4.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/9


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Mejju 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Szegedi Ítélőtábla – l-Ungerija) – Érsekcsanádi Mezőgazdasági Zrt vs Bács-Kiskun Megyei Kormányhivatal

(Kawża C-56/13) (1)

((Direttivi 92/40/KEE u 2005/94/KE - Deċiżjonijiet 2006/105/KE u 2006/115/KE - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 16, 17 u 47 - Miżuri ta’ ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur - Kumpens għad-danni))

2014/C 253/12

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Szegedi Ítélőtábla

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Érsekcsanádi Mezőgazdasági Zrt

Konvenut: Bács-Kiskun Megyei Kormányhivatal

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Szegedi Ítélőtábla – Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/40/KE, tad-19 ta’ Mejju 1992, li tintroduċi miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tal-għasafar (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 12, p. 306) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2005, dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 270M, p. 5) – Impriża agrikola ta’ trobbija, li għandha bħala attività b’mod partikolari t-tismin ta’ dundjani, li ġiet irrifjutata l-awtorizzazzjoni sabiex takkomoda dundjani għat-tismin f’sit ta’ trobbija li jinsab f’żona ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza kontra l-influwenza tat-tjur stabbilita b’deċiżjoni amministrattiva – Kumpens għad-danni kkawżati lill-individwi minn miżuri ta’ protezzjoni provviżorji li ttieħdu għall-eżekuzzjoni ta’ atti normattivi tad-dritt tal-Unjoni

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/105/KE, tal-15 ta’ Frar 2006, dwar ċerti miżuri provviżorji ta’ protezzjoni rigward każijiet sospetti ta’ influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’għasafar selvaġġi fl-Ungerija, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/115/KE, tas-17 ta’ Frar 2006, dwar ċerti miżuri ta’ protezzjoni rigward l-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja f’għasafar selvaġġi fil-Komunità u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/86/KE, 2006/90/KE, 2006/91/KE, 2006/94/KE, 2006/104/KE u 2006/105/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux, minn naħa, miżuri nazzjonali bħall-atti amministrattivi tal-15 u tal-21 ta’ Frar 2006 li jordnaw l-istabbiliment ta’ żona ta’ protezzjoni fit-territorju amministrattiv ta’ Csátalja u Nagybaracska (l-Ungerija) u li jipprojbixxu l-ġarr ta’ tjur f’din iż-żona u, min-naħa l-oħra, avviż amministrattiv bħal dak tat-23 ta’ Frar 2006, li jirrifjuta lil impriża bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li takkomoda dundjani f’sit tat-trobbija tagħha li jinsab f’Nagybaracska.

2)

Minn naħa, id-Deċiżjonijiet 2006/105 u 2006/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma la jinkludu u lanqas ma jagħmlu riferiment għal dispożizzjonijiet intiżi li jistabbilixxu sistema ta’ kumpens għad-danni kkawżati mill-miżuri li huma jipprevedu u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tipprevedix kumpens sħiħ, inkluż in-nuqqas ta’ qligħ, għad-danni sostnuti minħabba l-adozzjoni, b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, ta’ miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni kontra l-influwenza tat-tjur, fir-rigward tad-drittijiet għal rimedju effettiv u għall-proprjetà kif ukoll tal-libertà tal-intrapriża, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.


(1)  ĠU C 147, 25.05.2013.