SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

3 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali NEO — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Assenza ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 — Portata tal-eżami li għandu jsir mill-Bord tal-Appell — Eżami tal-mertu suġġett għall-ammissibbiltà tar-rikors — Artikoli 59 u 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 — Eżami ex officio tal-fatti — Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009”

Fil-Kawża T-236/12,

Airbus SAS, stabbilita f’Blagnac (Franza), irrappreżentata minn G. Würtenberger u R. Kunze, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-23 ta’ Frar 2012 (Każ R 1387/2011-1), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali NEO bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President tal-Awla, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2012,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Settembru 2012,

wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit-23 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti, Airbus SAS, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija s-sinjal verbali NEO.

3

Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 7, 12 u 39 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

klassi 7: “Magni tal-ajruplani; magni u għodda tal-magni, b’mod partikolari għall-produzzjoni u t-tiswija tal-magni għall-aeronawtika; magni li ma humiex għal vetturi ta’ fuq l-art; komponenti li jigganċjaw il-magni u għat-trasmissjoni (minbarra għal vetturi ta’ fuq l-art); turbini li ma humiex għal vetturi ta’ fuq l-art; sistemi (awżiljarji) ta’ enerġija; partijiet u komponenti ta’ konnessjoni għall-prodotti msemmija qabel”;

klassi 12: “Vetturi; apparat għall-lokomozzjoni fuq l-art, fl-ajru, fil-baħar jew ferrovjarja; inġenji tal-ajru; vetturi spazjali; satelliti; lanċaturi għal vetturi spazjali; blalen tal-ajru bl-arja; aerostrutturi; apparat aeronawtiku, magni u apparat; skrejjen għad-dgħajjes; vetturi militari għat-trasport, b’mod partikolari permezz tal-ajru, partijiet u komponenti ta’ konnessjoni għall-prodotti kollha msemmija qabel”;

klassi 39: “Servizzi ta’ navigazzjoni; trasport bl-ajru; servizzi ta’ mħażen għall-inġenji tal-ajru u komponenti tal-inġenji tal-ajru; servizzi ta’ irkuprar u riċiklaġġ ta’ inġenji tal-ajru u ta’ komponenti ta’ inġenji tal-ajru; servizzi ta’ ċertifikazzjoni u ċertifikazzjoni mill-ġdid ta’ vetturi; ittestjar tekniku tat-titjiriet ta’ inġenji tal-ajru; servizzi ta’ ġestjoni ta’ traffiku fl-ajru; servizzi ta’ sigurtà fl-ajru; servizzi ta’ tħaddim tal-ajruporti; servizzi għall-mili mill-ġdid tal-karburanti tal-vetturi; servizzi tal-mili mill-ġdid għat-titjiriet ta’ inġenji tal-ajru”.

4

Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Mejju 2011, l-UASI nnotifikat lir-rikorrenti d-deċiżjoni tiegħu li tgħid li t-trade mark ma kinitx ammissibbli għal reġistrazzjoni għall-prodotti koperti mill-applikazzjoni li jaqgħu taħt il-klassijiet 7 u 12 skont l-Artikolu 7(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu r-reġistrazzjoni ġiet awtorizzata għas-servizzi fil-klassi 39.

5

Fis-6 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-UASI, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni fl-intier tagħha.

6

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell.

7

Preliminarjament, il-Bord tal-Appell innota li, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa kien kompetenti sabiex jieħu f’idejh l-eżami ex officio tal-applikazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet assoluti kollha għal rifjut stabbiliti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, mingħajr ma kien bl-ebda mod limitat mir-raġunament tal-eżaminatur. Minn dan huwa kkonkluda li kellu s-setgħa li jiftaħ mill-ġdid l-eżami anki fir-rigward tas-servizzi li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet ġiet aċċettata mill-eżaminatur.

8

Qabel kollox, il-Bord tal-Appell eżamina l-appell mill-perspettiva tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan ir-rigward, huwa nnota li, fil-każ ineżami, il-prodotti u s-servizzi kienu indirizzati kemm lill-pubbliku inġenerali kif ukoll lill-professjonisti. Skont il-Bord, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi, il-konsumatur juri livell għoli ta’ attenzjoni. Huwa kkunsidra wkoll li l-pubbliku professjonali, per definizzjoni, kien jimmanifesta livell ogħla ta’ attenzjoni.

9

Il-Bord tal-Appell sussegwentement ikkonstata li s-sinjal ikkontestat kien magħmul mill-prefiss “neo”, li jfisser “ġdid” f’minn tal-inqas sitt lingwi tal-Unjoni Ewropea: l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ispanjol u l-Portugiż. Il-fatt li l-element verbali “neo” ma jidher qatt waħdu u li huwa dejjem użat bħala prefiss ma jbiddilx din il-konklużjoni. Fil-fatt, skont il-Bord, b’differenza minn prefissi oħra, it-terminu “neo” għandu sinjifikat ċar u speċifiku. Barra minn hekk, it-terminu “neo” kien joqgħod waħdu u jfisser “ġdid” fil-Grieg modern. Il-Bord tal-Appell, barra minn hekk, ikkonstata li, fil-lingwi msemmija iktar ’il fuq, il-konsumatur rilevanti kellu jiddeduċi li t-terminu “neo” nnifsu kien jirreferi għal xi ħaġa ġdida, moderna jew skont l-aħħar żviluppi teknoloġiċi. Għalhekk, is-sinjal inkwistjoni kien sempliċiment ta’ foħrija u intiż li jenfasizza l-kwalitajiet pożittivi tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

10

Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li s-sinjal NEO, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, seta’ jservi sabiex jindika karatteristika essenzjali u mixtieqa tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom kienet saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa qies li l-fatt li l-prodotti jew s-servizzi kienu ġodda jew aġġornati għall-użu skont l-aħħar standards teknoloġiċi kien kwalità attraenti għall-konsumaturi rilevanti, sew jekk dawn huma professjonisti sew jekk huma membri tal-pubbliku inġenerali.

11

Sussegwentement il-Bord tal-Appell eżamina l-appell mill-perspettiva tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. F’dan ir-rigward, huwa nnota li l-kelma “neo” kienet ġenerika u użata f’diversi kuntesti bħala terminu ta’ foħrija jew promozzjonali, peress li kien jirreferi għal xi ħaġa li jew kienet ġdida, jew skont l-aħħar żviluppi teknoloġiċi. Skont il-Bord ma kien hemm xejn li jfixkel lill-konsumatur rilevanti mit-tifsira komuni tal-kelma eżaminata. Għalhekk ma kien hemm xejn fil-kelma “neo” li, lil hinn mis-sinjifikat bażiku promozzjonali jew ta’ foħrija tagħha, jippermetti li l-pubbliku rilevanti jiftakruha faċilment u minnufih bħala trade mark distintiva għall-prodotti u s-servizzi kkonċernati. Minn dan il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-pubbliku rilevanti ma kienx iqis li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tindika l-oriġini tal-prodotti kollha li hija kienet tkopri.

12

Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma setgħetx titqies bħala li tista’ tiġi rreġistrata minħabba s-sempliċi fatt li jista’ jkun li l-UASI kien aċċetta sinjali li r-rikorrenti tikkunsidra bħala li jixxiebhu.

13

Għalhekk, il-Bord tal-Appell iddeċieda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn kull karattru distintiv li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi li għalihom kienet ġiet mitluba r-reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 u li, konsegwentement, ġustament “l-eżaminatur [kien] irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata”.

It-talbiet tal-partijiet

14

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

15

L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors għal annullament fl-intier tiegħu;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

16

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 64(1) u tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 u r-raba’ nett, fuq ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 64(1) u tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009

17

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, billi reġa’ eżamina l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja dwar is-servizzi fil-klassi 39 u li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet ġiet awtorizzata mill-eżaminatur., il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 64(1) u l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009.

18

L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li l-Bord tal-Appell aġixxa b’mod adegwat, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-ġurisprudenza.

19

Għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv iqajjem il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Bord tal-Appell tal-UASI, li quddiemu tressaq appell ippreżentat mill-applikant tat-trade mark kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur, sabiex jeżamina l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja inkwistjoni fid-dawl tar-raġunijiet assoluti għal rifjut għall-prodotti u għas-servizzi kollha kkonċernati minn din l-applikazzjoni, filwaqt li l-eżaminatur, mentri awtorizza r-reġistrazzjoni għas-servizzi, iddeċieda li jirrifjuta r-reġistrazzjoni għall-prodotti u li r-rikorrenti talbet lill-Bord tal-Appell għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

20

F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies li, bis-saħħa tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa kellu l-kompetenza li ex officio jerġa’ jeżamina l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja għall-prodotti u għas-servizzi kollha kkonċernati mill-applikazzjoni fid-dawl tar-raġunijiet assoluti kollha għal rifjut stabbiliti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009, għalkemm l-eżaminatur kien diġà awtorizza r-reġistrazzjoni għas-servizzi kkonċernati minn din l-applikazzjoni.

21

Għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, wara l-eżami tal-mertu tal-appell, il-Bord tal-Appell jiddeċiedi fuq l-appell u jista’, meta jagħmel dan, jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala effett tal-appell kontra deċiżjoni ta’ rifjut mill-eżaminatur għar-reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell jista’ jagħmel eżami ġdid u komplet fil-mertu tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, jiġifieri f’dan il-każ, jagħti deċiżjoni huwa stess fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni billi jiċħadha jew billi jiddikjaraha fondata u b’hekk jikkonferma jew jannulla d-deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul C-29/05 P, Ġabra p. I-2213, punti 56 u 57).

22

Din is-setgħa li jagħmel eżami ġdid u komplet fil-mertu tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, hija madankollu suġġetta għall-ammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu 2011, Claro vs UASI, C-349/10 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 44).

23

Issa, f’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009 tippreċiża li “kull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-partijiet fi proċedimenti quddiem l-UASI jistgħu jappellaw quddiem il-Bord tal-Appell kontra d-deċiżjoni meħuda minn istanza inferjuri biss sa fejn din id-deċiżjoni tkun ċaħdet il-pretensjonijiet jew t-talbiet tagħhom. Sa fejn id-deċiżjoni tal-istanza inferjuri, għal kuntrarju, tilqa’ l-pretensjonijiet ta’ parti, din tal-aħħar ma hijiex ammessa li tippreżenta appell quddiem il-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2011, Völkl vs UASI – Marker Völkl (VÖLKL), T-504/09, Ġabra p. II-8179, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata].

24

Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li, meta, bħal f’dan il-każ, l-eżaminatur jirrifjuta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja biss għall-prodotti kkonċernati minn din l-applikazzjoni, filwaqt li jawtorizza r-reġistrazzjoni għas-servizzi kkonċernati minn din l-applikazzjoni, l-appell ippreżentat mill-applikant għat-trade mark quddiem il-Bord tal-Appell jista’ jirrigwarda biss ir-rifjut tal-eżaminatur li jawtorizza r-reġistrazzjoni għall-prodotti kkonċernati mill-applikazzjoni. L-awtorizzazzjoni tal-eżaminatur li jirreġistra applikazzjoni bħal din għas-servizzi ma tistax, min-naħa l-oħra, tkun effettivament is-suġġett ta’ appell tal-imsemmi applikant quddiem il-Bord tal-Appell.

25

Konsegwentement, għalkemm huwa minnu li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appell intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-eżaminatur fl-intier tagħha, jibqa’ l-fatt li, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009, azzjoni titressaq b’mod regolari quddiem il-Bord tal-Appell biss sa fejn l-istanza inferjuri tkun ċaħdet il-pretensjonijiet tar-rikorrenti.

26

Isegwi li l-Bord tal-Appell mar lil hinn mill-kompetenzi tiegħu, kif definiti mill-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 59 tal-istess regolament, sa fejn huwa reġa’ eżamina mill-ġdid ex officio l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja għas-servizzi kkonċernati mill-imsemmija applikazzjoni fid-dawl tar-raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 u sa fejn huwa kkonstata li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet nieqsa minn kull karattru distintiv li jippermetti li ssir distinzjoni fost dawn is-servizzi fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u l-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament.

27

Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet iddikjarata deskrittiva u nieqsa minn kull karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward tas-servizzi fil-klassi 39 u li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet ġiet awtorizzata mill-eżaminatur.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b)u (c) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009

28

Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma pproduċiex il-prova li l-prefiss “neo”, waħdu, kellu sinjifikat ċar u speċifiku li huwa mill-ewwel rikonoxxibbli fis-setturi professjonali kkonċernat. Barra minn dan, jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-setturi professjonali kkonċernat jiltaqgħu mat-trade mark “NEO” fil-“format li għaliha saret l-applikazzjoni”, jiġifieri b’ittri kapitali, użata bħala slogan u mingħajr ma tkun marbuta ma xi kuntest partikolari (testwali), fuq, pereżempju, l-istruttura ta’ ajruplan, ma jistax verament jiġi miċħud li din l-istess trade mark għandha tkun ikkunsidrata bħala indikazzjoni tal-oriġini li għandha karattru distintiv.

29

L-UASI jsostni li r-rikorrenti ma pproduċietx il-prova li l-konsumaturi Griegi ma kellhomx jipperċepixxu t-terminu “neo” bħala li għandu sinjifikat deskrittiv u mhux distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Kif ġie spjegat fil-paragrafu 25 tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu “neo” kien joqgħod waħdu fil-Grieg u jfisser “ġdid”. Huwa raġonevoli li jiġi preżunt li, fost il-konsumaturi rilevanti, minn tal-inqas il-konsumaturi Griegi għandhom jipperċepixxu dan it-terminu bħala li għandu, prinċipalment, sens direttament deskrittiv u ta’ foħrija, jiġifieri li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni huma ġodda. L-argumenti tar-rikorrenti dwar il-kitba tat-terminu “neo” b’ittri kapitali jew l-użu tiegħu fil-kuntesti speċifiċi ma jippermettux li jpattu għall-impressjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ dan it-terminu.

30

Għandu jiġi rrilevat li, peress li mill-analiżi tal-ewwel motiv jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-Artikolu 64(1) moqri flimkien mal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009, sa fejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ġiet iddikjarata bħala li ma għandhiex karattru distintiv fir-rigward tas-servizzi li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet ġiet awtorizzata mill-eżaminatur, dan il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi ttrattat biss fir-rigward tal-prodotti li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet ġiet irrifjutata mill-eżaminatur.

31

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi huma rrifjutati milli jiġu rreġistrati.

32

Sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa neċessarju li jkollu relazzjoni suffiċjentement diretta u konkreta mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’mod li tippermetti li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi mill-ewwel, u mingħajr l-ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ xi waħda mill-karatteristiċi tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-għażla tal-leġiżlatur tat-terminu “karatteristika” tenfasizza l-fatt li s-sinjali kkonċernati mill-imsemmija dispożizzjoni huma biss dawk li jservu sabiex tiġi indikata proprjetà, faċilment rikonoxxibbli mis-setturi kkonċernati, tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal tista’ tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 biss jekk ikun raġonevoli li jiġi previst li huwa ser ikun effettivament rikonoxxut mis-setturi kkonċernati bħala deskrizzjoni ta’ waħda mill-karatteristiċi msemmija [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 2012, Leifheit vs UASI (EcoPerfect), T-328/11, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata].

33

Billi jipprojbixxi r-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ta’ tali sinjali jew indikazzjonijiet, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 isegwi għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet li jiddeskrivu l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi, għalhekk, li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-10 ta’ Frar 2010, O2 (il-Ġermanja) vs UASI (Homezone), T-344/07, Ġabra p. II-153, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata].

34

Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal għandha tiġi rrifjutata meta jkollu karattru deskrittiv jew ma jkollux karattru distintiv fil-lingwa ta’ Stat Membru, minkejja li jkun jista’ jiġi rreġistrat fi Stat Membru ieħor [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Novembru 2011, Geemarc Telecom vs UASI – Audioline (AMPLIDECT), T-59/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata].

35

Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li l-prodotti kkonċernati mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni huma indirizzati kemm għall-pubbliku b’mod ġenerali kif ukoll għall-professjonisti u li dan il-pubbliku rilevanti għandu jkollu livell għoli ta’ attenzjoni.

36

Ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-kelma “neo” tista’ toqgħod waħedha fil-Grieg modern u tfisser “ġdid” f’din il-lingwa, kif il-Bord tal-Appell innota fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata.

37

Għal dak li jirrigwarda l-użu tas-sinjal NEO bil-Grieg modern għall-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-konsumatur rilevanti kellu jiddeduċi li t-terminu “neo” nnifsu kien jirreferi għal xi ħaġa ġdida, moderna jew skont l-aħħar żviluppi teknoloġiċi mingħajr ma jkollu jagħmel operazzjonijiet mentali kumplessi u li f’din il-lingwa, dan is-sinjal kien sempliċiment ta’ foħrija u intiż li jenfasizza l-kwalitajiet pożittivi tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, meta stabbilixxa dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu fuq il-fatti li jirriżultaw mill-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, kif huwa kellu d-dritt li jagħmel [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2011, Vuitton Malletier vs UASI – Friis Group International (Rappreżentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ sokra), T-237/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 49].

38

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-pubbliku rilevanti jkollu livell għoli ta’ attenzjoni.

39

Kif ġustament jirrimarka l-UASI, huwa wkoll irrilevanti, f’dan ir-rigward, li s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkun miktub b’ittri kapitali u għandu jintuża bħala slogan. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, trade mark verbali hija trade mark ikkostitwita esklużivament minn ittri, minn kliem jew minn assoċjazzjoni ta’ kliem, miktuba b’ittri stampati b’tipa standard, mingħajr element grafiku speċifiku. Il-protezzjoni miksuba mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark verbali tirrigwarda l-kelma indikata fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u mhux l-aspetti grafiċi jew stilistiċi partikolari li din it-trade mark jista’ eventwalment ikollha [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2008, Radio Regenbogen Hörfunk in Baden vs UASI (RadioCom), T-254/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq it-terminu “neo” b’ittri kapitali u fuq l-użu tiegħu bħala slogan għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

40

Fl-isfond ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, ġustament, li s-sinjal NEO huwa deskrittiv mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti li jafu l-Grieg modern. Peress li l-identifikazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’parti mill-Unjoni tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar l-eventwali karattru deskrittiv tas-sinjal għall-prodotti inkwistjoni fil-lingwi l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

41

Għalhekk, l-ilment bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 7(1)(c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi rrifjutat.

42

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jitfakkar li teżisti ċerta sovrappożizzjoni bejn il-l-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament sa fejn is-sinjali deskrittivi msemmija fl-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament huma wkoll nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament. L-aħħar waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tiddistingwi ruħha mill-ewwel waħda billi tkopri ċ-ċirkustanzi kollha li fihom sinjal ma jkunx ta’ natura li jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C-51/10 P, Ġabra p. I-1541, punti 46 u 47).

43

Fil-każ ineżami l-Bord tal-Appell ibbaża l-konklużjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni fuq il-karattru deskrittiv tas-sinjal inkwistjoni, billi kkonstata, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma “neo” hija ġenerika u tintuża f’diversi kuntesti bħala terminu ta’ foħrija jew promozzjonali, li jirreferi għal xi ħaġa li jew kienet ġdida, jew skont l-aħħar żviluppi teknoloġiċi, u li ma kien hemm xejn li jfixkel lill-konsumatur rilevanti mit-tifsira komuni tal-kelma eżaminata.

44

Kif ġie indikat fil-punt 40 iktar ’il fuq, is-sinjal NEO għandu jiġi kklassifikat bħala deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti li jaf il-Grieg modern għall-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni tal-karattru deskrittiv tas-sinjal NEO hija suffiċjenti, waħedha, sabiex jiġi kkunsidrat li huwa wkoll nieqes minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bil-Grieg modern u mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti.

45

Peress li l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’parti mill-Unjoni tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex r-reġistrazzjoni tagħha tiġi rrifjutata bis-saħħa tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ma huwiex neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar l-eventwali karattru distintiv tagħha fil-lingwi l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

46

Isegwi li l-Bord tal-Appell seta’ jikkonkludi, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi, li s-sinjal NEO kien totalment nieqes minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għall-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

47

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009

48

Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn huwa injora l-prassi ta’ reġistrazzjoni preċedenti tal-UASI u tal-uffiċċji nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni u sa fejn ma ħax inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-UASI li jittrattaw it-trade mark NEO. Hija ssostni li l-Bord tal-Appell ta deċiżjoni li tmur kontra l-prassi tal-UASI mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva u ddettaljata sabiex isostni l-opinjoni diverġenti tiegħu. Hija tqis li, meta ma ħax inkunsiderazzjoni r-reġistrazzjonijiet tat-trade mark NEO fl-Istati Membri tal-Unjoni, il-Bord tal-Appell kiser id-dritt tagħha għal smigħ kif ukoll id-dritt tagħha għal motivazzjoni kompleta għad-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-argument tal-Bord tal-Appell, li jgħid li l-prefiss “neo” jfisser “ġdid” f’minn tal-inqas sitt lingwi tal-Unjoni, ma josservax l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009. Skont ir-rikorrenti, l-argument huwa vag wisq sabiex ikun jista’ jippermettilu jistabbilixxi l-portata tar-raġunijiet għar-rifjut. Min-naħa l-oħra, huwa meħtieġ li hija tkun taf liema huma l-Istati Membri b’mod partikolari li l-Bord tal-Appell iqis li japplika għalihom ir-rifjut, meta jitqies il-fatt li hija tista’ tkun tixtieq tibdel l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni għal trade mark Komunitarja f’applikazzjonijiet nazzjonali.

49

L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jsostni li l-Bord tal-Appell la kien marbut mil-prassi preċedenti tiegħu, u lanqas ma kien marbut mil-prassi tal-uffiċċji nazzjonali u li l-Bord espona korrettament r-raġunijiet f’dan ir-rigward. Barra minn hekk huwa jenfasizza li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li l-Artikolu 7(1) tal-istess regolament japplika anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut jeżistu biss f’parti mill-Unjoni. F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell speċifika minn tal-inqas sitt lingwi li fihom it-trade mark hija deskrittiva. L-UASI iżid ukoll li l-proċedura ta’ trasformazzjoni prevista mir-Regolament Nru 207/2009 tirrikjedi biss għażla għall-applikant tat-trade mark, peress li l-ilment ibbażat fuq l-impossibbiltà li tiġi stabbilita l-portata territorjali tar-rifjut fl-eventwalità ta’ applikazzjoni għal trasformazzjoni tikkonċerna biss sitwazzjoni legali futura u inċerta. Issa, rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu biex jitlob l-annullament tal-att ikkontestat.

50

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prassi deċiżjonali tal-UASI, għandu jitfakkar li dan tal-aħħar huwa obbligat li jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-UASI għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens. Madankollu l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandha tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-legalità. Għalhekk, il-persuna li tressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor bil-għan li tikseb deċiżjoni identika. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu. Għaldaqstant, eżami bħal dan għandu jsir f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt xi raġuni għal rifjut [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Novembru 2012, Hartmann vs UASI (Nutriskin Protection Complex), T-415/11, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata].

51

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, abbażi ta’ eżami komplet u billi ħa inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, li fil-Grieg modern it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet tikkostitwixxi indikazzjoni evidenti tan-natura u tal-kwalità tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Kif jirriżulta mill-punti 40 sa 46 iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni hija biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi sostnut li r-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali NEO bħala trade mark Komunitarju hija ostakolata, fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, mir-raġunijiet assoluti għal rifjut tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Isegwi li, għal kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni tas-sinjal verbali NEO bħala trade mark Komunitarja għall-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni saret skont l-ġurisprudenza, abbażi ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

52

Għaldaqstant, peress li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura reġistrabbli tas-sinjal NEO bħala trade mark Komunitarja għall-prodotti inkwistjoni hija stabbilita direttament abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq jirriżulta li hija ma tistax tiġi kkontestata minħabba s-sempliċi fatt li fil-każ ineżami l-Bord tal-Appell ma kienx mexa mal-prassi deċiżjonali tal-UASI.

53

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prassi ta’ reġistrazzjoni tal-uffiċċji nazzjonali tal-Istati Membri, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-reġistrazzjonijiet li diġà saru fl-Istati Membri jikkostitwixxu biss elementi li, mingħajr ma huma determinanti, jistgħu biss jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2012, Asa vs UASI – Merck (FEMIFERAL), T-110/11, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fil-fatt, peress li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, l-UASI u, skont il-każ, il-qorti tal-Unjoni, ma humiex marbuta b’deċiżjoni li ttieħdet minn Stat Membru li ddeċidiet favur in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark nazzjonali [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T-304/06, Ġabra p. II-1927, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata].

54

Peress li, fil-każ ineżami, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda n-natura reġistrabbli tas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja għall-prodotti inkwistjoni hija stabbilita direttament abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), hija ma tistax tiġi kkontestata minħabba s-sempliċi fatt li fil-każ ineżami l-Bord tal-Appell ma kienx mexa mal-prassi deċiżjonali ta’ xi uffiċċji nazzjonali tal-Istati Membri.

55

Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet u fl-aħħar lok, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn l-argument tal-Bord tal-Appell huwa vag wisq, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Bord tal-Appell minħabba l-fatt li afferma, b’mod ġenerali, li l-prefiss “neo” jfisser “ġdid”“f’minn tal-inqas sitt lingwi tal-Unjoni”. Skont ir-rikorrenti, din il-konstatazzjoni ma tippermettilhiex tieħu deċiżjoni dwar l-Istati Membri fejn hija tista’ titlob għat-trasformazzjoni tal-applikazzjoni tagħha minn trade mark Komunitarja għal applikazzjoni għal trade mark nazzjonali bis-saħħa tal-Artikoli 112 et seq tar-Regolament Nru 207/2009. Peress li r-rikorrenti tista’ titlob għat-trasformazzjoni biss fl-Istati Membri fejn ir-raġuni għal rifjut għal reġistrazzjoni mill-UASI ma tapplikax, kienet neċessarja analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni legali fir-rigward tad-diversi Stati Membri. Minħabba l-fatt li l-Bord tal-Appell ma pprovdiex din l-analiżi dettaljata, il-Bord tal-Appell allegatament kiser l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009.

56

Skont l-Artikolu 112(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, trasformazzjoni ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew ta’ trade mark Komunitarja f’applikazzjoni għal trade mark nazzjonali ma għandhiex isseħħ għall-iskop ta’ protezzjoni fi Stat Membru fejn, skont id-deċiżjoni tal-UASI, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija effettwata minn raġuni għar-rifjut tar-reġistrazzjoni, ta’ revoka jew ta’ invalidità.

57

Madankollu għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni timponi biss fuq l-UASI li josserva l-kontenut ta’ deċiżjoni bħal din meta hija teżisti. Min-naħa l-oħra din id-dispożizzjoni ma tistax tidderoga mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 li jipprevedi li r-raġunijiet assoluti għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tal-istess regolament japplikaw anki jekk dawn ir-raġunijiet għal rifjut jeżistu biss f’parti mill-Unjoni. Issa interpretazzjoni tal-Artikolu 112(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 fis-sens li l-Bord tal-Appell, meta jkun qed jiddeċiedi dwar appell kontra r-rifjut ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni mill-eżaminatur minħabba fil-karattru deskrittiv u mhux distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa obbligat li jipproċedi għal analiżi dettaljata tal-karattru distintiv tas-sinjal fl-Istati Membri kollha anki jekk huwa evidenti li huwa jippreżenta, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti u għall-prodotti u għas-servizzi msemmija mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, karattru deskrittiv f’lingwa ta’ Stat Membru wieħed, tkun tammonta għal żnaturament tal-kontenut tar-regola prevista mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

58

Isegwi li ma hemm xejn li jippermetti li jitqies li l-Artikolu 112(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 75 tal-imsemmi regolament, huwa intiż ukoll li jimponi fuq il-Bord tal-Appell, meta jkun qed jiddeċiedi dwar ir-rikors kontra r-rifjut ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni mill-eżaminatur minħabba fil-karattru deskrittiv u mhux distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’parti mill-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, l-obbligu li jipproċedi għal analiżi ddettaljata tal-karattru distintiv tas-sinjal għas-servizzi u għall-prodotti msemmija fl-applikazzjoni fl-Istati Membri kollha.

59

Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009

60

Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 peress li ma sostniex d-deċiżjoni tiegħu permezz ta’ provi tal-użu ġeneriku, ta’ foħrija u promozzjonali tal-isem “neo”, meħud waħdu, fil-kors tan-negozju, b’mod partikolari fil-qasam tal-attività kkonċernata f’dan il-każ kif ukoll f’minn tal-inqas sitt lingwi Ewropej. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell straħ fuq dikjarazzjonijiet ġeneriċi u mhux iġġustifikati mingħajr ma eżamina l-fatti fil-każ ineżami.

61

L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

62

Għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li bis-saħħa tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 l-UASI huwa obbligat li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh sabiex japplika raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1) tal-istess regolament, jibqa’ l-fatt li, sa fejn rikorrent jinvoka l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, minkejja l-analiżi tal-Bord tal-Appell, huwa r-rikorrent stess li għandu jipprovdi indikazzjonijiet konkreti u sostanzjati li jistabbilixxu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha jew karattru distintiv intrinsiku, jew karattru distintiv miksub permezz ta’ l-użu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C-238/06 P, Ġabra. p. I-9375, punti 49 u 50).

63

Fil-każ ineżami, il-Bord tal-Appell ibbaża l-konklużjoni tiegħu dwar il-karattru deskrittiv u mhux distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, b’mod partikolari, fuq il-konstatazzjoni li l-kelma “neo” kienet toqgħod waħedha fil-Grieg modern u tfisser “ġdid” f’din il-lingwa, b’tali mod u manjiera li bis-sinjal NEO bil-Grieg modern u għal dak li jirrigwarda l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni l-pubbliku rilevanti jiddeduċi li l-imsemmi sinjal kien jirreferi għal xi ħaġa ġdida, moderna jew skont l-aħħar żviluppi teknoloġiċi.

64

Kif ġie nnotat fil-punti 35 u segwenti iktar ’il fuq, din il-konklużjoni dwar il-karattru deskrittiv u mhux distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’parti mill-Unjoni tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009.

65

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovdietx indikazzjonijiet konkreti u ssostanzjati li jistabbilixxu li s-sinjal NEO seta’ jkollu karattru distintiv u mhux deskrittiv fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti bil-Grieg modern sa fejn jirrigwarda l-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

66

Konsegwentement, l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ eżami ex officio tal-fatti bis-saħħa tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistgħux jiġu milqugħa. Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

67

Peress li l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 64(1) u tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009, huwa fondat, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet iddikjarata deskrittiva u nieqsa minn kull karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 fir-rigward tas-servizzi fil-klassi 39 u li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet ġiet awtorizzata mill-eżaminatur. Peress li l-motivi l-oħra ma humiex fondati, il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

68

Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Fil-każ ineżami, peress li l-applikazzjoni tar-rikorrenti ġiet milqugħa biss għas-servizzi li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet ġiet awtorizzata mill-eżaminatur, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-23 ta’ Frar 2012 (Każ R 1387/2011-1) hija annullata sa fejn tirrigwarda servizzi fil-klassi 39 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Lulju 2013.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.