10.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 343/20


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Settembru 2012 — bpost vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-412/12)

2012/C 343/34

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: bpost (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: D. Geradin, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikoli 2, 5, 6 u 7 tal-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 178, tal-25 ta’ Jannar 2012, dwar il-miżura SA.14.588 (C 20/2009) implementata mill-Belġju favur De Post-La Poste (fil-preżent bpost), ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fid-29 ta’ Ġunju 2012 (ĠU L 170, p. 1);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

(1)

Permezz tal-ewwel motiv hija ssostni ksur tal-Artikoli 106(2) u 107(1) u (3) TFUE, żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li n-netwerk ta’ bejgħ bl-imnut operat minn bpost ma kienx Servizz ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (“SIEĠ”), u għalhekk, ikkonstatat li l-kumpens irċevut mill-Istat Belġjan għan-netwerk ta’ bejgħ bl-imnut ikkostitwixxa sovrakumpens.

(2)

Permezz tat-tieni motiv hija ssostni ksur tal-Artikoli 106(2) u 107(1) u (3) TFUE u żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-ispejjeż tan-netwerk ta’ bejgħ bl-imnut taħt l-Obbligu ta’ Servizz Universali ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ profitti fis-settur riżervat tas-Servizz Universali li jeċċedu l-livell ta’ profitt raġonevoli.

(3)

Permezz tat-tielet motiv hija ssostni ksur tal-Artikoli 107 u 106(2) TFUE u l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-ispejjeż netti ta’ SIEĠ mhux postali għandhom jiġu paċuti mal-profitti mis-settur riżervat tas-Servizz Universali, sa fejn dawn il-profitti jeċċedu profitt raġonevoli.

(4)

Permezz tar-raba’ motiv hija ssostni ksur tal-Artikoli 107 u 106(2) TFUE u ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, minħabba n-nuqqas totali li tieħu inkunsiderazzjoni s-sottokumpens ta’ bpost akkumulat matul is-snin 1992-2005 għal finijiet ta’ tpaċija tal-ammonti tal-allegat sovrakumpens matul il-perijodu 2006-2010.