Kawża T‑216/12

Technion – Israel Institute of Technology

u

Technion Research & Development Foundation Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna finanzjarja — Sitt programm-kwadru ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni — Irkupru ta’ somom imħallsa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ riċerka b’applikazzjoni tal-konklużjonijiet ta’ awditu finanzjarju — Tpaċija ta’ krediti — Klassifikazzjoni mill-ġdid parzjali tar-rikors — Talba intiża li tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ kreditu kuntrattwali — Klawżola ta’ arbitraġġ — Spejjeż eliġibbli — Arrikkiment indebitu — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015

  1. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Deċiżjoni ta’ tpaċija extraġudizzjarja bejn debiti u krediti adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1605/2002 – Inklużjoni

    (Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 73; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002)

  2. Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Deċiżjoni ta’ tpaċija extraġudizzjarja bejn debiti u krediti adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1605/2002 – Rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza tal-imsemmija krediti – Rikwalifikazzjoni parzjali tar-rikors għal annullament bħala rikors dwar tilwima ta’ natura kuntrattwali – Kundizzjonijiet

    (Artikoli 263 TFUE u 272 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(c); Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002)

  3. Baġit tal-Unjoni Ewropea – Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni – Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna – Kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Finanzjament li jkopri biss l-ispejjeż effettivament sostnuti – Ġustifikazzjoni tar-realtà tal-ispejjeż iddikjarati – Assenza – Spejjeż ineliġibbli

    (Artikolu 317 TFUE)

  4. Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Motiv imqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika – Inammissibbiltà

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(c))

  5. Proċedura ġudizzjarja – Eżami tal-mertu qabel l-eżami tal-ammissibbiltà – Ammissibbiltà

  6. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf tad-destinatarju

    (Artikolu 296 TFUE)

  7. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ arrikiment indebitu tal-Unjoni – Kunċett

  1.  Att li permezz tiegħu l-Kummissjoni topera tpaċija extraġudizzjarja bejn id-djun u l-krediti li jirriżultaw minn relazzjonijiet legali differenti mal-istess persuna jikkostitwixxi att kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Huwa fil-kuntest ta’ tali rikors għal annullament li hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija fid-dawl tal-effetti tagħha marbuta mal-assenza ta’ ħlas effettiv tas-somom ikkontestati lir-rikorrenti.

    (ara l-punt 53)

  2.  Peress li l-fundament espliċitu tar-rikors fuq l-Artikolu 263 TFUE u t-titoli tal-motivi invokati insostenn tiegħu jistiednu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ tpaċija extraġudizzjarja bejn id-djun u l-krediti adottata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, filwaqt li tqajjem “motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni”, ir-rikorrenti għandhom jitqiesu li qed jitolbu lill-Qorti Ġenerali tikkonstata, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, l-ineżistenza tal-kreditu li l-Kummissjoni tallega li għandha.

    Sa fejn l-Artikolu 272 TFUE jistabbilixxi l-qorti tal-Unjoni bħala qorti ta’ litigazzjoni, li jippermettilha, bil-kontra tal-qorti adita bil-legalità abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, tieħu konjizzjoni ta’ kull tip ta’ azzjoni abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, l-Artikolu 272 TFUE huwa l-bażi legali xierqa sabiex tiġi deċiża talba għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza tal-kreditu kuntrattwali kkontestat.

    Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi parzjalment ikklassifikat mill-ġdid rikors bħala rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, għandu jitfakkar li meta tiġi adita b’rikors għal annullament jew b’rikors għad-danni, ladarba t-tilwima tkun, fir-realtà, ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tikklassifika mill-ġdid ir-rikors, jekk il-kundizzjonijiet ta’ tali klassifikazzjoni mill-ġdid ikunu ssodisfatti. Min-naħa l-oħra, quddiem kwistjoni ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun impossibbli għaliha li tikklassifika mill-ġdid rikors għal annullament kemm meta r-rieda espressa mir-rikorrenti li ma tibbażax it-talba tagħha fuq l-Artikolu 272 TFUE tipprekludi tali klassifikazzjoni mill-ġdid, kemm meta r-rikors ma jkun sostnut minn ebda motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, kemm jekk dawn ikunu klawżoli kuntrattwali u kemm jekk ikunu dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali mniżżla fil-kuntratt.

    Minn dan isegwi li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors huwa possibbli, mingħajr li jiġu affettwati d-drittijiet tad-difiża tal-istituzzjoni konvenuta, fil-każ li, minn naħa, ir-rieda espressa tar-rikorrenti ma żżommhiex milli tagħmel hekk u, min-naħa l-oħra, mill-inqas motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni jiġi invokat fir-rikors, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi.

    (ara l-punti 53, 54, 57-60)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 84, 88)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 91)

  5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 93)

  6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 96-98)

  7.  Jirriżulta minn diversi sistemi legali nazzjonali li l-azzjonijiet ibbażati fuq l-arrikkiment indebitu huma mfassla sabiex jipprovdu, f’ċirkustanzi partikolari taħt id-dritt ċivili, sors ta’ obbligu mhux kuntrattwali għal persuna li tkun fil-pożizzjoni li tiġi arrikkita, li tikkonsisti fir-regola li trodd lura dak li tkun irċeviet indebitament.

    Sabiex azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu tintlaqa’, huwa essenzjali li l-arrikkiment ikun nieqes minn kull bażi legali validu. Din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, b’mod partikolari, meta l-arrikkiment ikun ibbażat fuq obbligi kuntrattwali.

    (ara l-punti 103, 104)