11.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/26


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Ġunju 2012 — Uralita vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-250/12)

2012/C 243/46

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Uralita, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: K. Struckmann, avukat u G. Forwood, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Marzu 2012, li temenda d-Deċiżjoni C(2008) 2626 finali, tal-11 ta’ Ġunju2008, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE (li sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/38.695 — Klorat tas-Sodju), sa fejn dan jimponi multa ta’ EUR 4 231 000 fuq ir-rikorrenti;

tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 1965, tas-27 ta’ Marzu 2012 — Każ COMP/38.695 — Klorat tas-Sodju; u

tordna li l-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

(1)

L-ewwel motiv, li jallega li d-deċiżjoni li tiġi imposta multa wara li skada l-perijodu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), u li jinżammu l-interessi fuq din is-somma, kienet illegali.

(2)

It-tieni motiv, li jallega, alternattivament, li kien illegali li l-Kummissjoni żammet l-ammont tal-multa imposta bid-Deċiżjoni C(2012) 1965 tas-27 ta’ Marzu 2012, inklużi l-interessi, qabel ma l-multa kienet dovuta.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2 p. 205)