16.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 46/24


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Diċembru 2012 — Dalli vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-562/12)

2013/C 46/43

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: John Dalli (San Ġiljan, Malta) (rappreżentanti: L. Levi, A. Alamanou u S. Rodrigues, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni orali tas-16 ta’ Ottubru 2012, meħuda mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, li ttemm b’effett immedjat l-inkarigu tiegħu,

tikkundanna lill-konvenuta tħallas kumpens għad-dannu morali u materjali mġarrab; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 245 u 247 TFUE, peress li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet minn awtur li ma kellux kompetenza.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq, sussidjarjament, ksur tal-Artikolu 17(6) TUE u tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, peresss li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkunsidrata li timplika riżenja valida tar-rikorrent.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti u ksur tar-regoli proċedurali, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq motivi validi u peress li r-riżultati tal-investigazzjoni tal-OLAF, li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, jirriżultaw minn proċedura illegali.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li r-rikorrent ma setax jeżamina u jevalwa l-fatti li huwa akkużat bihom.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li r-rikorrent ma setax ikun jaf liema huma l-għanijiet tad-deċiżjoni kkontestata u jekk kienx hemm xi miżura inqas repressiva li setgħet tiġi kkunsidrata.