8.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/21


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Lulju 2012 — Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-325/12)

2012/C 273/36

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: C. Wissels, J. Langer u M. de Ree, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni SG-Greffe (2012) D/3150 li l-Kummissjoni tat fil-11 ta’ Mejju 2012 fil-Każ SA.28855 (N 373/2009) (ex C 10/2009 U N 528/2009 — Il-Pajjiżi l-Baxxi vs ING — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni)

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

(1)

Ksur tad-drittijiet ta’ difiża u tal-prinċipju ta’ premura:

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tagħti lill-Pajjiżi l-Baxxi l-opportunità li jesprimi ruħu dwar il-motivi li għalihom hija ddeċidiet li, fid-dawl tal-fatt li kien emenda l-kundizzjonijiet ta’ rimbors, il-Pajjiżi l-Baxxi kien alloka għajnuna lil ING.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ premura peress li hija adottat id-deċiżjoni mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti li l-Gvern Olandiż kien invoka matul proċeduri preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawżi magħquda T-29/10 u T-33/10, liema argumenti il-Qorti Ġenerali kienet segwiet fis-sentenza li tat fit-2 ta’ Marzu 2012 f’dawn il-kawżi.

(2)

Ksur tal-Artikolu 107 TFUE:

Id-deċiżjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 107 TFUE, peress li fil-punt 213 tagħha, il-Kummissjoni sostniet b’mod żbaljat li l-emenda tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors tinkludi għajnuna mill-Istat.

(3)

Ksur tal-Artikolu 107 TFUE, tar-Regoli tal-Proċedura u tal-Artikolu 266 TFUE

Il-Kummissjoni ma implementatx b’mod korrett is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2012 u kisret l-Artikolu 107 TFUE, ir-Regoli tal-Proċedura u l-Artikolu 266 TFUE peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija ssuġġettat l-approvazzjoni tal-injezzjoni tal-kapital għall-istess miżuri kumpensatorji bħal fl-ewwel deċiżjoni tal-2009 (li l-Qorti Ġenerali annullat bis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Marzu 2012) minkejja li kkalkolat l-għajnuna inkwistjoni għal ammont inqas minn EUR 2 biljuni.