17.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/21


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Jannar 2012 — Interbev vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-18/12)

2012/C 80/36

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Association Nationale Interprofessionnelle du Bétail et des Viandes (Interbev) (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: P. Morrier u A. Bouviala, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2011) 4923 finali, tat-13 ta’ Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.14974 (C 46/2003) — Franza — dwar il-kontribuzzjonijiet favur INTERBEV, li għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat l-azzjonijiet imwettqa minn INTERBEV bejn l-1996 u l-2004 fil-qasam tar-riklami, tal-promozzjoni assistenza teknika, u tar-riċerka u l-żvilupp minn naħa u l-kontribuzzjonijiet volontarji li huma intiżi sabiex jiffinanzjaw dawn l-azzjonijiet, peress li riżorsi tal-Istat jagħmlu parti integrali mill-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat iċċitati iktar ’il fuq, min-naħa l-oħra;

sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2011) 4923 finali, tat-13 ta’ Lulju 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.14974 (C 46/2003) — Franza — dwar il-kontribuzzjonijiet favur INTERBEV, li għadha ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn din tistieden lill-qrati nazzjonali sabiex jipproċedu għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet volontarji estiżi (deċiżjoni kkontestata, punti 201 u 202);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-Artikolu 296 TFUE u b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet rigward i) vantaġġ ekonomiku selettiv favur operaturi fil-qasam tal-annimali tal-ifrat u tan-nagħaġ, ii) l-oriġini Statali tal-azzjonijiet mwettqa mir-rikorrenti, iii) effett ħażin fuq il-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u iv) ir-rabta restrittiva bejn l-azzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti u l-kontribuzzjonijiet volontarji estiżi, magħrufa wkoll bħala kontribuzzjonjiet volontarji obbligatorji, miġbura bejn l-1996 u l-2004.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn l-azzjonijiet imressqa mir-rikorrenti bejn l-1996 u l-2004:

ma humiex imputabbli għall-Istat u l-kontribuzzjonijiet volontarji estiżi li iffinanzjawhom ma jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat u bl-ebda mod ma huma imputabbli għall-Istat Franċiż;

ma jikkostitwixxux vantaġġ ekonomiku għal wieħed jew iktar benefiċċjarji;

ma jaffettwawx, lanqas potenzjalment, il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri.

(3)

It-tielet motiv, sussidjarju, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni restrittiva bejn il-kontribuzzjonijiet volontarji estiżi u l-azzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti.

(4)

Ir-raba’ motiv, iktar sussidjarju, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konklużjonijiet li l-qorti nazzjonali għanda tislet min-nuqqas ta’ notifika tal-kontribuzzjonijiet volontarji estiżi. Il-Kummissjoni tħeġġeġ, fil-punt 202 tad-deċiżjoni kkontestata, lill-qrati nazzjonali sabiex jordnaw il-ħlas lura tal-kontribuzzjonijiet volontarji estiżi u l-invalidità tal-għajnuna, u lill-persuni interessati jressqu kawża quddiem il-qorti nazzjonali, meta l-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li tordna l-ħlas lura tal-għajnuna u tal-kontribuzzjonijiet volontarji estiżi minħabba li tali ħlas lura jista’ jkun ta’ natura li ma hijiex xierqa u impossibbli fil-prattika.