16.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/8


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-3 ta’ April 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Szombathelyi Törvényszék) – l-Ungerija – Katalin Sebestyén vs Zsolt Csaba Kővári, OTP Bank Nyrt., OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt, Raiffeisen Bank Zrt

(Kawża C-342/13) (1)

((Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ bank - Klawżola li tipprovdi għall-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ tribunal ta’ arbitraġġ - Informazzjoni dwar il-proċedura ta’ arbitraġġ ipprovduta mill-bank waqt il-konklużjoni tal-kuntratt - Klawżoli inġusti - Kriterji ta’ evalwazzjoni))

2014/C 184/11

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Szombathelyi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Katalin Sebestyén

Konvenuti: Zsolt Csaba Kővári, OTP Bank Nyrt., OTP Faktoring Követeléskezelő Zrt, Raiffeisen Bank Zrt

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Szombathelyi Törvényszék – Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288) – Individwu li kkonkluda ma’ bank kuntratt ta’ self ipotekarju li jinkludi klawżola li tipprevedi l-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ korp ta’ arbitraġġ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix id-dritt ta’ appell mid-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ – Spjegazzjonijiet rigward il-proċedura ta’ arbitraġġ ipprovduti mill-bank waqt il-konklużjoni tal-kuntratt

Dispożittiv

L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u l-punt 1(q) tal-Anness ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż bejn bank u konsumatur, li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lil tribunal ta’ arbitraġġ permanenti, li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu appellati skont id-dritt nazzjonali, sabiex jieħu konjizzjoni ta’ kull tilwima li tqum fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom ikun ġie konkluż l-imsemmi kuntratt, titqies li hija inġusta fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali kkonċernata għandha b’mod partikolari:

tivverifika jekk il-klawżola inkwistjoni għandhiex l-għan jew l-effett li teskludi jew tfixkel id-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjoni legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor; u

tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-komunikazzjoni lill-konsumatur, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt inkwistjoni, ta’ informazzjoni ġenerali dwar id-differenzi li jeżistu bejn il-proċedura ta’ arbitraġġ u l-proċedura ġudizzjarja ordinarja ma tistax, waħedha, tippermetti li tiġi eskluża n-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

Fil-każ ta’ konklużjoni affermattiva, l-imsemmija qorti għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jkunx marbut bl-imsemmija klawżola.


(1)  ĠU C 336, 16.11.2013.