22.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/35


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Lulju 2012 — T&L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-335/12)

2012/C 287/66

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: T&L Sugars Ltd (London, ir-Renju Unit) u Sidul Açúcares, Unipessoal Lda (Santa Iria de Azóia, il-Portugall) (rappreżentanti: D. Waelbroeck, avukat, u D. Slater, solicitor)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263(4) TFUE u/jew l-eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE kontra r-Regolament Nru 367/2012, ir-Regolament Nru 397/2012, ir-Regolament Nru 356/2012, ir-Regolament Nru 382/2012, ir-Regolament Nru 444/2011 u r-Regolament Nru 485/2012 ammissibbli u fondat;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 367/2012, tas-27 ta’ April 2012, li jistabbilixxi miżuri neċessarji fir-rigward tar-rilaxx ta’ kwantitajiet addizzjonali ta’ zokkor u iżoglukożju ’l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa matul is-sena tas-suq 2011/2012 (ĠU L 116, p. 12);

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 397/2012, tat-8 ta’ Mejju 2012, li jiffissa l-koeffiċjent tal-allokazzjoni, li jirrifjuta iktar applikazzjonijiet u li jagħlaq il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-kwantitajiet addizzjonali disponibbli ta’ zokkor barra mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b’imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2011/2012 (ĠU L 123, p. 35);

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1239/2011 (ĠU L 318, p. 4), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 356/2012, fir-rigward tal-perjodi li matulhom jistgħu jiġu sottomessi offerti għat-tieni sejħa għall-offerti għas-sena tas-suq 2011/2012 għal importazzjonijiet ta’ zokkor b’dazju doganali mnaqqas u għal sejħiet parzjali sussegwenti (ĠU L 113, p. 4);

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 382/2012, tat-3 ta’ Mejju 2012, dwar id-dazju doganali minimu għaz-zokkor li għandu jiġi stabbilit bi tweġiba għall-ħames stedina parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċeduri tal-offerti miftuħin bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2011 (ĠU L 119, p. 41);

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 444/2012, tal-24 ta’ Mejju 2012, dwar id-dazju doganali minimu għaz-zokkor li għandu jiġi stabbilit bi tweġiba għas-sitt stedina parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċeduri tal-offerti miftuħin bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2011 (ĠU L 135, p. 61);

tannulla Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 485/2012, tas-7 ta’ Ġunju 2012, dwar id-dazju doganali minimu għaz-zokkor li għandu jiġi stabbilit bi tweġiba għas-seba’ stedina parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċeduri tal-offerti miftuħin bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2011 (ĠU L 148, p. 24);

sussidjarjament, (i) tiddikjara l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikoli 186(a) u 187 tar-Regolament Nru 1234/2007 (1) ammissibbli u fondata u tiddikjara dawk id-dispożizzjonijiet illegali, kif ukoll tannulla r-regolamenti kkontestati, li huma direttament jew indirettament bbażati fuq dawk id-dispożizzjonijiet, u (ii) tiddikjara l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 367/2012 u r-Regolament Nru 1239/2011, kif emendat bir-Regolament 356/2012, ammissibbli u fondat;

tikkundanna lill-UE kif irrappreżentata mill-Kummissjoni biex tikkumpensa kwalunkwe danni subiti mir-rikorrenti b’riżultat ta’ nuqqas mill-Kummissjoni ta’ twettiq tal-obbligi legali tagħha u li tiffissa l-ammont ta’ dan il-kumpens għad-danni subiti mir-rikorrenti matul il-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Jannar 2012 u l-24 ta’ Ġunju 2012 għal EUR 75 051 236 flimkien ma’ kwalunkwe telf li għadu jsir mir-rikorrenti wara dik id-data jew kull ammont ieħor li jirrifletti d-danni subiti jew li se jkunu subiti mir-rikorrenti kif stabbilit ukoll minnhom fil-kors ta’ din il-kawża speċjalment biex tieħu l-kunsiderazzjoni dovuta tad-danni futuri;

tordna l-ħlas tal-interessi fuq l-ammont prinċipali dovut, mid-data tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali sakemm isir il-ħlas effettiv, bir-rata stabbilita f’dak iż-żmien mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, biż-żieda ta’ żewġ punti perċentwali, jew bi kwalunkwe rata xierqa oħra li għandha tiġi ddeterminata mill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha f’din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni peress li minn naħa, ir-Regolament Nru 367/2012 jipprovdi għal imposta fissa ta’ EUR 211, li hija ġeneralment applikabbli għal kull tunnellata żejda — jiġifieri inqas minn nofs l-ammont tas-soltu ta’ EUR 500 għal kull tunnellata — li japplika għal kwantità speċifika (250 000 tunnellata) ta’ zokkor, maqsuma ndaqs bejn ir-rikorrenti biss, li huma produtturi tal-pitravi. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 1239/2011 kif emendat bir-Regolament Nru 356/2012, jipprovdi għal dazju doganali mhux magħruf, imprevedibbli, applikabbli biss għal rebbieħa ta’ irkant (li jistgħu jkunu raffinaturi tal-kannamieli, produtturi tal-pitravi, jew kwalunkwe parti terza oħra) u għal ammont totali mhux speċifikat. Id-dazju doganali ġie iktar reċentement stabbilit għal EUR 312,60 għal kull tunnellata, jiġifieri kważi 50 % ogħla mill-imposta għaż-żejjed għall-produtturi tal-pitravi. Il-kuntrast bejn iż-żewġ miżuri ma jistax ikun iktar ċar. Fil-fatt, kull element tal-miżuri jiddiskrimina kontra r-raffineriji taz-zokkor tal-kannamieli u favur produtturi tal-pitravi.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1234/2007 u tan-nuqqas ta’ bażi legali xierqa peress li, fir-rigward tar-Regolament Nru 367/2012, il-Kummissjoni ma għandha ebda setgħa biex żżid il-kwoti u hija għall-kuntrarju għandha l-obbligu li timponi imposti għoljin u dissważivi fuq it-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ zokkor ’il fuq mill-kwota. Fir-rigward tal-irkantijiet tat-taxxa, il-Kummissjoni manifestament ma għandhiex mandat jew setgħa li tadotta din it-tip ta’ miżura, li qatt ma kienet intenzjonata fil-leġiżlazzjoni bażi.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-Kummissjoni ħolqot sistema li biha dazji doganali ma humiex prevedibbli u ffissati permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi konsistenti, iżda huma pjuttost iddeterminati mill-volontà suġġettiva ta’ ħlas (barra minn hekk ta’ operaturi li huma suġġetti għal pressjonijiet u inċentivi differenti ħafna f’dan ir-rigward) bl-ebda rabta effettiva mal-prodotti li attwalment jiġu importati.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni setgħet faċilment tadotta miżuri inqas restrittivi, li ma kinux jittieħdu esklużivament għad-detriment tar-raffineriji importaturi.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi, peress li ir-rikorrenti kienu leġittimament imġiegħlin li jippretendu li l-Kummissjoni se tuża l-mezzi disponibbli fir-Regolament 1234/2007 biex jippreservaw id-disponibbiltà tal-provvista taz-zokkor tal-kannamieli mhux maħdum għar-raffinar. Ir-rikorrenti kienu leġittimament qed jistennew ukoll li l-Kummissjoni żżomm il-bilanċ bejn ir-raffineriji importaturi u l-produtturi taz-zokkor domestiċi.

(6)

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba, peress li, l-aġir tal-Kummissjoni kien manifestament mhux xieraq fid-dawl tan-nuqqas ta’ provvista. Il-Kummissjoni kellha tnaqqas ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni għar-raffineriji tal-kannamieli. Minflok, il-Kummissjoni żiedet il-produzzjoni domestika u ssuġġettat l-aċċess għal importazzjonijiet addizzjonali għal taxxi punittivi u imprevedibbli.

(7)

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 39 TFUE peress li l-Kummissjoni naqset milli tikseb tnejn mill-għanijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tat-Trattat.

(8)

It-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1006/2011 (2), peress li d-dazji applikati għaz-zokkor abjad huma fil-fatt biss ftit ogħla milli għaz-zokkor mhux raffinat, bid-differenza tkun ta’ madwar EUR 30 għal kull tunnellata. Dan jikkuntrasta b’mod ċar mad-differenza ta’ EUR 80 bejn id-dazju ta’ importazzjoni standard għaz zokkor raffinat (EUR 419) u għaz-zokkor mhux maħdum għar-raffinar (EUR 339) li huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1006/2011.

Barra minn hekk, insostenn tar-rikors għad-danni, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni eċċediet b’mod gravi u manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilha bir-Regolament Nru 1234/2007, permezz tal-passività u tal-aġir mhux opportun tagħha. Barra minn hekk, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tadotta miżuri adegwati jikkostitwixxi ksur manifest tal-istat tad-dritt “intiż biex jagħti drittijiet lill-individwi”. Il-Kummissjoni kisret b’mod partikolari l-prinċipji ġenerali tal-UE ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ dmir ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 299, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011, tas-27 ta’ Settembru 2011, li jemenda l-Anness I tar Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 282, p. 1).