5.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 135/17 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Marzu 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona – Spanja) – Antonio Márquez Samohano vs Universitat Pompeu Fabra
(Kawża C-190/13) (1)
((Politika soċjali - Direttiva 1999/70/KE - Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP - Universitajiet - Għalliema assoċjati - Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi - Klawżola 5(1) - Miżuri li huma intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien determinat - Kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” li jiġġustifikaw tali kuntratti - Klawżola 3 - Kunċett ta’ “kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat” - Sanzjonijiet - Dritt għal kumpens - Differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien indeterminat))
2014/C 135/18
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Social no 3 de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Antonio Márquez Samohano
Konvenuta: Universitat Pompeu Fabra
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari – Juzgado de lo Social n. 3 de Barcelona – Interpretazzjoni tal-Klawżoli 3 u 5 tal-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) – Kuntratti ta’ xogħol konklużi mal-amministrazzjoni pubblika – Professuri tal-università – Assenza ta’ miżuri li huma intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi
Dispożittiv
Il-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-universitajiet li jwettqu tiġdidiet tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma’ għalliema assoċjati, mingħajr ebda limitu f’dak li jikkonċerna t-tul massimu u n-numru ta’ tiġdidiet ta’ dawn il-kuntratti, peress li tali kuntratti huma ġġustifikati minn raġuni oġġettiva, fis-sens tal-paragrafu 1(a) ta’ din il-klawżola, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, hija wkoll din il-qorti li għandha tivverifika b’mod konkret li, fil-kawża prinċipali, it-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi inkwistjoni effettivament kien intiż li jkopri bżonnijiet provviżorji u li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ntużatx, fil-fatt, sabiex tissodisfa bżonnijiet permanenti u li jdumu fiż-żmien fil-qasam tar-reklutaġġ ta’ persunal li jgħallem.