SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
26 ta’ Frar 2014 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ ark ta’ ċirku isfar fil-parti t’isfel ta’ screen — Raġuni assoluta għal rifjut — Assenza ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009”
Fil-Kawża T‑331/12,
Sartorius Lab Instruments GmbH & Co. KG, stabbilita f’Göttingen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Welkerling, avukat, ammessa li tissostitwixxi lil Sartorius Weighing Technology GmbH,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,
konvenut,
li għandha bħala rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Awla tal-Bord tal-Appell tal-UASI tat-3 ta’ Mejju 2012 (Każ R 1783/2011-1), li tikkonċerna applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwiet minn ark ta’ ċirku isfar fil-parti t’isfel ta’ screen bħala trade mark Komunitarja,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. Collins (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2012,
wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Ottubru 2012,
wara d-digriet tas-6 ta’ Jannar 2014 li jawtorizza s-sostituzzjoni tal-partijiet,
wara li rat li l-partijiet ma ressqu l-ebda talba għal seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċeduri,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fis-7 ta’ Frar 2011, Sartorius Weighing Technology GmbH, li lilha r-rikorrenti, Sartorius Lab Instruments GmbH & Co. KG, ġiet ammessa li tissostitwixxi, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1). |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li ġiet identifikata minn Sartorius Weighing Technology GmbH bħala trade mark “oħra” intiża għar-rappreżentazzjoni ta’ ark ta’ ċirku isfar fil-parti t’isfel ta’ screen, hija riprodotta iktar ’il quddiem:
|
3 |
Fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni huwa deskritt b’dan il-mod: “It-trade mark ta’ pożizzjoni hija kkostitwita minn ark ta’ ċirku isfar, miftuħ ’il fuq u mqiegħed fil-parti t’isfel ta’ screen elettroniku u li jestendi fuq il-wiesa’ kollha ta’ dan tal-aħħar. Il-kurvaturi bit-tikek iddisinjati jservu biss sabiex juru li l-ark huwa mqiegħed fuq l-iscreen elettroniku u ma jifformawx parti mis-suġġett tat-trade mark”. |
4 |
Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassijiet 7 u 9 sa 11 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
5 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għall-prodotti kollha msemmijin fil-punt 4 iktar ’il fuq, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, għar-raġuni li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv fil-rigward tagħhom. |
6 |
Fis-26 ta’ Awwissu 2011, Sartorius Weighing Technology ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009. |
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2012 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal‑Appell tal‑UASI ċaħad l‑appell għar‑raġuni li t‑trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni ma hijiex ta’ karattru distintiv fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 207/2009. Essenzjalment, huwa kkunsidra li s-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien ikkostitwit minn ark ta’ ċirku isfel miftuħ ’il fuq u mqiegħed fil-parti t’isfel ta’ screen elettroniku. Huwa rrileva li l-prodotti kollha kkonċernati mill-applikazzjoni għal trade mark kienu mgħammra minn screen elettroniku u li l-pubbliku rilevanti, jiġiefieri, il-professsjonisti fl-oqsma industrijali u tekniċi speċjalizzati, ipperċipixxa s-sinjal bħala dekorazzjoni tal-iscreen. Huwa jqis li l-forma rrappreżentata ma tikkomunika ebda informazzjoni li tikkonċerna l-manifattur tal-produttur. Għalhekk, huwa kkonkluda li l-imsemmi sinjal ma kellux il-karattru distintiv minimu meħtieġ sabiex iservi bħala trade mark Komunitarja. |
It-talbiet tal-partijiet
8 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
9 |
L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
10 |
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
11 |
Ir-rikorrenti tqis, kuntrarjament għall-Bord tal-Appell, li s-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni ma huwiex ser jiġi pperċepit mill-pubbliku rilevanti bħala element esklużivament dekorattiv, iżda bħala sinjal oriġinali li għandu karattru distintiv minimu li huwa suffiċjenti sabiex jissodisfa l-funzjoni ta’ trade mark. |
12 |
L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
13 |
Ir-rikorrenti tikkwalifika s-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni bħala “trade mark ta’ pożizzjoni”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la r-Regolament Nru 207/2868 u lanqas ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), ma jsemmu t-“trade marks ta’ pożizzjoni” bħala kategorija partikolari ta’ trade marks. Madankollu, sa fejn l-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 207/2009 ma jinkludix lista eżawrjenti tas-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji, dan il-fatt huwa irrilevanti għall-karattru reġistrabbli ta’ “trade marks ta’ pożizzjoni”. |
14 |
Barra minn hekk, jidher li t-“trade marks ta’ pożizzjoni” huma simili għal kategoriji ta’ trade marks figurattivi u tridimensjonali, peress li dawn ikopru l‑applikazzjoni ta’ elementi figurattivi jew tridimensjonali fuq is-superfiċje ta’ prodott. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tinsistix fuq il-kwalifika tal-imsemmi sinjal figurattiv, tridimensjonali jew ieħor. |
15 |
Madankollu, il-kwalifika ta’ “trade mark ta’ pożizzjoni” bħala trade mark figurattiva jew tridimensjonali jew bħala kategorija speċifika ta’ trade marks hija irrilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2010, X Technology Swiss vs UASI (Għoti tal-kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta), T-547/08, Ġabra p. II-2409, punti 19 sa 21]. |
16 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati. |
17 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens ta’ dan l-artikolu, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u b’hekk li ssir distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs L-UASI, C-473/01 P u C-474/01 P, Ġabra p. I-5173, punt 32, u tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk, C-64/02 P, Ġabra p. I-10031, punt 42). |
18 |
Dan il‑karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall‑prodotti jew għas‑servizzi li għalihom saret l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min‑naħa l‑oħra, b’riferiment għall‑mod kif il‑pubbliku rilevanti jipperċepixxih (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Procter & Gamble vs UASI, punt 17 iktar ’il fuq, punt 33, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punt 25). |
19 |
Madankollu, karattru distintiv minimu huwa biżżejjed sabiex ir-raġuni assoluta ta’ rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 07/2009 ma tapplikax [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2011, Henkel vs UASI (Tablet tonda ħamra u bajda), T-337/99, Ġabra p. II-2597, punt 44, u tad-29 ta’ Settembru 2009, The Smiley Company vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ nofs ta’ tbissima ta’ smiley), T-139/08, Ġabra p. II-3535, punt 16]. |
20 |
Issa, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti tista’ tkun influwenzata min-natura tas‑sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għalhekk, sa fejn il-konsumaturi medji ma għandhomx l-abitudni jassumu l-oriġini kummerċjali tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq sinjali li huma konfużi mad-dehra ta’ dawn l-istess prodotti, tali sinjali huma distintivi fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 biss jekk dawn jitbiegħdu b’mod sinjifikattiv, mill-abitudni jew mill-użanzi tal-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C-136/02 P, Ġabra p. I-9165, punti 30 u 31; tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi Werke vs UASI, C-173/04 P, Ġabra p. I-551, punti 28 u 31; u tal-4 ta’ Ottubru 2007, Henkel vs UASI, C-144/06 P, Ġabra p. I-8109, punti 36 u 37). |
21 |
L-element determinanti għall-applikabbiltà tal-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 20 iktar ’il fuq ma huwiex il-kwalifika tas-sinjal inkwistjoni bħala sinjal figurattiv, tridimensjonali jew ieħor, iżda l-fatt li dan ikun konfuż mad-dehra tal-prodott indikat. Għalhekk, dan il-kriterju ġie applikat, minbarra għat-trade marks tridimensjonali (sentenzi Procter & Gamble vs UASI, punt 17 iktar ’il fuq; Mag Instrument vs UASI, punt 20 iktar ’il fuq), għal trade marks figurattivi li jikkonsistu f’rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-prodott indikat (sentenzi Storck vs UASI, punt 18 iktar ’il fuq, u Henkel vs UASI, punt 20 iktar ’il fuq) jew ukoll għal sinjal li huwa kkostitwit minn element applikat fuq is-superfiċje tal-prodott (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2004, Glaverbel vs UASI, C-445/02 P, Ġabra p. I-6267). Bl-istess mod, il-ġurisprudenza tikkunsidra li l-kuluri u l-abbinamenti astratti tagħhom jistgħu jkollhom karattru intrinsikament distintiv biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, peress li dawn jiġu konfużi mad-dehra tal-prodotti indikati, u li dawn ma humiex, fil-prinċipju, użati bħala mezzi ta’ identifikazzjoni tal-oriġini kummerċjali (ara b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C-104/01, Ġabra p. I-3793, punti 65 u 66, u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C-49/02, Ġabra p. I-6129, punt 39). |
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni tiġix konfuża mad-dehra tal-prodott indikat jew jekk, għall‑kuntrarju, hijiex differenti, b’mod sinjifikattiv, mill-abitudni u mill-użanzi tas-settur ikkonċernat. |
23 |
Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti, b’mod partikolari skont il-punti 3.2.1 u 3.2.2 tar-rikors, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija intiża għall-protezzjoni ta’ sinjal speċifiku mqiegħed f’parti speċifika tal-parti t’isfel tal-istrumenti ta’ kejl indikati, fil-parti ta’ fuq tal-iscreens elettroniċi tagħhom. B’hekk, għalkemm huwa ċar li l-kurvaturi tal-iscreen irrappreżentati fid-disinn riprodott fil-punt 2 iktar ’il fuq ma jifformawx parti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkostitwita minn ark ta’ ċirku isfar, dan tal-aħħar ma jistax jiġi sseparat mill-forma ta’ parti ta’ prodotti msemmija mill-applikazzjoni għal trade. Kif ġustament irrileva l-UASI, l-ark ta’ ċirku isfar msemmi mill-applikazzjoni għal trade mark jadatta għall-forma ta’ kull prodott indikat billi jenfasizza l-kurvatura tiegħu. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li t-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni hija konfuża mad-dehra tal-prodotti indikati u li, konsegwentement, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq hija applikabbli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2009, Lange Uhren vs UASI (Arranġamenti ġeomteriċi fuq il-wiċċ ta’ arloġġ tal‑idejn), T-152/07, Ġabra p. II-144, punti 79 sa 83]. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax tikkritika l-Bord tal-Appell li bbaża ruħu fid-deċiżjoni kkontestata, fuq din l-istess ġurisprudenza. |
24 |
F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li l-prodotti inkwistjoni huma prodotti ta’ natura teknika speċjali u li tipprovdi li huma indirizzati għal professjonisti. |
25 |
Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tipprovdi li dan il-pubbliku rilevanti jagħti “attenzjoni medja sa għolja” lill-prodotti indikati mill-applikazzjoni tat-trade mark. Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa għoli ħafna. Hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma segwiex il-konstatazzjoni tal-eżaminatur f’dan ir-rigward, li ma kinitx ikkontestata mill-partijiet. |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, wara l-eżami tal-mertu tal-appell, il-Bord tal-Appell jiddeċiedi fuq l-appell u jista’, meta jagħmel dan, jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala effett tal-appell kontra deċiżjoni ta’ rifjut mill-eżaminatur għar-reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell jista’ jagħmel eżami ġdid u komplet fil-mertu tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, jiġifieri, f’dan il-każ, jagħti deċiżjoni huwa stess fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni billi jiċħadha jew billi jiddikjaraha fondata u b’hekk jikkonferma jew jannulla d-deċiżjoni kkontestata quddiemu(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul C-29/05 P, Ġabra p. I-2213, punti 56 u 57). |
27 |
Il-Bord tal-Appell seta’ għalhekk jeżerċita l-kompetenzi tal-eżaminatur u jiddeċiedi fuq l-appell billi jiddeċiedi kif għamel fil-punti 12 sa 14 tad-deċiżjoni appellata, fuq id-determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti u tal-livell ta’ attenzjoni tiegħu fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. Dan japplika wkoll għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tiegħu tan-natura distintiva tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
28 |
Fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-applikazzjoni tat-trade mark kienet tikkonċerna magni għal xogħlijiet industrijali inklużi fil-klassi 7, apparat, b’mod partikolari għal finijiet xjentifiċi, inklużi fil-klassi 9, apparat u strumenti mediċi inklużi fil-klassi 10 kif ukoll apparat u installazzjonijiet għat-trattament tal-ilma tax-xorb u għat-trattament ta’ soluzzjonijiet fil-qasam farmaċewtiku, mediku u ta’ laboratorji u tal-installazzjonijiet ta’ filtri għat-tekniki ambjentali, għall-industrija tal-ikel u għall-industrija tax-xorb inklużi fil-klassi 11. Sussegwentement huwa jqis li dawn il-prodotti kienu prodotti tekniċi speċjali li huma indirizzati għal professjonisti li lilhom jingħataw attenzjoni medja sa għolja. |
29 |
Kien mingħajr ma wettaq żball li l-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għat-trade marks li, bħas-sinjal ikkontestat, ma humiex indipendenti mid-dehra tal-prodotti li huma jindikaw, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tkun differenti mill-abitudni jew mill-użanzi tal-qasam ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell applika l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 20 u 21 iktar ’il fuq għall-konsumaturi tal-qasam speċifiku li tirreferi għalih it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, mhux, kif tallega r-rikorrenti, għall-konsumaturi medja in ġenerali. |
30 |
Ir-rikorrenti ma tikkontestax barra minn hekk l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-prodotti kollha kkonċernati mill-applikazzjoni għal trade mark huma mgħammra bi screen elettroniku. Għalhekk, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu, ġustament, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq fatti li jirriżultaw mill-“esperjenza ġenerali prattika mal-iscreens elettroniċi ta’ apparat tekniku, li jistgħu jkunu magħrufa minn kull persuna u li huma barra minn hekk magħrufa, b’mod partikolari, mill-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti”. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni la “aspettattivi jew għarfien minn qabel” u lanqas “użanzi” tal-pubbliku rilevanti. |
31 |
Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell kien intitolat, għaldaqstant, li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti li jistgħu jkunu magħrufa minn kull persuna jew li jistgħu jkunu magħrufa permezz ta’ sorsi ġeneralment aċċessibbli [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz‑Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, Ġabra p. II-1739, punti 28 u 29, u tat-13 ta’ Ġunju 2012, XXXLutz Marken vs UASI – Meyer Manufacturing (CIRCON), T‑542/10, punt 38]. |
32 |
Ir-rikorrenti naqset milli tipproduċi kwalunkwe prova ta’ natura li tikkontesta l-evalwazzjoni li tipprovdi li l-professjonisti li jifformaw il-pubbliku rilevanti jagħtu attenzjoni medja sa għolja lill-prodotti inkwistjoni. Fil-fatt, hija tirreferi sempliċement, minn naħa, għall-argumenti li jinsabu fin-noti tagħha stess ippreżentati quddiem l-istanzi tal-UASI u, min-naħa l-oħra, għall-Annessi A.6 sa A.14 tar-rikors. L-imsemmija annessi jinkludu fuljetti għal prodotti allegatament komparabbli mal-prodotti inkwistjoni iżda r-rikorrenti ma tindikax kif dawn il-fuljetti jistgħu jipprovaw li “l-pubbliku rilevanti huwa għalhekk ikkostitwit minn speċjalisti interessati u informati ħafna aħjar mill-medja, li l-attenzjoni tagħhom tinġibed mid-dettalji żgħar tal-preżentazzjoni tal-prodotti kkonċernati”. Għaldaqstant, l-ewwel parti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motiv uniku tagħha għandha tiġi miċħuda. |
33 |
Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li dawn il-fuljetti, inkluż dak tar-rikorrenti li jinsab fl-Anness A.14, jippreżentaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodotti inkwisjtoni, ġeneralment taħt il-forma ta’ tabella, li jimplika li l-konsumaturi — jekk jiġi preżunt li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom ikun għoli ħafna, kif ukoll tallega r-rikorrenti — jibbażaw ruħhom fuq dawn id-dettalji tekniċi pjuttost milli fuq l-aspett fiżiku tal-imsemmija prodotti waqt ix-xiri tagħhom. |
34 |
Fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
35 |
Għandu jitfakkar li, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minkejja l-analiżi tal-Bord tal-Appell, huwa obbligu tagħha li tipprovdi indikazzjonijiet konkreti u sostanzjati li jistgħu jistabbilixxu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha jew karattru distintiv intrinsiku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C-238/06 P, Ġabra p. I-9375, punt 50). |
36 |
Mid-deskrizzjoni tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, li tinsab fil-punt 3 iktar ’il fuq, jirriżulta li dan jikkonsisti f’ark ta’ ċirku isfar miftuħ il-ftuħ u mqiegħed fuq screen elettroniku f’post speċifiku. Għaldaqstant il-Bord tal-Appell qies ġustament, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, li dan is-sinjal ma kienx indipendenti mid-dehra tal-prodotti li huwa jindika. |
37 |
Il-Bord tal-Appell qies li l-fatt li ark ta’ ċirku jitqiegħed fil-part ta’ barra tal-muntatura ta’ screen elettroniku kien jikkostitwixxi, mill-perspettiva tal-konsumatur tal-prodotti inkwistjoni, sempliċi dekorazzjoni tal-iscreen. Il-konsumatur ma pperċepixxiex din id-dekorazzjoni partikolarment sempliċi bħala l-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti. Il-Bord tal-Appell irrileva li, minkejja l-fatt li l-konsumatur ġeneralment ma jagħti ebda attenzjoni, jew jagħti biss ftit attenzjoni, lid-dehra estetika tal-iscreens, xejn ma kien jindika li prodotti intiżi għall-finijiet industrijali ġeneralment ma jippreżentaw ebda element estetiku. |
38 |
Din l-analiżi tal-Bord tal-Appell għandha tintlaqa’. Hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm l-apparat imsemmi fl-applikazzjoni għal trade mark huma ġeneralment ta’ dehra serja, huma ma humiex kompletament nieqsa mid-dehra estetika. Fil-fatt, mill-Anness A.6 sa A.14 tar-rikors jirriżulta li huwa komuni li jiġi inkluż element ta’ kulur fid-display, madwar l-iscreen ta’ dan l-apparat, jew fuq il-buttuni ħdejn l-iscreen, jew f’kulur jgħajjat fuq il-muntatura tal-iscreen stess. B’mod partikolari, wieħed mill-produtturi, li l-fuljett tiegħu jinsab fl-Anness A.12, iwaħħal erba’ linji kkurvati bil-kulur isfar jgħajjat madwar l-iscreen. Bid-differenza tar-rikorrenti, il-produtturi l-oħra li l-fuljetti tagħhom ġew annessi mar-rikors jinkludu isimhom fuq l-iscreen fuq il-prodotti tagħhom. Għaldaqstant il-konsumatur huwa mdorri jara elementi ta’ kulur fuq l-apparat imsemmija mill-applikazzjoni għat-trade mark. Huwa jipperċepixxihom bħala element dekorattiv u mhux bħala l-indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti, speċjalment li, b’mod ġenerali, il-produtturi tagħhom iwaħħlu hemmhekk isimha sabiex jindikaw il-provenjenza tagħhom. |
39 |
Is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jirrappreżenta element sempliċi. Minkejja l-kulur jgħajjat tiegħu, huwa ma jinkludi ebda element impressjonanti li jiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, għalkemm dan tal-aħħar għandu jitqies li għandu attenzjoni għolja. Kif jirriżulta mill-punt 38 iktar ’il fuq u kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, huwa komuni, fis-settur inkwistjoni, li tiġi inkluża tali “indikazzjoni viżwali” ta’ kulur madwar l-iscreen tal-apparat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostniex li grad ta’ lewn isfar speċifiku ġie inkluż mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tippreżenta ebda karattru uniku, oriġinali jew mhux tas-soltu. |
40 |
In-nuqqas ta’ effett tekniku jew funzjonali tal-pożizzjonament tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, imqajjem mir-rikorrenti, ma jqiegħedx inkwistjoni din l-evalwazzjoni. Sabiex ikollu grad minimu ta’ element distintiv kif meħtieġ fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għandu jidher biss a priori kapaċi, fih innifsu, li jippermetti lill-pubbliku rilevanti li jidentifika l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u sabiex jiddistingwihom minn dawk ta’ impriżi oħra, mingħajr konfużjoni possibbli, minn dawk li ġejjin minn provenjenza oħra [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2007, IVG Immobilien vs UASI (I), T-441/05, Ġabra p. II-1937, point 55]. Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Is-sinjal li għaliha saret l-applikazzjoni ma jinkludi ebda element karatteristiku, la ta’ natura importanti jew attraenti, li jista’ jikkonferixxilu grad minimu ta’ karattru distintiv u li jippermetti lill-konsumatur li jipperċepixxih bħala xi ħaġa oħra minn dekorazzjoni tipika tad-display tal-prodotti fil-klassijiet 7 u 9 sa 11. |
41 |
Għalhekk, is‑sempliċi fatt li trade marks oħra, anki meta huma stess kienu wkoll sempliċi, tqiesu li għandhom il‑kapaċità li jindikaw l-oriġini tal-prodotti indikati u, għaldaqstant, li ma għandhomx karattru distintiv, ma huwiex deċiż sabiex jiġi ddeterminat jekk it‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandhiex ukoll il‑karattru distintiv minimu meħtieġ sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rappreżentazzjoni ta’ nofs ta’ tbissima ta’ smiley, punt 19 iktar ’il fuq, punt 34). Madankollu, huwa possibbli għal trade mark li takkwista karattru distintiv permezz tal-użu tagħha ratione temporis, iżda r-rikorrenti ma ressqet ebda argument abbażi tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 f’dan il-każ. |
42 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord tal‑Appell ma wettaqx żball meta kkonstata li, minħabba n‑nuqqas ta’ diverġenza sinjifikattiva mill-abitudni jew mill-użanzi tal-qasam inkwistjoni, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi pperċepita mill‑pubbliku rilevanti bħala element dekorattiv u, konsegwentement, ma kinitx ta’ karattru distintiv skont l‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan l-uniku motiv għandha tiġi miċħuda. |
43 |
Peress li ż-żewġ partijiet tal-motiv huma miċħuda, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
44 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill‑UASI, kif mitlub minn dan tal-aħħar. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla) Taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Frimodt Nielsen Dehousse Collins Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Frar 2014. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.