18.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 250/17


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2012 — Energetický a průmyslový u EP Investment Advisors vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-272/12)

2012/C 250/31

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Energetický a průmyslový holding a.s. (Brno, ir-Republikka Ċeka) u EP Investment Advisors s.r.o. (Praga, ir-Republikka Ċeka) (rappreżentanti: K. Desai, Solicitor, J. Schmidt u M. Peristeraki, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Marzu 2012, dwar proċedura skont l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) (rifjut ta’ sottomissjoni għal spezzjoni) fil-Każ COMP/39793 — EPH et;

sussidjarjament, tannulla l-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-intier tagħha jew tnaqqas din il-multa għal ammont xieraq;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata bi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, minħabba irregolaritajiet fit-twettiq tal-ispezzjoni, b’mod partikolari minħabba li l-Kummissjoni ma żguratx ruħha li l-persuni kkonċernati kienu ġew debitament informati dwar l-obbligi tagħhom fil-kuntest tal-ispezzjoni u lanqas dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tagħhom.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li r-rikorrenti rrifjutaw li jissottomettu ruħhom għall-ispezzjoni ma hijiex fondata u hija sproporzjonata. Ir-rikorrenti jsostnu li l-provi prodotti mill-Kummissjoni għall-iżblokkar ta’ kont tal-posta elettronika jew sabiex il-posta elettronika tintbagħat lis-server tar-rikorrenti f’din il-kawża ma humiex biżżejjed sabiex fuqhom jiġi bbażat ksur tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-ispezzjoni ma kinitx ostakolata mir-rikorrenti intenzjonalment jew b’negliġenza.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ “preżunzjoni tal-innoċenza”, sa fejn il-Kummissjoni ma ttrattatx il-każ b’kura u bi trasparenza suffiċjenti, filwaqt li kien hemm indikazzjonijiet li l-Kummissjoni kellha predispożizzjoni sfavorevoli fir-rigward tar-rikorrenti, li tirriżulta minn avvenimenti mhux relatati li r-rikorrenti ma setgħux jinżammu responsabbli fir-rigward tagħhom.

(4)

Ir-raba’ motiv (sussidjarju), invokat insostenn tat-tieni parti tat-talbiet, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ma tannullax id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ffissat il-multa.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).