KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-3 ta’ April 2014 ( 1 )

Kawża C‑3/13

Baltic Agro AS

vs

Maksu- ja Tolliameti Ida maksu- ja tollikeskus

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Tartu Ringkonnakohus (l-Estonja)]

“Politika kummerċjali komuni — Dumping — Dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja — Regolament (KE) Nru 2022/95 — Eżami mill-ġdid minħabba l-iskadenza tal-miżuri — Regolament (KE) Nru 661/2008 — Impenji fir-rigward tal-prezz — Deċiżjoni 2008/577/KE — Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazju antidumping — L-ewwel klijent indipendenti — Importatur li jkun akkwista fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju mingħand esportatur Russu permezz ta’ kumpannija terza — Kodiċi Doganali tal-Unjoni — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Dikjarazzjoni doganali — Invalidazzjoni fuq talba tad-dikjarant wara r-rilaxx tal-merkanzija — Artikolu 66”

1. 

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita, primarjament, b’diversi domandi preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja u tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni li tirregola l-mod kif jiġu invalidati d-dikjarazzjonijiet doganali fuq talba tad-dikjarant, kif ukoll domanda preliminari dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni doganali.

2. 

Dawn id-domandi qed isiru fil-kuntest ta’ tilwima bejn importatur ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja u l-awtorità doganali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit u li tirriżulta mir-rifjut ta’ din l-awtorità li tagħtih il-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju antidumping prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli fuq il-merkanzija mixtrija mingħand produttur-esportatur Russu li daħal f’impenji fuq il-prezz aċċettati mill-Kummissjoni Ewropea.

3. 

Peress li dan ir-rifjut, f’dan il-każ, kien immotivat mill-fatt li l-importazzjonijiet fil-kawża prinċipali, magħmulin permezz ta’ impriża oħra, ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti formali għall-għoti ta’ eżenzjoni previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni u l-portata tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni antidumping li jistabbilixxu dawn ir-rekwiżiti formali kif ukoll fuq il-validità, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali li jipprekludu l-possibbiltà għall-imsemmi importatur li jikseb l-invalidazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali marbuta mal-importazzjoni inkwistjoni u li jibbenefika, għalhekk, minn din l-eżenzjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-leġiżlazzjoni antidumping rilevanti

4.

Fis-16 ta’ Awwissu 1995, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2022/95 ( 2 ), stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja. Id-dazju antidumping inizjali ġie sussegwentement emendat imbagħad estiż diversi drabi, wara, b’mod partikolari, talbiet għal eżami mill-ġdid minħabba l-iskadenza tal-miżuri jew għal eżami mill-ġdid intermedju ppreżentati kemm mir-rappreżentanti tal-produzzjoni Komunitarja kif ukoll mill-produtturi-esportaturi kkonċernati.

5.

Id-diversi regolamenti adottati f’dan il-kuntest ma humiex, madankollu, direttament rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Huwa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 661/2008 ( 3 ) li huwa l-iktar rilevanti hawnhekk.

6.

L-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 661/2008 jimponu dazji antidumping definittivi ta’ ammonti differenti fuq in-nitrat tal-ammonju u ċerti fertilizzanti u prodotti oħrajn li fihom in-nitrat tal-ammonju prodotti minn Eurochem u l-kumpanniji li huma marbutin magħha, minn naħa, u għall-kumpanniji esportatriċi Russi l-oħrajn kollha, min-naħa l-oħra.

7.

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 661/2008, jipprovdi li:

“1.   L-importazzjonijiet iddikjarati biex ikunu rilaxxati għall-moviment ħieles li huma fatturati mill-kumpaniji li minnhom impenji huma aċċettati mill-Kummissjoni u li l-ismijiet tagħhom huma elenkati fid-Deċiżjoni 2008/577/KE, kif emendata minn żmien għal ieħor, għandhom ikunu eżenti mid-dazju antidumping impost bl-Artikolu 2, bil-kundizzjoni li:

huma manifatturati, mibgħuta u fatturati direttament mill-kumpanija msemmija lill-ewwel klijenti indipendenti fil-Komunità; u

dawn l-importazzjonijiet huma akkumpanjati minn fattura ta’ impenn li hija fattura kummerċjali li fiha ta’ l-inqas l-elementi u d-dikjarazzjoni stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament; u

il-prodotti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu eżattament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura ta’ l-impenn.”

8.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/577/KE ( 4 ), iċċitata fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008, hija dik li permezz tagħha l-Kummissjoni aċċettat l-impenji offruti fir-rigward tal-prezz, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 5 ), mill-produtturi-esportaturi tan-nitrat tal-ammonju Russi “JSC Acron, Veliky Novgorod, Russie u JSC Dorogobuzh, Dorogobuzh, ir-Russja, membri tal-kumpannija holding ‘Acron’”.

2. Il-Kodiċi Doganali

9.

It-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem ukoll kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni u ta’ validità ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 6 ), f’dan il-każ, l-Artikolu 66 tiegħu, li jirregola l-kundizzjonijiet ta’ invalidazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali fuq talba tad-dikjarant, u l-Artikolu 220(2) tiegħu, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-ġbir a posteriori tad-dazji tal-importazzjoni fil-każ ta’ żball tal-awtoritajiet doganali, kif ukoll tal-Artikolu 251 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju ( 7 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 312/2009, tas-16 ta’ April 2009 ( 8 ), li jiddefinixxi, b’deroga mill-Artikolu 66(2), tal-Kodiċi Doganali, il-kundizzjonijiet ta’ invalidazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali wara l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija.

10.

Il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ser jiġi ċċitat, fejn xieraq, iktar ’il quddiem.

II – Il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali

11.

Id-deċiżjoni li wasslet għat-tilwima fil-kawża prinċipali hija waħda tal-Maksu- ja Tolliameti Ida maksu- ja tollikeskus (awtoritajiet fiskali u doganali – ċentru fiskali u doganali tal-Lvant) ( 9 ) li talbu mingħand Baltic Agro AS (iktar ’il quddiem, “Baltic Agro”), wara verifika a posteriori, il-ħlas tad-dazji antidumping u tal-VAT fuq l-importazzjonijiet ta’ fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja.

12.

Id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja, inkwistjoni hawnhekk, li inizjalment ġew imposti permezz tar-Regolament Nru 2022/95, emendat diversi drabi, huma dawk imposti permezz tar-Regolament Nru 661/2008.

13.

F’dan il-każ, bejn Ottubru tal-2009 u Jannar tal-2010 Baltic Agro xtrat diversi tunnellati ta’ fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju mingħand il-kumpannija JSC Acron, stabbilita fir-Russja, permezz ta’ intermedjarju, il-kumpannija Estonjana Magnet Group OÜ ( 10 ). Diversi kuntratti ta’ bejgħ ġew konklużi għal dan l-iskop bejn Magnet Group u JSC Acron, minn naħa, u bejn Magnet Group u Baltic Agro min-naħa l-oħra.

14.

F’Jannar u fi Frar tal-2010, żewġ aġenziji tad-dwana ppreżentaw ħames dikjarazzjonijiet doganali marbuta ma’ dawn l-importazzjonijiet, li kienu jsemmu, bħala destinatarja tal-merkanzija importata, lil Baltic Agro u, bħala dik li qed tibgħat il-merkanzija, lil JSC Acron għal tnejn minnhom u l-kumpannija ta’ trasport Latvjana OOO Ventoil għat-tlieta l-oħra.

15.

Fl-1 ta’ Marzu, u fit-23 ta’ April 2010, l-imsemmija aġenziji tad-dwana ressqu talba għall-annullament ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet għand MTA, sa fejn dawn kienu jindikaw lil Baltic Agro bħala destinatarja minflok lil Magnet Group.

16.

Fit-3 ta’ Marzu 2010, MTA wettqet verifika a posteriori tal-ħames dikjarazzjonijiet doganali, sabiex tistabbilixxi jekk il-valur doganali tal-merkanzija importata, il-kalkolu u l-ħlas tad-dazji fuq l-importazzjoni kinux korretti.

17.

Fil-31 ta’ Mejju 2010, l-MTA, abbażi tal-verifika a posteriori li hija wettqet, adottat żewġ deċiżjonijiet li bihom imponiet fuq Baltic Agro l-ħlas tad-dazji doganali u tal-VAT fir-rigward tal-merkanzija importata, peress li kkunsidrat li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tad-dazji doganali previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008 ma kinux ġew sodisfatti.

18.

Fil-31 ta’ Mejju 2010, Baltic Agro ppreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem it-Tartu Halduskohus (it-Tribunal Amministrattiv ta’ Tartu, l-Estonja), filwaqt li sostniet li l-fatt li hija kienet użat kumpannija intermedjarja għall-importazzjonijiet inkwistjoni kien mingħajr rilevanza mil-lat fiskali.

19.

Ir-rikors tagħha ġie miċħud b’sentenza tal-25 ta’ April 2011. It-Tartu Halduskohus kkunsidrat li Baltic Agro ma setgħetx tibbenefika mill-eżenzjoni, billi hija ma kinitx akkwistat il-merkanzija importata direttament mingħand il-manifattur.

20.

Fil-25 ta’ Mejju 2011, Baltic Agro appellat quddiem it-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Tartu, l-Estonja), u talbet li tiġi annullata s-sentenza tat-Tartu Halduskohus, li jintlaqa’ r-rikors tagħha u li jsiru domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tartu Ringkonnakohus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 661/2008 […] għandu jiġi interpretat li jfisser li l-importatur u l-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità għandhom dejjem ikunu l-istess persuna?

2)

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 661/2008, moqri flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/577 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni minn dazju antidumping tapplika biss għall-imsemmi l-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità, li ma bigħx mill-ġdid il-merkanzija qabel iddikjaraha?

3)

L-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità […] moqri flimkien mal-Artikolu 251 tar-Regolament [ta’ applikazzjoni] u r-regoli proċedurali l-oħra li jikkonċernaw emendi sussegwenti għal dikjarazzjoni doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fejn id-destinatarju żbaljat jitniżżel f’dikjarazzjoni doganali għall-importazzjoni ta’ merkanzija, għandu jkun possibbli, permezz ta’ applikazzjoni, li d-dikjarazzjoni tiġi invalidata u d-dettalji tad-destinatarju jiġu korretti anki wara li l-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata jekk l-eżenzjoni mid-dazju doganali pprovduta fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament […] Nru 661/2008 kellha tapplika li kieku tniżżlu d-dettalji tad-destinatarju korrett, jew l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali […] għandu jiġi interpretat […] fis-sens li l-awtoritajiet doganali ma għandhomx permess idaħħlu entrata fil-kotba a posteriori?

4)

Jekk ir-risposta għaż-żewġ alternattivi [fit-tielet] domanda […] tkun fin-negattiv, l-Artikolu 66 huwa kompatibbli mal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31 tat-[TFUE], jekk l-istess Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali […], moqri flimkien mal-Artikolu 251 tar-Regolament [ta’ applikazzjoni] […] u ma’ regoli proċedurali oħra relatati ma’ emendi sussegwenti għal dikjarazzjoni doganali, ma jippermettix li dikjarazzjoni tiġi invalidata u d-dettalji tad-destinatarju jiġu korretti, permezz ta’ applikazzjoni, wara li l-merkanzija tkun ġiet irrilaxxata jekk l-eżenzjoni mid-dazju doganali pprovduta fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament […] Nru 661/2008 kellha tapplika li kieku tniżżlu d-dettalji tad-destinatarju korrett?”

22.

Il-Gvern Estonjan kif ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja, billi kkunsidrat li kellha biżżejjed informazzjoni biex tiddeċiedi, iddeċidiet, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV – Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

A – Osservazzjonijiet preliminari

23.

Bl-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-eżenzjoni mid-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja li tirriżulta mill-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008 u tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/577.

24.

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008 fil-fatt jistabbilixxi eżenzjoni mid-dazji antidumping li l-imsemmi regolament jimponi fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja li huma ffatturati minn kumpanniji li l-impenji tagħhom kienu ġew aċċettati mill-Kummissjoni u li huma ċċitati fid-Deċiżjoni 2008/577. B’mod partikolari, l-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar jiċċita lil “JSC Acron, Veliky Novgorod, Russie [u] JSC Dorogobuzh, Dorogobuzh, ir-Russja, membri ta’ l-‘Acron’ Holding Company”.

25.

Madankollu, il-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni huwa suġġett, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008, li l-merkanzija importata tiġi mmanifatturata, mibgħuta u ffatturata direttament minn dawn il-kumpanniji lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità. L-Anness tar-Regolament Nru 661/2008 jistabbilixxi wkoll, fil-punt 8 tiegħu, li l-fattura kummerċjali li għandha takkumpanja l-merkanzija li tkun is-suġġett ta’ impenn importata fil-Komunità għandha ssemmi l-“isem tal-kumpanija li taġixxi ta’ importatur”.

26.

Fil-kawża prinċipali huwa stabbilit li l-importazzjonijiet tal-fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju mwettqa minn Baltic Agro saru permezz tal-kumpannija Estonjana Magnet Group, u huwa f’isem Magnet Group li l-fatturi konformi mal-impenji ġew stabbiliti u li hija Baltic Agro li kienet iddikjarathom lid-dwana. Huwa stabbilit ukoll li huwa preċiżament għar-raġuni li Baltic Agro ma xtratx direttament il-fertilizzant tan-nitrat tal-ammonju importat mingħand JSC Acron li l-MTA rrifjutat li tagħtiha l-eżenzjoni mid-dazji antidumping.

27.

Hija r-raġuni li għaliha l-qorti tar-rinviju tistaqsi iktar speċifikament lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, jekk l-importatur u l-ewwel klijent indipendenti għandhomx ikunu neċessarjament l-istess persuna u, min-naħa l-oħra, jekk l-eżenzjoni tgħoddx biss għall-ewwel klijent indipendenti li ma jkunx reġa’ biegħ il-merkanzija qabel ma jkun iddikjaraha.

B – Osservazzjonijiet tal-partijiet

28.

Il-Gvern Estonjan, l-istess bħall-Kummissjoni, li huma l-uniċi li ttrattaw dawn il-kwistjonijiet ( 11 ), jaqblu meta jikkunsidraw, permezz ta’ raġunamenti differenti, li l-eżenzjoni mid-dazji antidumping prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008 tapplika biss għall-persuna li tkun kemm l-importatur kif ukoll l-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità li ma jkunx biegħ il-merkanzija qabel ma jkun iddikjaraha.

29.

Fil-kawża prinċipali, la Baltic Agro u lanqas Magnet Group ma jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Baltic Agro, li hija l-importatur, ma hijiex l-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità, għaliex hija xtrat il-merkanzija mingħand Magnet Group. Magnet Group hija l-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità imma biegħet mill-ġdid il-merkanzija lil Baltic Agro qabel id-dħul tagħha fit-territorju doganali tal-Komunità u Baltic Agro ħadet ħsieb il-formalitajiet tad-dikjarazzjoni doganali.

30.

Min-naħa l-oħra, Baltic Agro tikkunsidra, essenzjalment, li r-Regolament Nru 661/2008 bl-ebda mod ma jippreċiża li l-importatur u l-ewwel klijent indipendenti għandhom ikunu l-istess persuna u li huwa l-ewwel klijent indipendenti li għandu assolutament jippreżenta d-dikjarazzjoni f’ismu stess biex jibbenefika mill-eżenzjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda raġuni sabiex din l-eżenzjoni tiġi rrifjutata ladarba ma hemm l-ebda dubju la fuq l-oriġini, il-kontenut, il-kwantità, il-valur tal-merkanzija u l-identità tax-xerrej, u lanqas fuq l-osservanza mill-produttur-esportatur tal-impenji tiegħu.

C – Analiżi

31.

Mill-premessa 159 tar-Regolament Nru 661/2008 jirriżulta li t-tliet kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tiegħu, fosthom dik li teħtieġ li l-merkanzija importata tkun immanifatturata, mibgħuta u fatturata direttament mill-kumpanniji esportaturi lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità huma ġġustifikati minħabba l-ħtieġa biex “il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tad-dwana jkunu aktar f’qagħda biex b’mod effettiv jimmonitorjaw il-konformità tal-kumpaniji ma’ l-impenji, meta tiġi ppreżentata t-talba għal rilaxx għall-moviment ħieles lill-awtoritajiet tad-dwana rilevanti”. Il-premessa 21 tad-Deċiżjoni 2008/577 essenzjalment tirriproduċi l-istess motivazzjoni.

32.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li d-dispożizzjonijiet dwar il-bejgħ dirett jippermettulha, essenzjalment, li tikkontrolla b’mod trasparenti l-prezz minimu mal-importazzjoni li għalih impenjaw ruħhom il-produtturi-esportaturi, billi kull bejgħ mill-ġdid ulterjuri jista’ joħloq spejjeż supplimentari li jiġu mgħoddija fuq l-imsemmija prezzijiet.

33.

Għalhekk dawn huma, essenzjalment, kunsiderazzjonijiet marbutin mal-kontroll, kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-eżekuzzjoni mill-produtturi-esportaturi tal-impenji li daħlu għalihom, u li jippermettulhom li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazju antidumping fuq in-nitrat tal-ammonju, li jiġġustifikaw ir-rekwiżiti preċiżi previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008.

34.

Jista’ jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li dawn ir-rekwiżiti ma kinux jidhru fid-dispożittiv li kien jeżisti qabel, introdott fil-leġiżlazzjoni li timponi dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 993/2004 ( 12 ). Fil-fatt, dan tal-aħħar, li kien ġie adottat sabiex tiġi adattata l-imsemmija leġiżlazzjoni fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-għaxar Stati Membri ġodda tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, kien żied l-Artikolu 1a mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 658/2002 ( 13 ), li kien jinkludi rekwiżiti simili iżda mhux identiċi għal dak fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008 ( 14 ). Dan tal-aħħar lanqas ma kien jidher fir-regolamenti dwar l-aċċettazzjoni tal-impenji li għalihom kienet suġġetta l-eżenzjoni prevista mir-Regolament Nru 993/2004 ( 15 ).

35.

Madankollu, la r-Regolament Nru 661/2008 u lanqas id-Deċiżjoni 2008/577 ma jipprovdu preċiżazzjonijiet iktar ddettaljati fuq ir-raġunijiet speċifiċi li wasslu biex ikun hemm dan ir-rekwiżit ġdid.

36.

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 661/2008 u lanqas id-Deċiżjoni 2008/577 ma jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-importatur u l-ewwel klijent indipendenti għandhomx, b’mod obbligatorju, ikunu l-istess persuna jew li jinftiehmu r-raġunijiet għaliex neċessarjament għandu jkun hekk.

37.

Ir-rekwiżiti previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 661/2008, li jidħlu fil-loġika nfisha tal-impenji u tar-rekwiżiti ta’ kontroll li huma jimponu, madankollu jissuġġettaw, b’mod ċar ħafna, il-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazju antidumping għall-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-importazzjonijiet jiġu ffatturati u mibgħuta direttament mill-produtturi-esportaturi lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità.

38.

Issa, jirriżulta ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li Baltic Agro ma tistax titqies li tissodisfa din il-kundizzjoni doppja.

39.

Barra minn hekk, la ġie stabbilit u lanqas allegat li dawn ir-rekwiżiti huma manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ kontroll li huma għandhom jew li huma sproporzjonati.

40.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari billi tiddeċiedi li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mid-dazju antidumping li huwa jipprevedi favur il-produtturi-esportaturi ċċitati fid-Deċiżjoni 2008/577 tapplika biss għall-merkanzija ffatturata u mibgħuta direttament minn dawn tal-aħħar lill-ewwel klijent indipendenti ġewwa l-Komunità li ma jkunx biegħhom mill-ġdid qabel ma jkun iddikjarahom fid-dwana.

V – Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

A – Osservazzjonijiet preliminari

41.

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda doppja ta’ interpretazzjoni fuq diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali u tar-regolament ta’ applikazzjoni. Hija tistaqsi, l-ewwel nett, jekk huwiex possibbli għall-awtoritajiet doganali nazzjonali li jagħtu, fuq talba, l-invalidazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali wara l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija skont l-Artikolu 66 tal-Kodiċi tad-Dwana u tal-Artikolu 251 tar-regolament ta’ applikazzjoni, meta l-imsemmija talba tkun ibbażata fuq żball fl-indikazzjoni tad-destinatarju tal-merkanzija u meta l-imsemmija merkanzija kienet tibbenefika minn eżenzjoni ta’ dazju antidumping kieku ma kienx jeżisti dan l-iżball. Imbagħad hija tistaqsi, sussidjarjament, jekk l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandux, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-imsemmija awtoritajiet idaħħlu fil-kotba a posteriori dan id-dazju.

42.

Bir-raba’ domanda tagħha, suġġetta għar-risposta li tingħata għat-tielet waħda, il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali u tal-Artikolu 251 tar-regolament ta’ applikazzjoni. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tistaqsi jekk l-impossibbiltà li tiġi invalidata, fuq talba, dikjarazzjoni doganali żbaljata li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-impossibbiltà konsegwenti li jkun hemm benefiċċju mill-eżenzjoni mid-dazju antidumping prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008 humiex kompatibbli mal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”) u l-Artikoli 28(1) TFUE u 31 TFUE.

B – Osservazzjonijiet tal-partijiet

43.

Il-Gvern Estonjan iqis li t-tielet u r-raba’ domanda huma inammissibbli, sa fejn huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li d-dikjarazzjoni doganali kienet tinkludi żball dwar id-destinatarju tal-merkanzija. Peress li kienet Baltic Agro li wettqet il-formalitajiet doganali għat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija, Magnet Group ma setgħetx tidher fid-dikjarazzjoni doganali bħala destinatarja tal-imsemmija merkanzija. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqa’ taħt l-ebda wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali u fl-Artikolu 251 tar-regolament ta’ applikazzjoni jew fl-Artikolu 220(2) tal-Kodiċi Doganali. Fi kwalunkwe każ, il-Kodiċi Doganali u r-regolament ta’ applikazzjoni ma humiex inkompatibbli mal-Artikolu 20 tal-Karta u mal-Artikoli 28(1) TFUE u 31 TFUE.

44.

Il-Kunsill, li jillimita ruħu li jirrispondi għar-raba’ domanda, jikkunsidra li l-prinċipju ta’ ugwaljanza ggarantit mill-Artikolu 20 tal-Karta ma japplikax għal sitwazzjoni fejn dikjarazzjoni doganali tkun ġiet mimlija b’mod inkorrett.

45.

Il-Kummissjoni tikkunsidra, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali u tal-Artikolu 251 tar-regolament ta’ applikazzjoni jew tal-Artikolu 220(2) tal-Kodiċi Doganali ma humiex sodisfatti. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

C – Analiżi

46.

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 66(1) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi l-possibbiltà għad-dikjarant doganali li jikseb l-invalidazzjoni mill-awtoritajiet doganali kompetenti tad-dikjarazzjoni doganali li huwa jkun għamel u li tkun ġiet aċċettata minn dawk l-awtoritajiet, b’deroga, b’dan il-mod, mill-prinċipju tal-irrevokabbiltà tagħha, sakemm dan jipprova li l-merkanzija tkun ġiet iddikjarata bi żball għas-sistema doganali li tikkorrispondi għal din id-dikjarazzjoni ( 16 ). L-Artikolu 66(2) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi, madankollu, li d-dikjarazzjoni ma tistax tiġi invalidata wara l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija, ħlief fil-każijiet iddefiniti fl-Artikolu 251 tar-regolament ta’ applikazzjoni.

47.

Kif osservat il-Kummissjoni, l-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali ma japplikax għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għaliex bl-ebda mod ma huwa allegat li l-merkanzija tqiegħdet bi żball taħt is-sistema ta’ importazzjoni speċifikata mid-dikjarazzjoni doganali, jiġifieri t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera, imma biss li dik id-dikjarazzjoni kienet issemmi bi żball id-destinatarju tal-merkanzija, jiġifieri Baltic Agro minflok Magnet Group.

48.

Barra minn hekk, u kif osserva l-Gvern Estonjan, ma humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, li jippermetti lill-awtoritajiet doganali nazzjonali li jipproċedu bir-reviżjoni ta’ dikjarazzjoni doganali, billi l-indikazzjoni tad-destinatarju tal-merkanzija ma kinitx żbaljata fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

49.

It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 220(2) tal-Kodiċi Doganali jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom persuna taxxabbli tista’ tiġi eżentata mill-ġbir a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni minħabba żball tal-awtoritajiet doganali ( 17 ).

50.

Kif tosserva l-Kummissjoni, fl-ebda mument ma ġie allegat li l-awtoritajiet doganali nazzjonali wettqu żball fil-kawża prinċipali, peress li d-domanda tal-qorti tar-rinviju hija bbażata, bil-kontra, fuq is-sempliċi fatt li d-dikjarazzjoni doganali kienet issemmi d-destinatarju żbaljat. L-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni eżatta qiegħed fuq id-dikjarant doganali ( 18 ).

51.

Minn dawn l-argumenti jirriżulta li t-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li, fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet fattwali li hija pprovdiet, manifestament ma humiex applikabbli għaċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali. Inqis, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li t-tielet domanda hija mingħajr skop u li ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

52.

It-tielet nett, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi ggarantita bl-Artikolu 20 tal-Karta tista’ twassal għall-konstatazzjoni tal-invalidità tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, billi din tal-aħħar ma tippermettix lil Baltic Agro tikseb l-invalidità tad-dikjarazzjoni doganali u, għaldaqstant, li tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju antidumping prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008.

53.

Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, f’dan ir-rigward, essenzjalment, li għandu jsir paragun bejn is-sitwazzjoni ta’ impriża ta’ importazzjoni li tkun indikat l-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni bħala destinatarju fid-dikjarazzjoni doganali tagħha ma’ dik ta’ impriża ta’ importazzjoni li tkun indikat importatur li uża intermedjarju bħala destinatarju fid-dikjarazzjoni doganali tiegħu. In-nuqqas ta’ ugwaljanza qiegħed fil-fatt li tal-ewwel hija eżentata mid-dazju antidumping filwaqt li t-tieni waħda ma hijiex.

54.

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li issa huwa stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta ( 19 ) jipprekludi li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

55.

Madankollu, ma naqbilx mal-paragun li l-qorti tar-rinviju qed tipproponi. Fil-fatt, ma jistax jitqies li l-importatur li ma osservax ir-rekwiżiti formali previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008 qiegħed fl-istess sitwazzjoni bħall-importatur li osservahom. L-Artikolu 20 tal-Karta ċertament jista’, eventwalment, jipprekludi dawn ir-rekwiżiti, jekk jiġi kkonstatat li huma irraġonevoli, arbitrarji jew manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni li tistabbilixxihom. Madankollu, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-proċess li allegazzjoni bħal din ġiet ifformulata fil-kawża prinċipali u l-eżami ta’ din id-dispożizzjoni ma jippermettix li wieħed jikkonkludi li dan jista’ jkun il-każ.

56.

Lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat, barra minn hekk, li l-impożizzjoni fuq Baltic Agro tal-ħlas ta’ dazju antidumping fuq l-importazzjoni ta’ nitrat tal-ammonju tikkostitwixxi ksur tad-dritt tat-tariffa doganali komuni u, għalhekk, tal-Artikolu 28(1) TFUE u l-Artikolu 31 TFUE. Kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, il-ġbir tal-imsemmi dazju huwa, fil-fatt, pjuttost il-konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti bl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 661/2008, iktar milli l-applikazzjoni tar-regoli doganali tal-Unjoni. Anki kieku Baltic Agro kienet f’pożizzjoni li tikseb l-invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali tagħha u li tikkoreġi l-indikazzjoni tad-destinatarju li kien jidher meta ssemmiet Magnet Group, fi kwalunkwe każ, ma kinitx tkun f’sitwazzjoni li tissodisfa l-imsemmija rekwiżiti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

57.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għar-raba’ domanda preliminari fis-sens li l-eżami tagħha ma wera l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali u tal-Artikolu 251 tar-regolament ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 20 tal-Karta u tal-Artikoli 28(1) TFUE u 31 TFUE.

VI – Konklużjoni

58.

Biex nikkonkludi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tartu Ringkonnakohus kif ġej:

1)

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 661/2008, tat-8 ta’ Lulju 2008, li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara verifika ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mid-dazju antidumping li huwa jipprevedi favur il-produtturi-esportaturi ċċitati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/577/KE, tal-4 ta’ Lulju 2008, li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-ammonium nitrate li joriġina fir-Russja u fl-Ukraina, tapplika biss għall-merkanzija ffatturata u mibgħuta direttament minn dawn tal-aħħar lill-ewwel klijent indipendenti ġewwa l-Unjoni Ewropea li ma jkunx biegħhom mill-ġdid qabel ma jkun iddikjarahom fid-dwana.

2)

L-eżami tar-raba’ domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju ma wera l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 66 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, u tal-Artikolu 251 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 312/2009, tas-16 ta’ April 2009, fir-rigward tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 28(1) u 31 TFUE.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja (ĠU L 198, p. 1).

( 3 ) Regolament tat-8 ta’ Lulju 2008, li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara verifika ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU L 185, p. 1 u rettifika ĠU 2009, L 339, p. 59).

( 4 ) Deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2008, li taċċetta l-impenji offruti b’rabta mal-proċediment ta’ l-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-ammonium nitrate li joriġina fir-Russja u fl-Ukraina (ĠU L 185, p. 43, rettifika ĠU 2009, L 339, p. 59).

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 10, p. 45.

( 6 ) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 363, p. 1, iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi Doganali”).

( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3, iktar ’il quddiem, ir-“regolament ta’ applikazzjoni”.

( 8 ) ĠU L 98, p. 3.

( 9 ) Iktar ’il quddiem, l-“MTA”.

( 10 ) Iktar ’il quddiem, “Magnet Group”.

( 11 ) Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kunsill sempliċement irrisponda għat-tielet u r-raba’ domanda.

( 12 ) Regolament tas-17 ta’ Mejju 2004, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 658/2002 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ammonium nitrate li joriġinaw mir-Russja u (KE) Nru 132/2001 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ammonium nitrate li joriġinaw mill-Polonja u l-Ukrajna, u li jtemm il-proċedura anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw mil-Litwanja (ĠU L 142M, p. 29).

( 13 ) Regolament tal-15 ta’ April 2002, li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat ta’ ammonju li joriġina fir-Russja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41 P, p. 67).

( 14 ) Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti, partikolarment fil-premessi 9, 10 u 17 tar-Regolament Nru 993/2004, l-għan tiegħu kien li jiġi stabbilit trattament speċjali, f’forma ta’ eżenzjoni, biss għall-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju fl-għaxar Stati Membri ġodda, biex jiġi evitat li l-applikazzjoni tad-dazju antidumping fuq in-nitrat tal-ammonju li oriġina mir-Russja, li f’dak iż-żmien kien previst mir-Regolament Nru 658/2002, ma jwassalx għal żieda esaġerata fil-prezzijiet f’dawn il-pajjiżi, biex in-nitrat tal-ammonju ma jispiċċax għali wisq għall-utenti finali u biex ma jiddisturbax il-flussi tal-kummerċ tradizzjonali.

( 15 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1001/2004, tat-18 ta’ Mejju 2004, li jaċċetta garanziji offerti in konnessjoni mal-proċedura anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjoni tan-nitrat tal-ammonju li joriġina mill-Federazzjoni Russa u mill-Ukraina u li tagħmel l-importazzjoni tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mill-Federazzjoni Russa jew l-Ukraina suġġetta għar-reġistrazzjoni (ĠU L 183 M, p. 25); Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1996/2004, tad-19 ta’ Novembru 2004, [li] jaċċetta l-impenji proposti in konnessjoni mal-proċeduri ta’ kontra d-dumping li għandhom x’jaqsmu man-nitrat tal-ammonju importat li joriġina mill-Federazzjoni Russa u l-Ukrajna u li n-nitrat tal-ammonju li joriġina mill-Federazzjoni Russa jew l-Ukrajna jibqa’ jiġi importat bil-kundizzjoni tar-reġistrazzjoni (ĠU L 183M, p. 332).

( 16 ) Ara s-sentenza DP grup (C‑138/10, EU:C:2011:587, punti 41 u 42).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, EU:C:2006:162).

( 18 ) Ara s-sentenza DP grup (EU:C:2011:587, punti 39 u 40).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 54), u Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 76).