10.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 395/17


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour d’appel de Bruxelles – il-Belġju) – Burgo Group SpA vs Illochroma SA, fi stralċ, Jérôme Theetten, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju tal-kumpannija Illochroma SA

(Kawża C-327/13) (1)

((Rinviju preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Proċedura ta’ insolvenza - Kunċett ta’ “stabbiliment” - Grupp ta’ kumpanniji - Stabbiliment - Dritt li tiftaħ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza - Kriterji - Persuna awtorizzata li titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza))

(2014/C 395/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Burgo Group SpA

Konvenuti: Illochroma SA, fi stralċ, Jérôme Theetten, fil-kwalità tiegħu ta’ stralċjarju tal-kumpannija Illochroma SA

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċedura ta’ insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ tqegħid fi stralċ ta’ kumpannija fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih għandha s-sede rreġistrata tagħha, din il-kumpannija tista’ tkun suġġetta wkoll għal proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza fl-Istat Membru l-ieħor, fejn ikollha s-sede rreġistrata tagħha u fejn hija jkollha personalità ġuridika.

2)

L-Artikolu 29(b) tar-Regolament Nru 1346/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni dwar liema persuna jew awtorità li hija awtorizzata li titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza għandha tiġi evalwata abbażi tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintalab il-ftuħ ta’ dawn il-proċedimenti. Id-dritt li jintalab il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza ma jistax madankollu jiġi limitat biss għall-kredituri ddomiċiljati jew li għandhom is-sede rreġistrata tagħhom fl-Istat Membru li fih qiegħed l-istabbiliment ikkonċernat jew biss għall-kredituri li d-dejn tagħhom joriġina mill-operat ta’ dan l-istabbiliment.

3)

Ir-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li l-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza huma proċedimenti ta’ stralċ, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ adegwatezza mill-qorti li quddiemha tressqet it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza taqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jintalab il-ftuħ ta’ dawn il-proċedimenti. Meta l-Istati Membri, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ tali proċedimenti, għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipji ġenerali tiegħu kif ukoll id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000.


(1)  ĠU C 226, 03.08.2013.