3.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/19


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Jannar 2012 — Kazino Parnithas vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-14/12)

2012/C 65/37

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Elliniko Kazino Parnithas AE (Maroussi, il-Greċja) (rappreżentanti: F. Carlin, Barrister, N. Niejahr, Q. Azau, F. Spyropoulos, I. Dryllerakis u K. Spyropoulos, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2011 dwar Għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Greċja lil ċerti każinojiet Griegi (Il-miżura ta’ Għajnuna mill-Istat C 16/10 (ex NN 22/10, ex CP 318/09)) implementata mir-Repubblika Ellenika (ĠU 2011 L 285, p. 25);

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tapplika għar-rikorrenti, jew

iktar sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tordna l-irkupru ta’ ammonti mingħand ir-rikorrenti, u

tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tar-rikorrenti sostnuti f’din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret l-Artikolu 107(1) TFUE meta ddeċidiet li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna mill-Istat billi:

identifikat li r-rikorrenti bbenefikat minn vantaġġ ekonomiku fil-forma ta’ “diskriminazzjoni fiskali” fl-ammont ta’ Euro 7.20 kull Biljett;

ikkonstatat li l-miżura kienet tinvolvi riżorsi tal-Istat mitlufa;

ikkunsidrat li l-miżura kienet selettiva favur ir-rikorrenti, u

ikkonkludiet li l-miżura ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni u kellha effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta kisret l-Artikolu 296 TFUE billi naqset milli tipprovdi motivazzjoni adegwata li tippermetti lir-rikorrenti tifhem u lil din il-qorti tistħarreġ il-motivazzjoni li abbażi tagħha kkonkludiet li r-rikorrenti ibbenefikat minn vantaġġ selettiv, li tali vantaġġ kien jinvolvi dħul mill-Istat mitluf u li seta’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tordna l-irkupru ta’ ammonti mingħand ir-rikorrenti hija qed tikser:

l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1), li jipprovdi li l-irkupru għandu jirrelata mal-għajnuna rċevuta mill-benefiċjarju, peress li fid-deċiżjoni kkontestata l-konvenuta naqset tikkwantifika b’mod korrett l-ammont ta’ għajnuna li r-rikorrent seta’ rċieva; u

it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, peress li l-irkupru f’dan il-każ jikser prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, jiġifieri l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 339)