn Ekinci, kienet tkun, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80, persuna li timpjega li kellha tikseb permess. |
30. |
Kif tindika l-qorti tar-rinviju, mix-xogħol preparatorju tal-Artikoli 1 u 2 tal-Wav 1994 jirriżulta li l-persuna li timpjega li għandha tikseb permess hija dik li effettivament teżegwixxi xogħol permezz ta’ barrani u li din il-persuna li timpjega hija, f’kull mument, responsabbli mill-eżistenza tal-permess ta’ xogħol neċessarju. L‑eżistenza ta’ kuntratt ta’ xogħol jew ta’ rabta ta’ subordinazzjoni ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward. Il-fatt li xogħol jiġi effettivament eżegwit fuq ordni jew għas-servizz ta’ persuna li timpjega huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ persuna li timpjega. Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li din l-adattazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet meħtieġa għaliex fil-prattika, il-persuni li jimpjegaw kienu jfittxu, permezz ta’ metodi illegali u ta’ strutturi kumplessi, mod kif jevitaw ir-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol fil-każ ta’ impjieg ta’ ħaddiema barranin. Is-soluzzjoni magħżula kienet tikkonsisti fiż-żamma ta’ definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ persuna li timpjega li tista’ tinżamm responsabbli ta’ nuqqas ta’ permessi ta’ xogħol għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li hija tħaddem. |
31. |
Fid-dawl ta’ dan il-kunċett wiesa’ ta’ persuna li timpjega applikat fil-Wav 1994, jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol japplika mhux biss għall-impriża utenti, f’dan il-każ BIS, iżda wkoll għall-persuni l-oħra li jimpjegaw fil-katina ta’ impjiegi, fosthom il-persuna li tikkummissjona x-xogħol, f’dan il-każ Essent. |
32. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li quddiemha għandha l-kwistjoni dwar jekk it-twessigħ tal-kunċett ta’ persuna li timpjega permezz tal-Wav 1994 għandux jitqies li huwa restrizzjoni ġdida fis-sens tar-regola ta’ standstill li tinsab fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kif ukoll fl-Artikolu 41 tal-Protokoll addizzjonali u, għalhekk jekk l-impożizzjoni tal-multa fuq Essent tmurx kontra dawn l-artikoli. Mill-perspettiva ta’ Essent, it-twessigħ, wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija artikoli, tal-kunċett ta’ persuna li timpjega li tista’ tinżamm responsabbli fin-nuqqas ta’ permessi ta’ xogħol għall-ħaddiema barranin li hija tħaddem għandu l-effett li jillimita l-aċċess tal-ħaddiema Torok għas-suq tax-xogħol tal-Pajjiżi l-Baxxi. |
33. |
Qabel il-kwistjoni jekk dan it-twessigħ tal-kunċett ta’ persuna li timpjega jikkostitwixxix restrizzjoni ġdida kuntrarja għall-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kif ukoll għall-Artikolu 41 tal-Protokoll addizzjonali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk Essent għandhiex locus standi sabiex tinvoka dawn l-artikoli. |
34. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
|
I – L-analiżi tiegħi
35. |
Għandu jitfakkar li l-fatt li qorti tar-rinviju fformulat, b’mod formali, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, irrispettivament minn jekk hija rreferietx għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha toħroġ, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża ( 10 ). |
36. |
Għar-raġunijiet li ser nindika, inħoss li l-Artikoli 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u 41 tal-Protokoll addizzjonali ma humiex rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. |
37. |
Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tiegħi, huwa fid-dawl tal-Artikoli 56 u 57 TFUE li l-kwistjoni ssollevata minn din il-kawża għandha tiġi ttrattata. |
A – Dwar ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli
38. |
Huwa paċifiku li Ekinci hija impriża stabbilita fil-Ġermanja. Skont ir-reġistru tal-kummerċ Ġermaniż, din l-impriża għandha bħala attività l-kostruzzjoni, il-muntaġġ u l-kiri ta’ scaffolding. |
39. |
Ekinci pprovdiet lil BIS ħaddiema ċittadini ta’ diversi Stati terzi, fosthom tar-Repubblika tat-Turkija, għall-kostruzzjoni ta’ scaffolding għal perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-20 ta’ Mejju 2008. |
40. |
Ma huwiex ikkontestat li l-ħaddiema kkonċernati, li l-maġġoranza tagħhom huma ċittadini Torok, kellhom permess ta’ residenza fil-Ġermanja u kienu jaħdmu hemm b’mod legali. |
1. Fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80
41. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-klawżola ta’ standstill stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kull miżura nazzjonali ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju nazzjonali għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid‑data ta’ dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat ( 11 ). |
42. |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li, kuntrarjament għall-ħaddiema tal-Istati Membri, iċ-ċittadini Torok ma jibbenefikawx mill-moviment liberu fl-Unjoni, iżda jistgħu jinvokaw biss ċerti drittijiet fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti biss ( 12 ). |
43. |
F’din il-kawża, l-Istat Membru ospitanti tal-ħaddiema ċittadini Torok huwa r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Stat Membru li fih huma jirrisjedu u jaħdmu b’mod legali. Dan ifisser li huwa fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru li dawn il-ħaddiema jistgħu jinvokaw id-drittijiet li huma jgawdu bis-saħħa tad-Deċiżjoni Nru 1/80. |
44. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirrigwarda l-miżuri nazzjonali relatati mal-aċċess għall-impjieg. Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li dan l-artikolu “ma huwiex intiż li jipproteġi ċ-ċittadini Torok diġà integrati fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, iżda huwa intiż li japplika preċiżament għaċ-ċittadini Torok li għadhom ma jibbenefikawx minn drittijiet fil-qasam ta’ impjieg u, korrelattivament, ta’ residenza, skont l‑Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80” ( 13 ). |
45. |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Abatay et ( 14 ), fir-rigward ta’ xufiera ta’ trakkijiet Torok, impjegati ta’ impriża stabbilita fit-Turkija, involuti fit-trasport internazzjonali ta’ merkanzija fil-Ġermanja. L-ewwel nett, hija enfasizzat li dawn ix-xufiera ta’ trakkijiet Torok “huma preżenti fit-territorju Ġermaniż għal perijodi limitati ferm, bil-għan li jwasslu u jħottu fil-Ġermanja merkanzija li ġejja mit-Turkija jew sabiex jgħabbu minn hemm merkanzija sabiex tittieħed f’destinazzjonijiet bħat-Turkija, l-Iran jew l-Iraq” ( 15 ). Sussegwentement, hija kkonstatat li, “wara kull servizz, huma jirritornaw fit-Turkija fejn jirrisjedu mal-familji tagħhom u fejn hija stabbilita l-impriża li timpjegahom u li tħallashom” ( 16 ), u minn dan iddeduċiet li “ċittadini Torok bħal dawn għalhekk ma għandhom l-ebda intenzjoni li jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol Ġermaniż bħala l-Istat Membru ospitanti” ( 17 ). |
46. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja “mill-istruttura u mill-għan tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirriżulta li, fl-istat attwali tal-iżvilupp tal-moviment liberu tal-ħaddiema fil-kuntest tal-assoċjazzjoni KEE – Turkija [...], l-għan essenzjali tal-imsemmija deċiżjoni huwa l-integrazzjoni progressiva tal-ħaddiema Torok [fl-Istat Membru ospitanti] permezz tal-eżerċizzju ta’ impjieg legali li ma huwiex, bħala prinċipju, interrot” ( 18 ). |
47. |
L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għalhekk ma huwiex applikabbli għal sitwazzjoni kkaratterizzata minn preżenza temporanja fil-Ġermanja ta’ ħaddiema ċittadini Torok, li għalhekk ma setgħetx titqies li hija xewqa ta’ dawn il-ħaddiema li jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru. |
48. |
L-istess huwa l-każ, fl-opinjoni tiegħi, fil-kuntest ta’ din il-kawża, fir-rigward ta’ ħaddiema ċittadini Torok, li jirrisjedu u jaħdmu legalment fil-Ġermanja, li għalhekk huwa l-Istat ospitanti tagħhom fl-Unjoni, u li ġew ikkollokati fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodu limitat, li jirrifletti ż-żmien meħtieġ għall-kostruzzjoni ta’ scaffolding li għalih kienet responsabbli BIS. Wara li tlestiet din il-ħidma, il-ħaddiema kkonċernati telqu mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u rritornaw fil-Ġermanja. Kif korrettament jenfasizza l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-imsemmija ħaddiema għalhekk ma kellhomx l-intenzjoni li jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol tal-Pajjiżi l-Baxxi. Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma huwiex applikabbli fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tal-kawża prinċipali. |
2. Fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali
49. |
L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali, kif jirriżulta mill‑kliem tiegħu stess, jistipula, b’mod ċar, preċiż u bla kundizzjoni, klawżola inekwivoka ta’ standstill, li tipprojbixxi lill-partijiet kontraenti milli jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll addizzjonali ( 19 ). |
50. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali għandu effett dirett. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata miċ-ċittadini Torok, li għalihom tapplika, quddiem il-qrati tal-Istati Membri ( 20 ). |
51. |
Għandu jiġi rrilevat li l-klawżola ta’ standstill tipprojbixxi b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kull miżura ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork tal‑imsemmija libertajiet ekonomiċi fit-territorju ta’ Stat Membru għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid‑data ta’ dħul fis-seħħ tal-Protokoll addizzjonali fir-rigward ta’ dan l‑Istat Membru ( 21 ). |
52. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Abatay et (EU:C:2003:572), li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali jista’ jiġi invokat minn impriża stabbilita fit-Turkija li tipprovdi servizzi fi Stat Membru b’mod legali u minn ċittadini Torok li huma xufiera tat-trakkijiet impjegati minn tali impriża ( 22 ). |
53. |
F’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din id-dispożizzjoni tipprekludi l-introduzzjoni, fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, ta’ rekwiżit, li ma kienx mitlub meta daħal fis-seħħ il-Protokoll addizzjonali fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, ta’ permess ta’ xogħol għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi fit-territorju ta’ dan l-Istat minn impriża stabbilita fit-Turkija u l-impjegati tagħha li huma ċittadini Torok ( 23 ). |
54. |
Mill-kliem tiegħu stess jirriżulta li l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali għandu l-għan li jelimina r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn il-partijiet kontraenti ( 24 ). Din id-dispożizzjoni b’mod partikolari tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jintroduċu, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll addizzjonali restrizzjonijiet ġodda għall-provvista ta’ servizzi minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fit-Turkija kif ukoll għad-dħul ta’ ċittadini Torok fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex jipprovdu servizzi għan-nom ta’ impriża stabbilita fit-Turkija ( 25 ). |
55. |
Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-unika rabta mar-Repubblika tat-Turkija tinsab fil-preżenza ta’ maġġoranza ta’ ċittadini Torok fost il-ħaddiema kkollokati minn Ekinci fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, din ir-rabta ma hijiex biżżejjed sabiex is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali. |
56. |
Sabiex isir dan, kien meħtieġ li tintwera l-eżistenza ta’ attività ekonomika bejn ir-Repubblika tat-Turkija u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li kien ikun il-każ li kieku ċ-ċittadini Torok ikkonċernati kienu ħaddiema indipendenti li kienu qed jipprovdu servizzi f’dan l-Istat Membru jew kienu impjegati kkollokati minn impriża stabbilita fit-Turkija. |
57. |
Peress li l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn ċittadin Tork ma huwiex ikkontestat fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għalhekk jidhirli li l-applikazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali hija eskluża. |
3. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE
58. |
Rajna li l-qorti tar-rinviju, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, tirreferi għall-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. Madankollu, hija ma staqsietx lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan l-aspett peress li kkunsidrat li mis-sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64) kien jirriżulta b’mod ċar li dawn l-artikoli ma kinux jipprekludu li Stat Membru jissuġġetta l-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, fit-territorju tiegħu ta’ ħaddiema li ġejjin minn Stat terz għall-kisba ta’ permess ta’ xogħol. |
59. |
Fl-opinjoni tiegħi, il-qorti tar-rinviju hija korretta li tikkunsidra l-applikazzjoni tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-attività li tikkonsisti, għal impriża, fil-provvista, bi ħlas, ta’ ħaddiema li jibqgħu fis-servizz ta’ din l-impriża mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntratt tax-xogħol mal-utent, tikkostitwixxi attività professjonali li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE u għandha, għaldaqstant, titqies li hija servizz fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 26 ). |
60. |
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-provvista ta’ ħaddiema saret minn impriża stabbilita fil-Ġermanja, fuq talba ta’ impriża utenti stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Tali provvista ta’ servizzi bejn żewġ impriżi li huma stabbiliti f’żewġ Stati Membri differenti mingħajr dubju taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. Il-fatt li l-kollokament tal-ħaddiema jirrigwarda ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi, huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li l-kollokament ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 27 ). |
61. |
Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju hija żbaljata meta tikkunsidra li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà tippermetti li tingħata risposta ċara għal kwistjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, inkwantu teżiġi li l-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li ġew ipprovduti bejn żewġ impriżi stabbiliti f’żewġ Stati Membri differenti jkollhom permess ta’ xogħol, hijiex jew le konformi mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. |
62. |
B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li tindika l-qorti tar-rinviju, inqis li r-risposta għall-kwistjonijiet imqajma minn din il-kawża ma tirriżultax b’mod ċar mis-sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64). Ser ikolli l-okkażjoni sabiex iktar tard nispjega kif is-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tiddependi ħafna fuq kuntest speċifiku għaliha, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji wara l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda mal-Unjoni. |
63. |
Għalhekk, il-kwistjoni prinċipali li għandha tiġi deċiża fil-kuntest ta’ din il-kawża għadha, sa issa, mingħajr risposta ċara mill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan jiġġustifika, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula minn din tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tittratta l-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, fit-territorju ta’ dan l-Istat, ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stat terz għall-kisba ta’ permess ta’ xogħol. |
64. |
Kif Essent issostni prinċipalment fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, jiġifieri l-provvista minn impriża Ġermaniża ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stat terz lil impriża utenti stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, li teżegwixxi xogħlijiet għan-nom ta’ impriża oħra stabbilita wkoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rekwiżit ta’ permessi ta’ xogħol mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi huwiex kompatibbli jew le mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. |
B – Fuq il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE
65. |
Rajna li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. Qabel ma nevalwa jekk il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi hijiex jew le kompatibbli ma’ dawn l-artikoli, qabel xejn, għandhom jiġu esposti r-raġunijiet li għalihom Essent għandha, fl-opinjoni tiegħi, titqies li għandha locus standi biex tinvoka l-imsemmija artikoli fil-kuntest tal-kawża prinċipali. |
1. Fuq il-possibbiltà ta’ Essent li tinvoka l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali
66. |
Il-kuntest ta’ din il-kawża huwa kkaratterizzat mill-eżistenza ta’ katina ta’ impriżi. B’hekk, persuna li tikkummissjona x-xogħol, f’dan il-każ Essent, tat kuntratt ta’ subappalt lil impriża oħra, BIS, għall-bini ta’ scaffolding f’wieħed mill-istabbilimenti tagħha. Sabiex teżegwixxi din il-biċċa xogħol, BIS talbet is-servizzi ta’ impriża stabbilita fil-Ġermanja, Ekinci, sabiex din tipprovdilha l-ħaddiema. |
67. |
F’tali kuntest, il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi żviluppat sabiex iżżomm responsabbli lill-persuna li tikkummissjona x-xogħol fil-każ ta’ xogħol magħmul minn ċittadini ta’ Stati terzi mingħajr ma dawn tal-aħħar ikollhom permess ta’ xogħol. Din l-għażla kienet motivata mix-xewqa tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi li ma jħallux li l-fatt li ħafna impriżi jintervjenu biex titwettaq biċċa xogħol jippermetti li jiġi evitat ir-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għal ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi. |
68. |
F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wasslithom sabiex jimponu biss fuq il-persuna li tikkummissjona x-xogħol, jiġifieri Essent, il-ħlas ta’ multa minħabba n-nuqqas ta’ permessi ta’ xogħol, u mhux fuq BIS, bħala impriża utenti tal-ħaddiema pprovduti minn Ekinci. |
69. |
F’dan il-kuntest, il-fatt li Essent, li kienet l-unika impriża li kienet imħarrka mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma tingħatax il-possibbiltà li tinvoka l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE sabiex tikkontesta l-multa imposta fuqha jkun ifisser li r-regoli tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jiċċaħħdu mill-effett tagħhom. |
70. |
Dan ikun ifisser li, minkejja li r-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li huma kkollokati għandu, fil-mertu, jiġi interpretat fid-dawl ta’ dawn l-artikoli, il-fatt li Essent tinsab fuq nett fil-katina tal-impriżi kkonċernati, u għalhekk li ma hijiex id-destinatarja diretta tal-provvista tal-ħaddiema, jimpediha milli tinvoka l-uniku mezz ta’ difiża tagħha, jiġifieri l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. |
71. |
Sa fejn, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, hija l-persuna li tikkummissjona x-xogħol li tista’ tinżamm responsabbli għal nuqqas ta’ permessi ta’ xogħol għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi, hija għalhekk l-uniku waħda, meta dan huwa l-każ, li tista’ tinvoka b’mod utli dawn l-artikoli. Jekk din il-possibbiltà tiġi rrifjutata jkun ifisser li s-sistema stabbilita bil-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi li tippermetti li r-responsabbiltà tista’ taqa’ fuq l-aħħar ħolqa tal-katina ta’ impriżi, jiġifieri l-persuna li tikkummissjona x-xogħol, twassal sabiex jinżammu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
72. |
Il-fatt li l-possibbiltà li jiġu invokati r-regoli tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tiġi llimitata biss għall-kontraenti diretti jkun ifisser li jiġi injorat li, kif turi din il-kawża, diversi kumpanniji jistgħu jkunu involuti fi ktajjen ta’ kuntratti ta’ subappalt. B’hekk, ma huwiex rari li jiġu identifikati iktar minn erba’ intermedjarji bejn l-impjegati u l-persuna inkarigata mill-proġett ( 28 ). |
73. |
Huwa minħabba din ir-realtà, potenzjalment sors ta’ abbuż u ta’ evażjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali, li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi tippermetti li l-persuna li tikkummissjona x-xogħol tinżamm responsabbli fil-każ fejn il-permessi ta’ xogħol ma ġewx mitluba għal ċittadini ta’ Stati terzi li jaħdmu għal wieħed mis-subappaltaturi. |
74. |
F’dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi ssegwi d-direzzjoni li qed tiġi espressa fid-diskussjonijiet li hemm bħalissa sabiex ikun hemm bidla tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kolloment tal-ħaddiema, fejn wieħed minn dawn l-iżviluppi possibbli huwa preċiżament li tiżdied ir-responsabbiltà tal-persuna li tikkummissjona x-xogħol. |
75. |
Il-ġurisprudenza relattivament flessibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat fir-rigward tal-persuni awtorizzati sabiex jinvokaw ir-regoli tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jidhirli li huwa favur approċċ estensiv fir-rigward tal-invokabbiltà tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. |
76. |
Fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, “[g]ħalkemm huwa stabbilit li d-drittijiet ta’ moviment liberu previsti f[l-Artikolu 45 TFUE] jibbenefikaw lill-ħaddiema [...], xejn fil-kliem ta’ dan l-artikolu ma jindika li dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu invokati minn oħrajn” ( 29 ). Konsegwentement hija ddeċidiet li “l-benefiċċju tal-Artikolu 45 TFUE jista’ jiġi invokat mhux biss mill-ħaddiema nfushom, iżda wkoll minn dawk li jimpjegawhom. Fil-fatt, sabiex ikun effikaċi u utli, id-dritt tal-ħaddiema li jiġu rreklutati u impjegati mingħajr diskriminazzjoni għandu neċessarjament ikollu bħala korollarju tiegħu d-dritt tal-persuni li jimpjegaw li jirreklutawhom b’osservanza tar-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema” ( 30 ). |
77. |
B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn il-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE u dawk li jistgħu jużaw dan l-artikolu. It-tieni kategorija hija wiesgħa iktar sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-imsemmi artikolu ( 31 ). |
78. |
Fl-opinjoni tiegħi, l-istess loġika għandha tapplika fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Din il-libertà fundamentali għandha tiġi invokata minn persuna li ma hijiex formalment id-destinatarja. Fil-fatt, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħall-moviment liberu tal-ħaddiema, għandha għan ta’ interess ġenerali li huwa l-istabbiliment ta’ suq intern. It-tfittxija ta’ dan l-għan tiġġustifika l-estensjoni tal-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni lil persuni, minbarra l-fornituri u d-destinatarji ta’ servizzi, li madankollu għandhom rabta materjali ma’ persuna li għandha dan l-istatus ( 32 ). |
79. |
Il-fatt li Essent ma tingħatax il-possibbiltà li tinvoka l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE jkun ifisser li jiġi ammess li, biż-żamma ta’ definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ persuna li timpjega, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni huwa f’pożizzjoni li jrendi ineffettivi r-regoli tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jevita l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet għal din il-libertà fundamentali prevista fl-Artikolu 56 TFUE ( 33 ). |
80. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, persuna li tikkummissjona x-xogħol bħal Essent għandha tkun tista’ tinvoka d-drittijiet direttament rikonoxxuti lill-fornituri u lid-destinatarji ta’ servizzi permezz tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. |
81. |
F’dan ir-rigward, il-konstatazzjoni li tgħid li la Ekinci u lanqas BIS ma huma partijiet fil-kawża prinċipali ma jidhirlix li hija determinanti. Fil-fatt, dan ma jnaqqas xejn mill-interess li Essent għandha, inkwantu persuna li kkummissjonat ix-xogħol li ġiet issanzjonata minħabba nuqqas ta’ permessi ta’ xogħol, li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar il-konformità tar-rekwiżit ta’ tali permessi mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE. Fi kliem ieħor, din il-kwistjoni hija direttament utli sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni fil-kawża prinċipali li tirrigwarda l-legalità tal-multa imposta fuq Essent. |
2. Fuq l-eżistenza ta’ ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi
82. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 56 TFUE ma jirrikjedix biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront ta’ fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba ċ‑ċittadinanza tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn jipprovdi b’mod legali servizzi analogi ( 34 ). |
83. |
Fir-rigward tal-kollokament ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stat terz minn impriża li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni, diġà ġie deċiż li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ provvista ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali, minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-ħruġ ta’ permess amministrattiv tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 KE ( 35 ). |
84. |
Iktar ’il fuq rajna li, skont l-Artikolu 2(1) tal-Wav 1994, persuna li timpjega ma tistax teżegwixxi biċċa xogħol permezz ta’ barrani fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr permess ta’ xogħol. Madankollu din l-interdizzjoni ma tapplikax fir-rigward tal-barrani li, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, jeżegwixxi b’mod temporanju xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi għal persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni li ma huwiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sakemm ma tkunx provvista ta’ servizzi li tinvolvi l-provvista ta’ ħaddiema. |
85. |
Il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi tirriżerva għalhekk trattament partikolari għall-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi lil impriża stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor. Għal dan it-tip ta’ provvista ta’ servizzi, ir-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi huwa miżmum. |
86. |
Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li semmejt, hemm lok li jkun ammess li, minħabba l-piż amministrattiv li jinvolvi, ir-rekwiżit ta’ permessi ta’ xogħol għal ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li huma kkollokati ma’ impriża utenti “bħall-BIS” minn impriża li tipprovdi s-servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor, bħal Ekinci, jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li huwa, bħala prinċipju pprojbit bl-Artikolu 56 TFUE. |
87. |
Il-kisba ta’ permessi ta’ xogħol għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi pprovduti lil impriża stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, bħall-verifika minn qabel li ma hemmx ħaddiema disponibbli fis-suq tax-xogħol nazzjonali, kif ukoll restrizzjonijiet f’termini ta’ żmien. Għalhekk din ma hijiex sempliċi formalità. B’mod konkret, ir-rekwiżit ta’ permessi ta’ xogħol għalhekk jista’ jkollu l-effett li jiskoraġġixxi impriża bħal Ekinci milli teżerċita l-libertà tagħha li tipprovdi servizzi, sa fejn hija ssib ruħha limitata fl-għażla tal-persunal li hija tista’ faċilment u fi żmien qasir tipprovdi lil impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor. |
3. Fuq il-ġustifikazzjoni tal-ostakolu
88. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt qasam li ma kienx suġġett għal armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni u li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita negozju fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun iġġustifikata sa fejn tissodisfa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u sa fejn dan l-interess ma huwiex diġà protett mir-regoli li għalihom huwa suġġett il‑fornitur fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit, sa fejn din tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u sa fejn ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq ( 36 ). |
89. |
Is-suġġett relatat mal-kollokament tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali ma ġiex armonizzat fuq livell tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li jirriżultaw mill-Artikolu 2(1) tal-Wav 1994 humiex iġġustifikati minn għan ta’ interess ġenerali u, jekk ikun il-każ, jekk humiex neċessarji sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod effettiv u permezz tal-mezzi li huma xierqa għal dan il-għan. |
90. |
Mistoqsi dwar dan is-suġġett matul is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi invoka l-għan li jipproteġi s-suq nazzjonali tax-xogħol tiegħu. |
91. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm ix-xewqa li jiġi evitat taqlib fis-suq tax-xogħol hija, ċertament, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ( 37 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, diversi drabi li “l-ħaddiema impjegati minn impriża stabbilita fi Stat Membru u li jiġu kollokati fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jiġu pprovduti servizzi, ma jippretendux li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dan it-tieni Stat, peress li huma jirritornaw lejn il-pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ residenza tagħhom wara li jkunu wettqu xogħolhom” ( 38 ). |
92. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li “Stat Membru jista’ jivverifika li l-impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tikkolloka fit-territorju tiegħu ħaddiema ta’ Stat terz, ma tużax il-libertà li jiġu pprovduti servizzi bi skop ieħor għajr it-twettiq tas-servizz ikkonċernat, per eżempju bl-għan li ġġib il-personal tagħha sabiex jiġu impjegati jew il-provvista ta’ ħaddiema” ( 39 ). |
93. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja “dawn il-kontrolli għandhom madankollu jħarsu l-limiti li jimponi d-dritt [tal-Unjoni] u, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mill-libertà li jiġu pprovdutti servizzi, li ma jistgħux jisfaw illużorji u li l-eżerċizzju tagħhom ma jistax ikun suġġett għad-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni” ( 40 ). |
94. |
B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, diversi drabi, li r-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li huma kkollokati fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali huwa, minħabba l-formalitajiet u t-termini ta’ proċedura involuti, tali li jrendi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju tal-Istati Membri permezz ta’ ħaddiema kkollokati li huma ċittadini ta’ Stat terz inqas attraenti ( 41 ). Peress li tali rekwiżit huwa sproporzjonat fid-dawl tal-għanijiet sabiex jiġu żgurati, minn naħa, l-istabbiltà tas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema kkollokati, dan ġie meqjus li jmur kontra r-regoli tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
95. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx speċifikament dwar il-kompatibbiltà, mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, taż-żamma ta’ rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li l-kollokament tagħhom ma huwiex l-aċċessorju ta’ provvista ta’ servizzi transkonfinali, iżda l-għan esklużiv ta’ tali prestazzjoni. |
96. |
Sabiex jinftiehem tajjeb il-punt u l-qofol tal-problema, għandha titfakkar id-definizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-provvista ta’ ħaddiema. |
97. |
Fis-sentenza tagħha Vicoplus et (EU:C:2011:64), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, ippreċiżat id-definizzjoni tat-tranżazzjoni li tikkonsisti, skont l-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, “billi tkun impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokament temporanju, tibgħat ħaddiem lill-impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament”. |
98. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[i]l-kollokament ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 hija provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas li għaliha l-ħaddiem ikkollokat jibqa’ fis-servizz tal-impriża li tipprovdi s-servizz, mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntratt ta’ xogħol mal-impriża utenti. Huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-ispostament tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti jikkostitwixxi l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi magħmula mill-impriża li tagħti s-servizz u li dan il-ħaddiem iwettaq xogħlu taħt il-kontroll u d-direzzjoni tal-impriża utenti” ( 42 ). |
99. |
Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk għandhiex quddiemha sitwazzjoni ta’ provvista ta’ ħaddiema li tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Vicoplus et (EU:C:2011:64). |
100. |
Infakkar li, skont l-Artikolu 1.1(b) tal-Liġi dwar il-provvista ta’ ħaddiema, il-provvista ta’ ħaddiema tfisser il-kollokament ta’ ħaddiema ma’ ħaddieħor, bi ħlas, sabiex jeżerċitaw fl-impriża ta’ dan tal-aħħar, mhux bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż ma’ din l-impriża, xogħol li normalment isir fl-istess impriża. Din id-definizzjoni tidher inqas kompleta minn dik mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
101. |
Il-qorti tar-rinviju għalhekk għandha tiżgura li l-ħaddiema barranin ikunu verament wettqu x-xogħol tagħhom taħt id-direzzjoni u s-sorveljanza ta’ BIS, u mhux taħt dawk ta’ Ekinci. |
102. |
Fil-fatt, jekk tittieħed it-tieni għażla, ma jkunx hemm provvista ta’ ħaddiema li tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Vicoplus et (EU:C:2011:64), iżda kuntratt ta’ subappalt ( 43 ). F’tali sitwazzjoni, ma hemmx dubju dwar il-fatt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprojbixxi, diġà, rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li huma kkollokati fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi. |
103. |
Min-naħa l-oħra, jekk, kif jidher li huwa l-każ, il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni tikkonsisti verament u esklużivament fil-provvista ta’ ħaddiema li tissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Vicoplus et (EU:C:2011:64), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tidher li għadha titubanti u teħtieġ għalhekk li tiġi ċċarata. |
104. |
Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fil-provvista ta’ ħaddiema dejjem kienet meqjusa li hija provvista ta’ servizzi ta’ natura partikolari ( 44 ). Konsegwentement, din ingħatat trattament speċifiku b’konsegwenzi ġuridiċi adattati għan-natura partikolari tagħha. |
105. |
Essenzjalment, l-elementi meħudin mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jippermettu li jiġi konkluż li l-provvista ta’ ħaddiema tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi ta’ natura partikolari, għaliex din tiddistingwi ruħha bl-għan tagħha li huwa li l-ħaddiema jitħallew jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti. Minn dan l-aspett, il-provvista ta’ ħaddiema, anki jekk din tikkostitwixxi attività ekonomika li taqa’ l-ewwel nett taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma tistax tiġi iżolata totalment mill-problemi marbutin mal-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni. |
106. |
Fis-sentenza tagħha Vicoplus et (EU:C:2011:64), il-Qorti tal-Ġustizzja uriet in-natura partikolari tal-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema. Filwaqt li rreferiet għas-sentenza tagħha Webb ( 45 ), hija fakkret li “tali attività jista’ jkollha impatt fuq is-suq tax-xogħol tal-Istat Membru tad-destinatarju tas-servizz” ( 46 ). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, “il-ħaddiema impjegati minn impriżi li jipprovdu l-ħaddiema jistgħu, jekk ikun il-każ, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE u tar-regolamenti tal-Unjoni adottati biex jimplementawhom” ( 47 ). Min-naħa l-oħra, “minħabba n-natura partikolari tar-rabtiet ta’ xogħol inerenti fil-provvista tal-ħaddiema, l-eżerċizzju ta’ din l-attività taffettwa direttament kemm ir-relazzjonijiet fis-suq tax-xogħol kif ukoll l-interessi leġittimi tal-ħaddiema kkonċernati” ( 48 ). |
107. |
Fis-sentenza tagħha Vicoplus et (EU:C:2011:64), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li, fil-punt 16 tas-sentenza tagħha Rush Portuguesa ( 49 ), hija kkonstatat li “impriża li tforni ħaddiema, għalkemm tipprovdi servizzi fis-sens tat-Trattat FUE, tagħmel attivitajiet li għandhom preċiżament bħala għan li ħaddiema jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti” ( 50 ). |
108. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[d]in il-konstatazzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li l-ħaddiem ikkollokat skont l-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 normalment jiġi assenjat, matul il-perijodu li fih jiġi pprovdut, f’pożizzjoni fi ħdan l-impriża utenti li kieku kienet tiġi okkupata minn impjegat tagħha” ( 51 ). |
109. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi speċifiċi tal-provvista ta’ ħaddiema li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 32 tas-sentenza tagħha Vicoplus et (EU:C:2011:64), li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, fit-territorju ta’ dan l-Istat, ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stat Membru ieħor għall-kisba ta’ permess ta’ xogħol għandha titqies li hija “miżura li tirregola l-aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol ta[l-ewwel] Stat fis-sens tal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003” [ ( 52 )]. |
110. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkonkludiet li “[b]’hekk, din il-leġiżlazzjoni li, matul il-perijodu tranżitorju previst fil-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tkompli tissuġġetta l-provvista, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, ta’ ċittadini Pollakki fit-territorju ta’ dan l-Istat għall-kisba ta’ permess tax-xogħol, hija kompatibbli mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE” ( 53 ). |
111. |
Tali raġunament jista’ jiġi traspost awtomatikament, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ir-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol jirrigwarda l-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, ta’ ċittadini ta’ Stati terzi? |
112. |
Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. |
113. |
Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-konklużjoni li għaliha wasslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Vicoplus et (EU:C:2011:64) hija, ċertament, immotivata min-natura partikolari tal-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema, iżda wkoll mill-għan tad-dispożizzjoni tranżitorja li fuq l-interpretazzjoni tagħha hija kienet mitluba tirrispondi. |
114. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-konklużjoni li għaliha hija kienet waslet kienet applikabbli wkoll “meta jitqies l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni li huwa li jiġi evitat li, wara l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda mal-Unjoni, jiġi mfixkel is-suq tax-xogħol tal-Istati Membri l-qodma, minħabba l-wasla immedjata ta’ numru kbir ta’ ħaddiema li jkunu ċittadini tal-imsemmija Stati Membri ġodda” ( 54 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li “[d]an l-għan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paragrafu 5 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni, inkwantu dan il-paragrafu jipprovdi l-possibbiltà għal Stat Membru, f’każ ta’ taqlib serju jew ta’ theddida ta’ taqlib serju fis-suq tax-xogħol tiegħu, li jtawwal, sa tmiem il-perijodu ta’ seba’ snin wara d-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Kapitolu 2” ( 55 ). |
115. |
Fid-dawl tal-imsemmi għan, “huwa artifiċjali li ssir distinzjoni skont jekk ħaddiem jidħolx direttament u b’mod awtonomu fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru jew jekk jidħolx permezz tal-provvista ta’ ħaddiema, peress li, fiż-żewġ każijiet, dan il-moviment ta’ ħaddiema potenzjalment kbir jista’ joħloq taqlib f’dan is-suq tax-xogħol” ( 56 ). Konsegwentement, “il-fatt li l-provvista ta’ ħaddiema tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, jista’ jwassal biex titneħħa l-parti l-kbira mill-effettività ta’ din id-dispożizzjoni” ( 57 ). |
116. |
B’hekk, fis-sentenza tagħha Vicoplus et (EU:C:2011:64), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-permess tax-xogħol mitlub skont l-Artikolu 2(1) tal-Wav 1994 għal provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema kienet miżura proporzjonata fir-rigward tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, fid-dawl tar-riżerva li tinsab fil-paragrafu 2 tal-Kapitolu 2 tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema, tal-għan partikolari ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tan-neċessità li titħares l-effettività tagħha. |
117. |
Peress li l-għan speċifiku kien li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-provvista ta’ ħaddiema jipproteġi s-suq tax-xogħol tiegħu minn wasla immedjata u potenzjalment sinjifikattiva ta’ ħaddiema wara l-adeżjoni fl-Unjoni ta’ Stati Membri ġodda ma għandux jiġi kkunsidrat iktar, għandu jiġi mistoqsi jekk iż-żamma b’mod permanenti ta’ rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li jiġu pprovduti minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor hijiex proporzjonata meta mqabbla mal-għan li tiġi żgurata, b’mod ġenerali, l-istabbiltà tas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-provvista tal-ħaddiema. |
118. |
Nikkunsidra li, għalkemm, inkwantu tikkostitwixxi forma ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat, il-provvista ta’ ħaddiema tista’ tiġi suġġetta għar-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol matul perijodu tranżitorju wara l-adeżjoni fl-Unjoni ta’ Stati Membri ġodda, ikkaratterizzata minn riskju ċert u miżjud ta’ tfixkil immedjat u sinjifikattiv tas-suq tax-xogħol tal-imsemmi Stat, iż-żamma b’mod permanenti ta’ tali permess ta’ xogħol għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li ġew ipprovduti minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor tippreġudika b’mod eċċessiv il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-fatt, f’dan l-aħħar eżempju, l-istess tip ta’ riskju ta’ preġudizzju għall-istabbiltà tas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-provvista tal-ħaddiema ma jistax jiġi identifikat. |
119. |
Fl-opinjoni tiegħi, il-qorti tar-rinviju, tislet konklużjonijiet żbaljati mill-punt 37 tas-sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64). F’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, filwaqt li tirreferi għal sentenzi preċedenti tagħha, li “Stat Membru għandu jkun jista’ jivverifika, bla ħsara għall-osservanza tal-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, li provvista ta’ servizzi ma tkunx, fir-realtà, tikkorrispondi għal provvista ta’ ħaddiema li ma tibbenifikax mill-moviment liberu tal-ħaddiema”. Il-qorti tar-rinviju, wara qari estensiv ta’ din is-sentenza, minnha tiddeduċi li l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma jipprekludux li Stat Membru jissuġġetta l-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, fit-territorju tiegħu ta’ ħaddiema li ġejjin minn Stat terz għall-kisba ta’ permess ta’ xogħol. |
120. |
Tali qari jwassal sabiex ikun ikkunsidrat li, peress li l-provvista ta’ ħaddiema għandha l-għan li tagħti aċċess lill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi kkonċernati għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, huwa għandu d-dritt iżomm fil-konfront ta’ dawn il-ħaddiema l-miżuri nazzjonali li jirregolaw l-aċċess ta’ dawn tal-aħħar għas-suq tax-xogħol tal-istess Stat Membru. |
121. |
Fl-opinjoni tiegħi, dan ifisser li mhux qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa lir-rekwiżit, espressament imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja, li s-setgħa ta’ verifika tal-Istati Membri għandha tosserva l-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni. Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tispjega li, fost dawn il-limiti, hemm “dawk li jirriżultaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li ma jistgħux jisfaw illużorji u li l-eżerċizzju tagħhom ma jistax ikun suġġett għad-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni” ( 58 ). |
122. |
Għalkemm, b’din is-setgħa ta’ verifika, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw in-natura vera tal-kollokament tal-ħaddiema li saret fit-territorju tagħhom u japplikaw fil-konfront tiegħu, sussegwentement, il-miżuri xierqa ta’ kontroll, ir-rikonoxximent ta’ tali setgħa ma jfissirx, fl-opinjoni tiegħi, li l-Istati Membri huma korretti li jżommu, b’mod permanenti, rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li ġew ipprovduti fit-territorju tagħhom minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor. Konklużjoni kuntrarja twassal sabiex impriża bħal Ekinci tkun skoraġġuta milli tipprovdi l-persunal tagħha lil impriża bħal BIS. Din tirrendi illużorja l-provvista ta’ servizzi transkonfinali li tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema meta dawn tal-aħħar huma ċittadini ta’ Stati terzi. |
123. |
Barra minn hekk, ma għandux jintesa li l-provvista ta’ ħaddiema, inkwantu din tikkonsisti fi provvista ta’ servizzi, hija, min-natura tagħha, temporanja ( 59 ). |
124. |
Konsegwentement, għalkemm huwa ċertament minnu li din tikkostitwixxi forma ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, din bl-ebda mod ma għandha l-għan li tippermetti lil ċittadini ta’ Stati terzi kkollokati jintegraw ruħhom b’mod permanenti f’dan tal-aħħar. |
125. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma jistax jeżiġi l-kundizzjonijiet kollha li jintalbu fil-każ fejn il-ħaddiem ikun jixtieq jintegra ruħu b’mod stabbli u fit-tul fis-suq tax-xogħol tiegħu. |
126. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ provvista ta’ servizzi fit-territorju tiegħu għall-kundizzjoni li jiġu osservati r-rekwiżiti kollha meħtieġa għall-istabbiliment, bir-riskju li jċaħħad minn kull effettività d-dispożizzjonijiet intiżi li jiżguraw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 60 ). B’analoġija, Stat Membru ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jissuġġetta l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi għar-rekwiżiti kollha li jirregolaw l-aċċess dirett ta’ dawn il-ħaddiema għas-suq tax-xogħol tiegħu, bir-riskju li jċaħħad minn kull effettività d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE intiżi li jiżguraw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
127. |
Kif jirrikonoxxi l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, BIS ma użatx il-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi involuti ħlief għal biċċa xogħol speċifika li kellha teżegwixxi għan-nom ta’ Essent. Il-ħaddiema barranin għalhekk kienu biss fil-Pajjiżi l-Baxxi għal biċċa xogħol speċifika. Wara t-tlestija ta’ din il-biċċa xogħol, dawn il-ħaddiema telqu mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi u rritornaw lura fil-Ġermanja ( 61 ). Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi stess jikkonstata, sussegwentement, li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi kkonċernati fil-kawża prinċipali ma kellhomx l-intenzjoni li jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ( 62 ). |
128. |
Għalkemm, f’tali kuntest, iż-żamma b’mod permanenti minn Stat Membru ta’ rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol għall-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi li jiġu pprovduti lil impriża stabbilita f’dan l-Istat minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor jidhirli li tikkawża preġudizzju eċċessiv għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li minnha tibbenefika din l-aħħar impriża, madankollu xorta jibqa’ essenzjali, fl-opinjoni tiegħi, li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jingħata setgħat ta’ kontroll adattati għan-natura partikolari tal-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema. |
129. |
B’mod partikolari, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jitpoġġa f’pożizzjoni li jivverifika li l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi ma tintużax, fil-fatt, sabiex jiġi evitat id-dritt nazzjonali tal-immigrazzjoni tiegħu u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu dwar ix-xogħol ta’ ċittadini ta’ Stati terzi. Fi kliem ieħor, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jitħalla jipproteġi lilu nnifsu minn użu abbużiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, meta din tal-aħħar tintuża biss sabiex jiġu evitati r-restrizzjonijiet li l-Istati Membri korrettament jimponu fuq ċittadini ta’ Stati terzi li jixtiequ jeżerċitaw, fit-territorju tagħhom, attività ta’ xogħol bi ħlas. |
130. |
Fost il-miżuri ta’ kontroll li Stat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jimplementa, insibu l-verifika li l-provvista ta’ ħaddiema saret sabiex tiġi eżegwita, fi ħdan impriża stabbilita f’dan l-Istat, biċċa xogħol speċifika u għal żmien limitat. |
131. |
Barra minn hekk, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni huwa korrett meta jimplementa l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura r-ritorn tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati terzi fl-Istat Membru ta’ residenza fi tmiem il-kollokament tagħhom. |
132. |
Fir-rigward ta’ dan il-punt nirreferi għall-miżuri li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiċċita bħala eżempji li jikkostitwixxu miżuri inqas restrittivi minn permess ta’ xogħol. Hija b’hekk semmiet “l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi servizzi li tavża minn qabel lill-awtoritajiet lokali bil-preżenza ta’ ħaddiem jew diversi ħaddiema salarjati kkollokati, bit-tul ta’ żmien previst li matulu sar ikunu preżenti fil-pajjiż u bil-provvista ta’ servizzi li tiġġustifika l-kollokament tagħhom” ( 63 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali obbligu “jkun tali li jippermetti li dawn l-awtoritajiet jikkontrollaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni soċjali [tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni] tul il-kollokazzjoni billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi li għalihom l-impriża hija diġà suġġetta skond ir-regoli ta’ dritt soċjali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini” ( 64 ). |
133. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet ukoll bħala miżura inqas restrittiva minn permess ta’ xogħol “l-obbligu impost fuq impriża li tipprovdi servizzi li tagħti lill-awtoritajiet lokali l-informazzjoni li turi li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema hija waħda legali, b’mod partikolari, fir-rigward tar-residenza, ta’ permess ta’ xogħol u tal-kopertura soċjali, fl-Istat Membru fejn din l-impriża timpjegahom” ( 65 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali obbligu “joffri lil dawn l-awtoritajiet, b’mod anqas restrittiv u effettiv [mir-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol] garanziji fir-rigward tal-legalità tas-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema u għall-fatt li dawn jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom fl-Istat Membru fejn hija stabbilita l-impriża li tipprovdi s-servizzi. Flimkien mal-informazzjoni pprovduta minn din l-impriża rigward il-perijodu previst tal-kollokament [...], l-imsemmija informazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet [tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni] sabiex, jekk ikun il-każ, jieħdu l-miżuri meħtieġa fi tmiem dan il-perijodu” ( 66 ). |
II – Konklużjoni
134. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmulin mir-Raad van State tkun kif ġej: L-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-kollokament fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi, fit-territorju ta’ dan l-Istat ta’ ħaddiema ċittadini ta’ Stat terz għall-kisba ta’ permess ta’ xogħol. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Stb. 1994, Nru 959.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431.
( 4 ) C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2011:64.
( 5 ) Protokoll iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll addizzjonali”). Għall-parti Ewropea tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Protokoll addizzjonali daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1973.
( 6 ) Ftehim iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, min-naħa waħda, kif ukoll mill-Istati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat għan-nom ta’ din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10).
( 7 ) Stb. 1978, Nru 737, iktar ’il quddiem id-“Wabw”.
( 8 ) Stb. 1965, Nru 379, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-provvista ta’ ħaddiema”.
( 9 ) Stb. 2009, Nru 265.
( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Derin (C‑325/05, EU:C:2007:442, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 53).
( 13 ) Sentenza Sahin (C‑242/06, EU:C:2009:554, punt 51).
( 14 ) C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572.
( 15 ) Punt 89.
( 16 ) Idem.
( 17 ) Idem.
( 18 ) Sentenza Abatay et (EU:C:2003:572, punt 90).
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Demirkan (EU:C:2013:583, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Idem (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Idem (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Punti 105 u 106.
( 23 ) Punt 117, is-sitt inċiż.
( 24 ) Sentenza Demirkan (EU:C:2013:583, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’din l-istess sentenza speċifikat li, “hemm differenzi fundamentali bejn l-għan tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali kif ukoll il-kuntest li jinsab fih u dawk tal-Artikolu 56 TFUE, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għad-destinatarji ta’ servizzi” (punt 49). B’hekk, “il-kunċett ta’ ‘libertà li jiġu pprovduti servizzi’ msemmi fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll addizzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix il-libertà taċ-ċittadini Torok, destinatarji ta’ servizzi, li jżuru Stat Membru sabiex jibbenefikaw minn provvista ta’ servizzi hemmhekk” (punt 63).
( 25 ) Fir-rigward ta’ dan l-aħħar eżempju, ara s-sentenza Soysal u Savatli (C‑228/06, EU:C:2009:101).
( 26 ) Sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑445/03, EU:C:2004:655).
( 28 ) Ara F. Muller, “L’affaire Flamanville: détachement ou fraude sociale?”, Droit social, Nru 7/8, 2012, p. 675, speċjalment p. 685.
( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Caves Krier Frères (C‑379/11, EU:C:2012:798, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Las (C‑202/11, EU:C:2013:239, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Fis-sentenza tagħha ITC (C‑208/05, EU:C:2007:16), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li aġenzija tal-impjiegi privata li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ impjieg ma’ persuna li qed tfittex xogħol setgħet tinvoka d-drittijiet direttament rikonoxxuti lill-ħaddiema tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 45 TFUE (punt 25).
( 32 ) Ara, b’analoġija, il-punti 19 u 21 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-Kawża Clean Car Autoservice (C‑350/96, EU:C:1997:587).
( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Clean Car Autoservice (C‑350/96, EU:C:1998:205, punt 21).
( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza dos Santos Palhota et (C‑515/08, EU:C:2010:589, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑168/04, EU:C:2006:595, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 36 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza dos Santos Palhota et (EU:C:2010:589, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (EU:C:2004:655, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (EU:C:2006:595, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 39 ) Idem (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 40 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (EU:C:2004:655, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 41 ) Idem (punt 41).
( 42 ) Sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64, punt 51).
( 43 ) Ara, dwar dan is-suġġett, il-punti 62 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Vicoplus et (C‑307/09 sa C‑309/09, EU:C:2010:510).
( 44 ) Kelli l-okkażjoni li niżviluppa dan l-aspett fil-punti 31 sa 43 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Vicoplus et (EU:C:2010:510), punti li għalihom nirreferi.
( 45 ) 279/80, EU:C:1981:314.
( 46 ) Sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 47 ) Idem.
( 48 ) Idem (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 49 ) C‑113/89, EU:C:1990:142.
( 50 ) Sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64, punt 30).
( 51 ) Idem (punt 31).
( 52 ) Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-2003”).
( 53 ) Sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64, punt 33).
( 54 ) Sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 55 ) Idem.
( 56 ) Sentenza Vicoplus et (EU:C:2011:64, punt 35).
( 57 ) Idem.
( 58 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (EU:C:2004:655, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 59 ) Dwar in-natura temporanja tal-attivitajiet koperti bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ara, b’mod partikolari, is-sentenza Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punti 26 u 27).
( 60 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Vander Elst (C‑43/93, EU:C:1994:310, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 61 ) Ara l-punt 25 tal-osservazzjonijiet tiegħu.
( 62 ) Ara l-punt 26 tal-osservazzjonijiet tiegħu.
( 63 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, (EU:C:2004:655, punt 31).
( 64 ) Idem.
( 65 ) Idem (punt 46).
( 66 ) Idem.