SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

22 ta’ April 2015 ( *1 )

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe — Restrizzjonijiet ta’ dħul u ta’ passaġġ fi tranżitu fit-territorju tal-Unjoni — Iffriżar ta’ fondi — Bażi legali — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Drittijiet fundamentali — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑190/12,

Johannes Tomana, residenti f’Ħarare (Żimbabwe), u l-120 rikorrent l-ieħor li isimhom jidher fl-Anness, inizjalment irrappreżentati minn D. Vaughan, QC, M. Lester, R. Lööf, barristers, u O. Kane, solicitor, sussegwentement minn D. Vaughan, M Lester u O. Kane,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen, M. Veiga u A. Vitro, bħala aġenti,

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, T. Scharf u E. Georgieva, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson, C. Murrell u M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn S. Lee, barrister,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/97/PESK, tas-17 ta’ Frar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 47, p. 50), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2012, tal-21 ta’ Frar 2012, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċertu miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe (ĠU L 49, p. 2), u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/124/PESK, tas-27 ta’ Frar 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/101/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 54, p. 20), sa fejn jirreferu għar-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, M. Kancheva u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil-Pożizzjoni Komuni 2002/145/PESK, tat-18 ta’ Frar 2002, dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 50, p. 1), adottata abbażi tal-Artikolu 15 tat-Trattat UE, fil-verżjoni preċedenti tiegħu qabel it-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea esprima t-tħassib serju tiegħu quddiem is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe, b’mod partikolari rigward ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod partikolari tal-libertà ta’ opinjoni, ta’ assoċjazzjoni u ta’ għaqda paċifika, imwettaq mill-Gvern taż-Żimbabwe. Għalhekk dan impona, għal perijodu li seta’ jiġġedded ta’ tnax-il xahar, miżuri restrittivi li kellhom jiġu suġġetti għal eżami annwali. Dawn il-miżuri kienu jinkludu, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-Istati Membri, li jimpedixxu d-dħul jew il-passaġġ fi tranżitu fit-territorju tagħhom ta’ persuni fiżiċi elenkati fl-anness ta’ din il-pożizzjoni, kif ukoll iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuni jew entitajiet elenkati fl-istess anness. Il‑Pożizzjoni Komuni 2002/145 ġiet emendata u pprorogata għal perijodu ta’ tnax-il xahar, jiġifieri sal-20 ta’ Frar 2004, permezz tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/115/PESK, tat-18 ta’ Frar 2003, li temenda u tipproroga l-Pożizzjoni Komuni 2002/145 (ĠU L 46, p. 30).

2

L-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi previst mill-Pożizzjoni Komuni 2002/145 ġie implementat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 310/2002, tat-18 ta’ Frar 2002, dwar ċerti miżuri restrittivi li jikkonċernaw iż-Żimbabwe (ĠU L 50, p. 4). It-tul ta’ applikazzjoni tagħha kien limitat għal tnax-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din ġiet ipprorogata għal perijodu ġdid ta’ tnax-il xahar, jiġifieri sal-20 ta’ Frar 2004, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 313/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jestendi r-Regolament Nru 310/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 2, p. 73).

3

Il‑Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/PESK, tad-19 ta’ Frar 2004, li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 3, p. 43), ipprevediet tiġdid tal-miżuri restrittivi stabbiliti mill-Pożizzjoni Komuni 2002/145. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tagħha, hija kellha tapplika mill-21 ta’ Frar 2004. L-Artikolu 9 tagħha kien jipprevedi li hija kellha tapplika għal perijodu ta’ tnax-il xahar u li hija kellha tiġi rriveduta kostantement. Skont dan l-istess artikolu, hija kellha tiġi “mġedda jew emendata, skond ma jkun xieraq, jekk il-Kunsill [kien] jara li għanijiet tiegħu ma ntlaħqux”.

4

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004, tad-19 ta’ Frar 2004, dwar ċertu miżuri restrittrivi fir-rigwar taż-Żimbabwe (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 3, p. 50), kien ġie adottat, skont il-premessa 5 tiegħu, sabiex jimplementa l-miżuri restrittivi previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/161. Dan jipprevedi b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) tiegħu, li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil membri individwali tal-Gvern taż-Żimbabwe jew lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew kull organu li huma assoċjati ma’ dawn tal-aħħar kif elenkati fl-Anness III ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu ffriżati. Skont l-Artikolu 11(b) ta’ dan l-istess regolament, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata biex temenda l-Anness III ta’ dan ir-regolament skont deċiżjonijiet meħuda li jikkonċernaw l-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK.

5

It-tul ta’ validità tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 ġie pprorogat diversi drabi, l-aħħar darba sal-20 ta’ Frar 2011, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/92/PESK, tal-15 ta’ Frar 2010, li testendi miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 41, p. 6).

6

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101/PESK, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 42, p. 6), ħassret il-Pożizzjoni Komuni 2004/161. Din id-deċiżjoni kienet ipprevediet, kontra persuni li isimhom kien jidher fl-anness tagħha, miżuri restrittivi analogi għal dawk previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2004/161.

7

B’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/101 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul jew it-transitu fit-territorju tagħhom tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u tal-persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif ukoll ta’ persuni fiżiċi oħrajn li l-attivitajiet tagħhom jimminaw id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe. L-individwi msemmijin f’dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness.”

8

L-Artikolu 5(1) ta’ din l-istess deċiżjoni jipprovdi:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil membri individwali tal-Gvern taż-Żimbabwe jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom kollha, jew li jappartjenu lil persuna fiżika jew ġuridika oħra li l-attivitajiet tagħha ddgħajjef serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe, għandhom jiġu ffriżati. Il-persuni u l-entitajiet imsemmijin f’dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness.”

9

L-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jadotta modifiki għal-lista li tidher fl-Anness kif meħtieġ mill-iżviluppi politiċi fiż-Żimbabwe.”

10

Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2011/101 jipprovdi kif ġej:

“1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u l-entitajiet fil-listi.

2.   L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiċiżi u ġuridiċi jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi jew l-entitajiet, din l-informazzjoni tista’ tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-indirizz professjonali.”

11

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 10(2) tagħha, id-Deċiżjoni 2011/101 kienet tapplika sal-20 ta’ Frar 2012. Skont din l-istess dispożizzjoni, din kellha tinżamm taħt reviżjoni kostanti u kellha tiġġedded, jew tiġi emendata skont il-ħtieġa, jekk il-Kunsill kellu jqis li l-għanijiet tagħha ma ntlaħqux.

12

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/97/PESK, tas-17 ta’ Frar 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2011/101 (ĠU L 47, p. 50), f’dan il-każ l-ewwel att imsemmi f’dan ir-rikors, permezz tal-Artikolu 1(1) tagħha, issostitwixxiet l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/101, kif ġej:

“1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta’ Frar 2013.

3.   Il-miżuri msemmijin fl-Artikolu 4(1), safejn japplikaw għal persuni elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu sospiżi sal-20 ta’ Frar 2013.

4.   Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti u għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma ntlaħqux.”

13

Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2012/97, minn naħa, li t-terminu “Anness” li jidher fid-Deċiżjoni 2011/101 huwa ssostitwit bit-terminu “Anness I” u, min-naħa l-oħra, li t-test ta’ dan l-Anness huwa ssostitwit b’dak li jidher fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/97. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni 2012/97 jipprevedi li l-Anness II ta’ din id-deċiżjoni huwa miżjud bħala Anness II tad-Deċiżjoni 2011/101.

14

Il-premessi 1 sa 5 tad-Deċiżjoni 2012/97 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Fil-15 ta’ Frar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/101 [...]

(2)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2011/101 [...], il-miżuri restrittivi għandhom jiġġeddu sal-20 ta’ Frar 2013.

(3)

Madankollu, ma għadux meħtieġ li ċerti persuni u entitajiet jinżammu fil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/101 [...]

(4)

Sabiex jiġi ffaċilitat aktar id-djalogu bejn l-UE u l-Gvern taż-Żimbabwe, il-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar imposta fuq iż-żewġ membri tat-tim ta’ riimpenn tal-Gvern taż-Żimbabwe elenkati taħt id-Deċiżjoni 2011/101 [...] għandhom jiġu sospiżi.

(5)

L-informazzjoni relatata ma’ ċerti persuni u entitajiet li inklużi fuq il-lista fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/101 [...] għandha tiġi aġġornata.”

15

L-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101, kif issostitwit bid-Deċiżjoni 2012/97, jinkludi l-ismijiet ta’ Johannes Tomana u ta’ 120 rikorrent ieħor, elenkati fl-Anness A.4 tar-rikors. L-ismijiet tal-istess persuni u entitajiet kienu diġà jidhru fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/101, qabel l-emendi magħmula mid-Deċiżjoni 2012/97.

16

L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2012, tal-21 ta’ Frar 2012, li jemenda r-Regolament Nru 314/2004 (ĠU L 49, p. 2), f’dan il-każ it-tieni att imsemmi minn dan ir-rikors, issostitwixxa l-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004 b’anness ġdid li jinkludi l-ismijiet tar-rikorrenti kollha. Barra minn hekk, il-premessa 2 ta’ dan l-istess regolament hija fformulata kif ġej:

“Id-Deċiżjoni [...] 2011/101 [...] tidentifika l-persuni legali u fiżiċi li għalihom japplikaw ir-restrizzjonijiet kif provduti fl-Artikolu 5 ta’ dik id-Deċiżjoni, u r-Regolament (KE) Nru 314/2004 idaħħal fis-seħħ dik id-Deċiżjoni sal-punt li l-azzjoni fil-livell ta’ Unjoni tkun meħtieġa. L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 għandu, għalhekk, jiġi emendat sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ dik id-Deċiżjoni tal-Kunsill”.

17

Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li l-ismijiet tar-rikorrenti kollha kienu diġà jidhru fl-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004, hekk kif kien fis-seħħ qabel is-sostituzzjoni tiegħu skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 151/20021.

18

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/124/PESK, tas-27 ta’ Frar 2012, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/101 (ĠU L 54, p. 20), f’dan il-każ it-tielet att imsemmi minn dan ir-rikors, emendat l-inklużjoni relatata mas-sittin rikorrent, Cephas George Msipa, li ismu jidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/101. B’mod partikolari, it-test li ġej kien ġie miżjud fir-rigward tiegħu fil-kolonna, li qabel kienet vojta, relatata mar-raġunijiet tal-inklużjoni tiegħu fost il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti minn din id-deċiżjoni:

“Ex-Gvernatur Provinċjali assoċjat mal-fazzjoni ZANU-PF tal-Gvern.”

19

Fl-20 ta’ April 2012, ir-rikorrenti talbu lill-Kunsill li jikkomunikalhom “il-provi u informazzjoni kollha” li kien ibbaża fuqhom, meta ħa d-deċiżjoni li japplika miżuri restrittivi fir-rigward tagħhom.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

21

B’att intitolat “Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà” ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tivverifika li t-tieni sal-mija u disgħin rikorrent, peruni fiżiċi, tassew isostnu r-rikors;

sa fejn jiġi ppruvat li dan ma huwiex il-każ, tiċħad, bħala manifestament inammissibbli r-rikors, sa fejn kien ġie ppreżentat minn dawn il-persuni, u tikkundanna lir-rikorrenti l-oħra għall-ispejjeż.

22

Sa fejn, permezz ta’ dan l-att, il-Kunsill kien essenzjalment talab, prinċipalment, l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom relatati ma’ din it-talba, ħaġa li għamlu, rispettivament, fid-29 u fil-25 ta’ Ottubru 2012.

23

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Awwissu 2012, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-istituzzjonijiet konvenuti. B’digriet tal-25 ta’ Ottubru 2012, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Ir-Renju Unit ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fl-14 ta’ Diċembru 2012. Il-Kunsill, il-Kummissjoni, u sussegwentement ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom f’din in-nota, rispettivament fis-16 u fl-24 ta’ Jannar u fl-20 ta’ Frar 2013.

24

B’ittra tas-7 ta’ Novembru 2012, ippreżentata bħala kopja fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti infurmaw lill-Kunsill li s-sitta u s-sittin rikorrent, Isack Stanislaus Gorerazvo Mudenge, kien miet.

25

B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2012, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tistieden lill-Kunsill jikkonferma li l-punti li jidhru fl-Anness B.19 tar-risposta ma kinux jikkostitwixxu l-provi li fuqhom dan kien ibbaża sabiex jinkludi l-ismijiet tagħhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Fir-rigward, essenzjalment, ta’ talba għal adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Renju Unit sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, ħaġa li huma għamlu, rispettivament fl-10, fil-11 u fis-17 ta’ Diċembru 2012. Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill informa wkoll lill-Qorti Ġenerali li huwa kien wieġeb, b’ittra tas-27 ta’ Novembru 2012, għat-talba tar-rikorrenti msemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq u pproduċa kopja ta’ din l-ittra u tal-annessi tagħha.

26

Barra minn hekk, peress li, fl-ittra tar-rikorrenti tad-19 ta’ Novembru 2012, dawn tal-aħħar talbu lill-Qorti Ġenerali li tindika li l-eventwali punti addizzjonali invokati mill-Kunsill f’dan l-istadju tal-proċedura ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni u ma humiex inklużi fil-proċess tal-kawża, ġie mfakkar lir-rikorrenti, b’ittra tas-29 ta’ Novembru 2012, li l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura kien applikabbli fir-rigward ta’ provi proposti addizzjonali.

27

Fir-replika, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti infurmaw lill-Qorti Ġenerali bil-mewt tat-tlieta u tmenin rikorrent, John Landa Nkomo.

28

B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2013, il-Kunsill informa lill-Qorti Ġenerali bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tiegħu 2013/89/PESK, tat-18 ta’ Frar 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2011/101 (ĠU L 46, p. 37). Din emendat l-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101, b’mod li tħassar mil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi inkwistjoni l-ismijiet tas-sitt rikorrent, David Chapfika, tad-disa’ rikorrent, Tinaye Chigudu, tas-sittax-il rikorrent, Tongesai Shadreck Chipanga, tad-disa’ u tletin rikorrent, R. Kwenda, tat-tmienja u tletin rikorrent, Shuvai Ben Mahofa, tat-tnejn u erbgħin rikorrent, G. Mashava, tal-erba’ u ħamsin rikorrent, Gilbert Moyo, tat-tmienja u ħamsin rikorrent, S. Mpabanga, tas-sittin rikorrent, Cephas George Msipa, tal-erba’ u sittin rikorrent, C. Muchono, tas-sitta u sittin rikorrent, Isack Stanislaus Gorerazvo Mudenge, tas-seba’ u sittin rikorrent, Columbus Mudonhi, tat-tmienja u sittin rikorrent, Bothwell Mugariri, tas-sebgħin rikorrent, Isaac Mumba, tat-tmienja u sebgħin rikorrent, S. Mutsvunguma, tat-tlieta u tmenin rikorrent, John Landa Nkomo, tal-erba’ u tmenin rikorrent, Michael Reuben Nyambuya, tat-tmienja u tmenin rikorrent, David Pagwese Parirenyatwa, tad-disa’ u tmenin rikorrent, Dani Rangwani, tat-tnejn u disgħin rikorrent, Richard Ruwodo, tal-mija u disa’ rikorrent, Patrick Zhuwao u tal-mija u tlettax-il rikorrenti, Divine Homes (Private) Ltd.

29

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 145/2013, tad-19 ta’ Frar 2013, li jemenda r-Regolament Nru 314/2004 (ĠU L 47, p. 63), emenda l-Anness III ta’ dan l-aħħar regolament, b’mod li jħassar ir-riferimenti għal dan l-anness relatati mal-persuni u mal-entitajiet imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq.

30

Ir-rikorrenti ġew mistiedna sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fl-ittra tal-Kunsill imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, iżda ma qagħdux għal din it-talba.

31

L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2013/160/PESK, tas-27 ta’ Marzu 2013, li temenda d-Deċiżjoni 2011/101 (ĠU L 90, p. 95), issostitwixxa t-test tal-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2011/101, permezz ta’ test ġdid li skont dan “[i]l-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) u (2), sa fejn japplikaw għall-persuni u entitajiet elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu sospiżi sal-20 ta’ Frar 2014”, “[i]s-sospensjoni għandha tiġi riveduta kull tliet xhur”. L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/60 kien barra minn hekk ipprovda li l-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/11 kien ġie ssostitwit bit-test li jidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2013/160.

32

L-ismijiet tal-parti l-kbira tar-rikorrenti, kemm persuni fiżiċi kif ukoll entitajiet, jidhru fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/101, kif issostitwit bid-Deċiżjoni 2013/60. Ma jidhrux l-ismijiet tat-tielet rikorrent, Happyton Mabhuya Bonyongwe, tat-tnax-il rikorrenti, Augustine Chihuri, tat-tmintax-il rikorrenti, Constantine Chiwenga, tal-ħamsa u sebgħin rikorrent, Didymus Noel Edwin Mutasa, tas-sitta u tmenin rikorrent, Douglas Nyikayaramba, u tad-disa’ u disgħin rikorrent, Perence Samson Chikerema Shiri, tal-mija u tnejn rikorrent, Jabulani Sibanda, tal-mija u erba’ rikorrent, Philip Valerio Sibanda, tal-mija u għoxrin rikorrenti, Zimbabwe Defence Industries (Private) Ltd u tal-mija u wieħed u għoxrin rikorrenti, Zimbabwe Mining Development Corp.

33

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 298/2013,ta-27 ta’ Marzu 2013, li jemenda r-Regolament Nru 314/2004 (ĠU L 90, p. 48), jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu, li “[l]-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 314/2004 hija sospiża sal-20 ta’ Frar 2014 sa fejn dan japplika għal persuni u entitajiet elenkati fl-Anness ma’ dan ir-Regolament” u li “[i]s-sospensjoni għandha tiġi riveduta kull tliet xhur”. L-Anness tar-Regolament Nru 298/2013 jinkludi l-istess ismijiet ta’ persuni fiżiċi u ta’ entitajiet bħal dawk li jidhru fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/101, kif ġie ssostitwit bid-Deċiżjoni 2013/160 (ara l-punt 32 iktar ’li fuq).

34

Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

35

B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Settembru 2013, il-Kunsill informa lill-Qorti Ġenerali bl-adozzjoni tiegħu tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/469/PESK, tat-23 ta’ Settembru 2013, li timplementa d-Deċiżjoni 2011/101 (ĠU L 252, p. 31). Din emendat l-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101, b’mod li tirtira minnha l-mija wieħed u għoxrin rikorrenti, Zimbabwe Mining Development.

36

Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 915/2013, tat-23 ta’ Settembru 2013, li jemenda r-Regolament Nru 314/2004 (ĠU L 252, p. 23), emenda l-Anness III ta’ dan l-aħħar regolament b’mod li jħassar ir-riferiment relatat mal-mija wieħed u għoxrin rikorrenti, li kien jinsab fih.

37

B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Frar 2014, il-Kunsill informa lill-Qorti Ġenerali bl-adozzjoni tiegħu tad-Deċiżjoni 2014/98/PESK, tas-17 ta’ Frar 2014, li temenda d-Deċiżjoni 2011/101 (ĠU L 50, p. 20), kif ukoll tar-Regolament (UE) Nru 153/2014 tiegħu, tas-17 ta’ Frar 2014, li jemenda r-Regolament Nru 314/2004 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 298/2013 (ĠU L 50, p. 1).

38

L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2014/98 issostitwixxa t-test tal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/101, bit-test li ġej:

“1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta’ Frar 2015

3.   Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) u (2), safejn japplikaw għall-persuni u entitajiet elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu sospiżi sal-20 ta’ Frar 2015

Is-sospensjoni għandha tiġi riveduta kull tliet xhur.

4.   Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti u għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma ntlaħqux.”

39

Minbarra dan, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/98 jipprovdi li “[i]l-persuni mniżżlin fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101/PESK elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jinżiedu mal-Anness II tad-Deċiżjoni 2011/101/PESK”. L-Anness tad-Deċiżjoni 2014/98 jinkludi l-ismijiet tat-tielet, tat-tnax, tat-tmintax, tal-ħamsa u sebgħin, tas-sitta u tmenin, tad-disa’ u disgħin, tal-mija u tnejn u tal-mija u erba’ rikorrent.

40

Min-naħa tiegħu, ir-Regolament Nru 153/2014 jipprovdi dan li ġej:

“Artikolu 1

Ir-Regolament [...] Nru 314/2004 huwa emendat kif ġej:

1)

Fl-Artikolu 6, jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘4.   Il-miżuri fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġi sospiżi sa fejn dawn jikkonċernaw persuni u entitajiet elenkati fl-Anness IV.’

2)

L-Anness għal dan ir-Regolament jiżdied bħala Anness IV.

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 298/2013 huwa mħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.”

41

L-Anness IV tar-Regolament Nru 314/2004, hekk kif miżjud bir-Regolament Nru 153/2014, jinkludi l-ismijiet tar-rikorrenti kollha, persuni fiżiċi u entitajiet, li isimhom kien għadu inkluż fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, bl-unika eċċezzjoni tal-isem tal-mija u għoxrin rikorrenti, Zimbabwe Defence Industries, li hija l-unika li fir-rigward tagħha l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi previsti minn dan ir-regolament għadhom applikabbli u li ma ġewx sospiżi.

42

Il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet l-oħra sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ittra tal-Kunsill imsemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni qagħdu għal din it-talba, rispettivament fil-21 u fl-4 ta’ Marzu 2014.

43

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet u sabiex jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet qagħdu għal din it-talba fit-terminu stabbilit.

44

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, li ma kienx preżenti, u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Ġunju 2014.

45

Waqt is-seduta, il-Kunsill inkluda fil-proċess ċerti artikoli minn ġurnali, li minnhom jirriżulta li t-tmienja u sittin rikorrent, Bothwell Mugariri, is-sitta u disgħin rikorrent, Lovemore Sekeremayi, u t-tmienja u disgħin rikorrent, Nathan Marwirakuwa Shamuyarira, kienu mietu. Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti kkonfermaw il-mewt tat-tnejn tal-aħħar, iżda indikaw li, skont l-informazzjoni tagħhom, l-informazzjoni li tikkonċerna l-mewt ta’ B. Mugariri kienet ineżatta. Barra minn hekk, bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti kkonfermaw li kkunsidraw lilhom infushom bħala mandatarji għar-rappreżentati kollha u pproponew li jipproduċu mandat bil-miktub stabbilit minn kull rikorrent li għalih huma ma kinux annettew tali mandat mar-rikors tagħhom. Il-Qorti Ġenerali ħadet att tal-preżentata tad-dokumenti u tad-dikjarazzjonijiet ikkunsidrati iktar ’il fuq fil-proċess verbal tas-seduta.

46

Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti u lill-Kunsill sabiex iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet u sabiex jipproduċu ċerti dokumenti, inklużi l-mandati meħtieġa. Il-partijiet qagħdu għat-talba tal-Qorti Ġenerali fit-terminu stabbilit, u wara dan il-proċedura bil-miktub ingħalqet permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla.

47

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni 2012/97, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012 u d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom;

tikkundanna lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

48

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

49

Ir-Renju Unit isostni t-talbiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni intiżi għaċ-ċaħda tar-rikors.

Id-dritt

1. Fuq ir-rikorrenti mejta

50

Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li azzjoni għal annullament mibdija mid-destinatarju ta’ att tista’ titkompla mill-aventi kawża b’titolu universali tiegħu, b’mod partikolari fil-każ tal-mewt ta’ persuna fiżika (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T-67/00, T-68/00, T-71/00 u T-78/00, Ġabra p. II-2501, punt 46; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ottubru 1983, Gutmann vs Il-Kummissjoni, 92/82, Ġabra p. 3127, punt 2).

51

F’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 24 u 27 iktar ’il fuq, is-sitta u sittin rikorrent, I. S. G. Mudenge u t-tlieta u tmenin rikorrent, J. L. Nkomo, mietu fil-mori tal-kawża. Minbarra dan, bħala tweġiba għal waħda mill-mistoqsijiet li kienet saritilhom waqt is-seduta għal tweġiba bil-miktub, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti kkonfermaw li s-sitta u disgħin rikorrent, Lovemore Sekeremayi, u t-tmienja u disgħin rikorrent, Nathan Marwirakuwa Shamuyarira, kienu mietu fil-mori tal-kawża. Fl-aħħar nett, permezz tal-istess okkażjoni, huma indikaw li t-tnejn u tletin rikorrent, R. Kwenda, kien ukoll miet fil-mori tal-kawża.

52

Fir-rigward tar-rikorrenti mejta kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti indikaw li l-eredi universali tagħhom, f’dan il-każ u fil-każijiet l-oħra, ir-romol tagħhom, xtaqu li jitkomplew il-proċeduri u huma pproduċew dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ dawn tal-aħħar għal dan il-għan, stabbiliti fil-preżenza ta’ nutar. Sussegwentement għal din is-sentenza, it-terminu “ir-rikorrenti”, sa fejn jirreferi għar-rikorrenti mejta msemmija iktar ’il fuq, jindika l-eredi universali tagħhom li kienu pproduċew dikjarazzjoni bil-miktub li manifestament turi x-xewqa tagħhom li jitkomplew il-proċeduri.

2. Fuq l-eżistenza ta ’ mandat mogħti lill-avukati li ffirmaw ir-rikors mir-rikorrenti kollha li huma persuni fiżiċi

53

Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 21 iktar ’il fuq, il-Kunsill, permezz ta’ att separat, talab lill-Qorti Ġenerali li tivverifika li r-rikorrenti kollha li huma persuni fiżiċi “isostnu tabilħaqq ir-rikors f’dan il-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan il-kuntest, dan isostni li r-rappreżentanti tar-rikorrenti ma kinux hemżu mar-rikors tagħhom mandat jew prova oħra intiża sabiex juru li huma kienu debitament awtorizzati mit-tieni sal-mija u għaxra rikorrent, li huma persuni fiżiċi.

54

Il-Kunsill għalhekk sostna li r-rikors kellu jiġi ddikjarat inammissibbli f’dak li jikkonċerna dawn ir-rikorrenti, ħlief sa fejn ir-rappreżentanti tagħhom jipproduċu, għal kull wieħed fosthom, punti li jipprovaw ir-rieda tagħhom li jippreżentaw ir-rikors. Il-Kunsill ibbaża ruħu, f’dan il-kuntest, fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 1965, Barge vs L-Awtorità Għolja (14/64, Ġabra p. 69, p. 77). Din it-talba tal-Kunsill ġiet ukoll sostnuta mill-Kummissjoni.

55

Hemm lok li jitfakkar li, minn naħa, skont it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u, min-naħa l-oħra, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet, minbarra l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA jew l-Istati partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) għandhom ikunu rrappreżentati minn avukat li jissodisfa l-kundizzjoni li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-ŻEE. Minbarra dan, fir-rikors għandu jkun hemm l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju. Fl-aħħar nett, l-oriġinal ta’ kull att proċedurali għandu jiġi ffirmat mill-aġent jew mill-avukat tal-parti.

56

Madankollu, huwa biss fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi li r-Regoli tal-Proċeduri jipprevedu, fl-Artikolu 44(5)(b) tagħhom, l-obbligu li jehmżu mar-rikors “prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop”. Ir-Regoli tal-Proċedura għalhekk jippermettu lil persuni fiżiċi li jiġu rrappreżentati minn avukat mingħajr ma dan għandu għalfejn jipproduċi mandat, filwaqt li dan huwa l-każ għal persuna ġuridika (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Frar 2006, Le Levant 001 et vs Il-Kummissjoni, T-34/02, Ġabra p. II-267, p. 64).

57

Il-fatt li l-avukati li jirrappreżentaw persuna fiżika ma humiex obbligati li jippreżentaw mandat iffirmat mill-kljient tagħhom huwa mingħajr dubju ġġustifikat fil-kunsiderazzjoni li, jekk membru tal-Kamra tal-Avukati ta’ wieħed mill-Istati Membri, suġġett inkwantu tali għal kodiċi ta’ etika professjonali, jiddikjara li huwa kien debitament ingħata mandat mill-klijent tiegħu, din id-dikjarazzjoni bħala prinċipju hija kkunsidrata bħala suffiċjentement affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 119).

58

Madankollu, fid-dawl ukoll tad-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punt 55 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li, qabel ma jinbeda l-eżami ta’ rikors ippreżentat quddiemha, il-Qorti Ġenerali għandha tiżgura ruħha li l-avukat li ffirmah ikun effettivament ġie mqabbad mill-persuna li f’isimha dan ir-rikors ikun ġie ppreżentat sabiex jirrappreżentaha. Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni esposta fil-punt 57 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, normalment, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra l-fatt li avukat iffirma u ppreżenta rikors f’isem persuna fiżika bħala dikjarazzjoni impliċita ta’ dan l-avukat li huwa kien ġie debitament mogħti mandat mill-persuna fiżika inkwistjoni, fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra dan it-tip ta’ dikjarazzjoni bħala suffiċjenti. Madankollu, jekk jeżistu elementi konkreti, li jistgħu jqajmu dubju dwar ir-realtà ta’ din id-dikjarazzjoni impliċita, il-Qorti Ġenerali għandha d-dritt li titlob lill-avukat inkwistjoni li jipproduċi l-prova tar-realtà tal-mandat tiegħu.

59

Huwa hekk kif għandha tinftiehem is-sentenza Barge vs L-Awtorità Għolja, punt 54 iktar ’il fuq (p. 77), li skont din l-avukat ma huwiex “meħtieġ li jipproduċi prokura debitament eżerċitata għall-preżentata ta’ rikors, ħlief li jipproduċi din il-prokura f’każ ta’ kontestazzjoni”. Fil-fatt, din l-affermazzjoni għandha tiġi ssostitwta fil-kuntest ta’ din il-kawża, hekk kif jirriżulta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali K. Roemer fis-sentenza Barge vs L-Awtorità Għolja, punt 54 iktar ’il fuq (Ġabra p. 69, 81, 82).

60

Dawn jirrilevaw li, f’dak iż-żmien kienet il-prassi komuni tal-Qorti tal-Ġustizzja li teħtieġ mandat bil-miktub anki min-naħa ta’ rikorrenti li kienu persuni fiżiċi, u dan minkejja li d-dispożizzjoni rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx teħtieġ dan, bħal ma dan lanqas ma huwa impost illum fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. L-avukat tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Barge vs L-Awtorità Għolja, punt 54 iktar ’il fuq, kien ipproduċa tali mandat fl-istess żmien bħall-preżentata tar-rikors, iżda l-mandat ippreżentat kien semma kawża differenti. Sussegwentement għall-preżentata tar-rikors, kien ġie prodott mandat ġdid, li kien ikopri l-kawża inkwistjoni, b’mod li l-kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba tiddeċiedi kienet dik jekk din il-produzzjoni sussegwenti kinitx suffiċjenti jew jekk l-ommissjoni li jiġi ppreżentat mandat debitament eżerċitat fl-istess żmien bħall-preżentata tar-rikors kinitx wasslet għall-inammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar. Il-Qorti tat deċiżjoni favur l-ewwel minn dawn it-tweġibiet.

61

Għalhekk kuntrarjament għal dak li jidher li l-Kunsill qed jikkunsidra, ma jirriżultax minn din is-sentenza li l-parti l-oħra fil-proċedura għandha d-dritt li titlob, mingħajr ma tressaq punti partikolari li jiġġustifikaw it-talba tagħha, il-produzzjoni mill-avukat ta’ rikorrent li huwa persuna fiżika, ta’ mandat stabbilit mill-klijent tiegħu, li fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Li jiġi rrikonoxxut lill-parti l-oħra fil-proċedura tali possibbiltà iċaħħad lir-regola, li skont din il-persuni fiżiċi jistgħu jiġu rrappreżentati minn avukat mingħajr ma dan ikollu jipproduċi mandat, minn parti kbira mis-sens tagħha u jista’ jikkomplika u indebitament itawwal il-proċedura, b’mod partikolari fil-każ, bħal dak hawnhekk, fejn ir-rikors huwa ppreżentat minn numru kbir ta’ persuni fiżiċi li, minbarra dan, jirrisjedu barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 57 iktar ’il fuq huma wkoll favur l-argument li l-produzzjoni ta’ tali mandat għandha tkun meħtieġa biss meta elementi konkreti jippermettu li jitqajjem dubju dwar ir-realtà tal-evidenza tiegħu (ara punt 58 iktar ’il fuq).

62

F’dan il-każ, waqt is-seduta, ir-rappreżentanti tar-rikorrenti formalment ikkonfermaw, bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li huma kkunsidraw lilhom infushom debitament awtorizzati permezz ta’ mandat għal kull wieħed mir-rikorrenti. Barra minn hekk, dawn ipproponew li jipproduċu, għar-rikorrenti kollha li għalihom huma ma kinux għamlu dan, mandat bil-miktub. Huma effettivament ipproduċew, fit-terminu li kien ġie stabbilit għalihom għal dan il-għan mill-Qorti Ġenerali, tali mandati, stabbiliti fil-preżenza ta’ nutar, għat-tieni sal-mija u għaxar rikorrent, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti li mietu msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq. Għandu jiġi indikat, f’dan ir-rigward, li huma pproduċew ukoll tali mandat stabblit fl-isem tat-tmienja u sittin rikorrent, Bothwell Mugariri. Għalhekk irriżulta li l-informazzjoni dwar il-mewt ta’ dan tal-aħħar imsemmija fl-artikoli tal-istampa inklużi fil-proċess waqt is-seduta mill-Kunsill, kienet żbaljata. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 60 iktar ’il fuq, il-fatt li l-mandati prodotti ġew stabbiliti sussegwentement għall-preżentata tar-rikors ma għandu ebda importanza.

63

Għandu għalhekk jiġi konkluż li ebda dubju ma huwa ġġustifikat, fir-rigward tar-realtà tal-mandat mogħti minn kull wieħed mir-rikorrenti lir-rappreżentanti tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali.

3. Fuq il-persistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti

64

Skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett tat-tilwima, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent, għandu jkun preżenti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, Ġabra p. I-4333, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2008, Flaherty et vs Il-Kummissjoni, C-373/06 P, C-379/06 P u C-382/06 P, Ġabra p. I-2649, punt 25).

65

Għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ parti mir-rikorrenti, il-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu tħassru (ara l-punti 28, 29, 35 u 36 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fir-rigward tar-rikorrenti kollha li isimhom ikomplu jidhru fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal dawn il-miżuri, ħlief f’każ wieħed, l-applikazzjoni tagħhom ġiet sospiża (ara l-punti 32, 33 u 37 sa 41 iktar ’il fuq).

66

Issa, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑239/12 P), rigward il-każ ta’ persuna kkonċernata minn miżuri restrittivi adottati minħabba l-allegati rabtiet tagħha ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi u mħassra fil-mori tal-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li tali miżuri kellhom konsegwenzi negattivi kunsiderevoli u effett sinjifikattiv fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni suġġetti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra l-iffriżar ta’ fondi inkwantu tal li, minħabba l-portata wiesgħa tiegħu, jaqleb il-ħajja kemm professjonali kif ukoll tal-familja tal-persuni suġġetti u jostakola l-konklużjoni ta’ diversi atti legali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għajb u s-suspett li jakkumpanjaw l-indikazzjoni pubblika tal-persuni suġġetti bħala marbuta ma’ organizzazzjoni terroristika. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li l-interess ġuridiku ta’ tali rikorrent jippersisti, minkejja t-tħassir ta’ ismu mil-lista inkwistjoni, bil-għan li jingħata rikonoxximent mill-qorti tal-Unjoni li huwa qatt ma kellu jkun inkluż f’din il-lista jew inkella li huwa qatt ma kellu jkun inkluż skont il-proċedura li ġiet segwita mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi rrilevat li, filwaqt li r-rikonoxximent tal-illegalità tal-att ikkontestat ma jistax, bħala tali, jikkumpensa dannu materjali jew interferenza għal ħajja privata, dan madankollu huwa ta’ natura li jirriabilita lill-persuna kkonċernata jew li jikkostitwixxi forma ta’ kumpens għad-dannu morali li hija ġarrbet minħabba din l-illegalità, u li jiġġustifika b’dan il-mod il-persistenza tal-interess ġuridiku tagħha. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ċ-ċirkustanza li t-tħassir ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni kien definittiv ma tipprevjenix interess ġuridiku milli jkompli jeżisti għal dak li jikkonċerna l-effetti tal-atti li kienu imponew dawn il-miżuri bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom u dik tat-tħassir tagħhom (sentenza Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 sa 72 u 82).

67

Minkejja li r-rikorrenti f’din il-kawża ġew imposti miżuri restrittivi mhux minħabba r-rabtiet tagħhom ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi, iżda minħabba li huma kemm membri ta’ gvern li, skont l-awturi tal-atti kkontestati, wettqu ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll assoċjati ta’ tali membri, kif ukoll persuni li l-attivitajiet tagħhom idgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe, ir-raġunijiet meqjusa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Abdulrahim vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq (punti 70 sa 72 u 82), huma wkoll applikabbli, mutatis mutandis, għall-każ tagħhom, b’mod li għandu jiġi konkluż li l-interess ġuridiku tagħhom jippersisti minkejja t-tħassir, għal uħud fosthom, u s-sospensjoni, għal oħrajn, tal-miżuri kkontestati inkwistjoni.

4. Fuq ċerti argumenti mressqa mill-Kummissjoni sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors

68

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-atti tal-Kunsill f’dak li jikkonċernaha, minħabba li hija ma għandhiex kapaċità sabiex titressaq quddiem il-qorti fir-rigward tal-atti tal-Kunsill.

69

Issa, sa fejn ir-rikors huwa intiż għall-annullament kemm ta’ żewġ atti adottati mill-Kunsill kif ukoll ta’ att adottat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienu korrettament semmew, fir-rikors, lil dawn iż-żewġ istituzzjonijiet bħala li huma konvenuti f’din il-kawża.

70

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirrileva li, fil-fehma tagħha, it-talba intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124 għandha tiġi kkunsidrata bħala li kienet tressqet f’isem biss is-sittin rikorrent, Cephas George Msipa, li huwa l-uniku kkonċernat minn din id-deċiżjoni. Issa, hija għandha dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ tali talba, peress li d-deċiżjoni inkwistjoni ma temendax id-Deċiżjoni 2011/101 ħlief f’dak li jikkonċerna l-motivi ta’ inklużjoni tal-isem ta’ dan ir-rikorrent fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni u, konsegwentement, ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali tiegħu. Il-Kummissjoni żżid li, kieku kellu jiġi kkunsidrat li t-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni kienet tressqet mir-rikorrenti kollha, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, “peress li ebda wieħed mir-rikorrenti għandu interess legali li jikkontesta dan l-att tal-Kunsill” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

71

Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Hemm lok li jitfakkar li, wara l-emenda tad-Deċiżjoni 2011/101, li saret skont id-Deċiżjoni 2012/97 li, b’mod partikolari, issostitwixxiet l-Anness 1 tal-ewwel deċiżjoni permezz ta’ wieħed ġdid, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124 mill-ġdid emendat l-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101 fir-rigward tas-sittin rikorrent, sabiex iżżid fil-kolonna relatata mal-motivi, li qabel kienet vojta, it-test imsemmi fil-punt 18 iktar ’il fuq. Isegwi li, bħal fil-każ tad-Deċiżjoni 2012/97, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124 tikkonċerna direttament u individwalment is-sittin rikorrent u tbiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu, sa fejn din iżżid mal-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101, hekk kif ġie ssostitwit bid-Deċiżjoni 2012/97, motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni fir-rigward tiegħu tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

72

Konsegwentement, is-sittin rikorrent għandu dritt li jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124. Fir-rigward tal-istess rikors, il-konstatazzjoni tal-ammissibbiltà tiegħu fir-rigward ta’ rikorrent wieħed tevita n-neċessità li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFES et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punt 31, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, Euroepan Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 61). Fil-fatt, ir-rikors huwa intiż għall-annullament tal-atti kkontestati, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti. Peress li d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124 hija intiża speċifikament għas-sittin rikorrent, huwa ċar li, kieku r-rikors kellu jintlaqa’, din id-deċiżjoni ma tiġix annullata ħlief fir-rigward tiegħu.

5. Fuq il-mertu

73

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi essenzjalment ibbażati, l-ewwel, fuq l-assenza ta’ bażi legali xierqa għall-inklużjoni, fost il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, tal-persuni jew entitajiet li ma humiex la mexxejja taż-Żimbabwe u lanqas l-assoċjati tagħhom, it-tieni, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tielet, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raba’, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u l-ħames, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

74

Għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat l-ewwel motiv, relatat mal-bażi legali tal-atti kkontestati, sussegwentement it-tielet u r-raba’ motivi, li jqajmu kwistjonijiet proċedurali, u, fl-aħħar nett, it-tieni u l-ħames motivi, li huma relatati mal-mertu tal-kawża.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta ’ bażi legali xierqa għall-inklużjoni, fost il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, tal-persuni jew tal-entitajiet li ma humiex la mexxejja taż-Żimbabwe u lanqas l-assoċjati tagħhom

75

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li ma teżisti l-ebda bażi legali xierqa sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni, fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, tal-ismijiet ta’ diversi persuni li fil-każ tagħhom ukoll ma humiex akkużati li huma mexxejja taż-Żimbabwe jew individwi jew entitajiet assoċjati ma’ dawn il-mexxejja. Skont ir-rikorrenti, il-fatt biss li l-persuni kkonċernati jiġu akkużati li fil-passat wettqu attivitajiet kriminali jew reati oħra ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isimhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

76

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, li l-ewwel fost l-atti msemmija minn dan ir-rikors, jiġifieri d-Deċiżjoni 2012/97, kien ġie adottat abbażi tal-Artikolu 29 TUE, li jipprovdi kif ġej:

“Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-linji tal-politika nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet ta’ l-Unjoni.”

77

Huwa wkoll fuq l-Artikolu 29 TUE li d-Deċiżjoni 2011/101 ibbażat ruħha, emendata bid-Deċiżjoni 2012/97.

78

L-Artikolu 29 TUE jagħmel parti mit-Titolu V tat-Trattat UE, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni”. L-Artikolu 21 TUE, li jagħmel parti wkoll mill-istess titolu, jipprovdi kif ġej:

“1.   L-azzjoni ta’ l-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun gwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji ta’ l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

[…]

2.   L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta’ koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex:

a)

tissalvagwardja l-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha;

b)

tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;

c)

tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skond l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll skond il-prinċipji ta’ l-Att Finali ta’ Helsinki u skond l-objettivi tal-Karta ta’ Pariġi, inklużi dawk dwar il-fruntieri esterni;

d)

tagħti appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli fuq il-pjan ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar; […]

3.   L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji u tfittex li twettaq l-objettivi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ l-azzjoni esterna tagħha fl-oqsma differenti koperti minn dan it-Titolu u mill-ħames parti tat-Trattat [FUE], kif ukoll fil-politika l-oħra tagħha fl-aspetti esterni tagħha.

[…]”

79

It-tielet att li l-annullament tiegħu huma mfittex mir-rikors, jiġifieri d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/24, jikkostitwixxi “deċiżjoni li timplimenta deċiżjoni li tiddefinixxi azzjoni jew pożizzjoni ta’ l-Unjoni”, f’dan il-każ id-Deċiżjoni 2012/97. Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/101 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 31(2) TUE.

80

Fl-aħħar nett, it-tieni att li hemm riferiment għalih f’dan ir-rikors, jiġifieri r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012, kien ġie adottat abbażi tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 314/2004 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq). Fir-rigward tar-Regolament Nru 314/2004, huwa stess kien ġie adottat abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. Dawn kienu ġew emendati bit-Trattat ta’ Lisbona u saru, rispettivament, l-Artikolu 75 TFUE u l-Artikolu 215 TFUE.

81

Skont ir-rikorrenti, l-atti kkontestati jwessgħu l-portata tal-miżuri restrittivi adottati kontra ż-Żimbabwe, sa fejn dawn minn issa ’l quddiem jirreferu mhux biss għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li huma akkużati li huma membri tal-Gvern jew assoċjati ma’ dawn tal-aħħar, iżda wkoll persuni li ma humiex akkużati li huma assoċjati mal-Gvern, iżda li huma akkużati li wettqu attivitajiet li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u jdgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe. Għalhekk, fir-rigward ta’ din l-aħħar kategorija ta’ persuni, dawn ma jistgħux jiġu akkużati b’xi rabta mal-mexxejja taż-Żimbabwe. Numru kbir ta’ persuni kienu ġew inklużi fost dawk suġġetti għall-miżuri kkontestati abbażi ta’ akkużi mhux sosntuti ta’ atti kriminali serji u ta’ reati oħra. Ebda prova jew element li jiġġustifikaw l-affermazzjonijiet relatati ma’ dawn il-persuni, hekk kif jidhru fl-atti kkontestati, u lanqas xi informazzjoni preċiża f’dan ir-rigward ma kienu tressqu. F’diversi każijiet, id-delitti jew reati suġġetti għall-miżuri kkontestati kienu twettqu qabel il-formazzjoni tal-gvern ta’ unità nazzjonali li kien fil-poter fiż-Żimbabwe fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati.

82

L-ewwel nett, għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali xierqa għall-adozzjoni tal-atti kkontestati, l-argumenti tar-rikorrenti li, essenzjalment, l-elementi fattwali msemmija fir-rigward ta’ wħud mill-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti minn dawn l-atti ma humiex ipprovati jew huma ftit preċiżi. Fil-fatt, tali argumenti huma rilevanti biss sabiex jintwera kemm żball fattwali mwettaq mill-awturi tal-atti kkontestati, kemm nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ dawn l-atti. Tali żbalji ma jikkonċernawx l-eżistenza ta’ bażi legali xierqa li tiġġustifika l-adozzjoni tal-atti inkwistjoni, fejn l-unika kwistjoni tikkostitwixxi s-suġġett ta’ dan il-motiv. Ovvjament, anki jekk jirriżulta li, kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, tali bażi legali teżisti, għad irid jiġi eżaminat, minn naħa, jekk l-awturi ta’ dawn l-atti wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidraw li l-fatti ta’ dan il-każ kienu jiġġustifikaw l-użu ta’ din il-bażi legali għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti u, min-naħa l-oħra, jekk dawn l-istess awturi pprovdewx f’dan ir-rigward motivazzjoni suffiċjenti. Dawn il-kwistjonijiet ma jistgħux, skont il-każ, ikunu rilevanti ħlief fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u tat-tielet motivi.

83

It-tieni nett, hemm lok li jitfakkar li, minn naħa, l-ewwel mill-atti kkontestati (id-Deċiżjoni 2012/97), essenzjalment ipproroga t-tul ta’ validità tad-Deċiżjoni 2011/101 u ssostitwixxa l-anness ta’ din l-aħħar deċiżjoni li kien jinkludi l-ismijiet tal-persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi li hija stabbilixxiet, min-naħa l-oħra, it-tieni mill-atti kkontestati (ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012) ssostitwixxa l-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004, li kien jinkludi l-ismijiet ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi stabbiliti minn dan ir-regolament u, fl-aħħar nett, it-tielet mill-atti kkontestati (id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/2014) emenda l-inklużjoni relatata mas-sittin rikorrent, Cephas George Msipa, hekk kif kienet tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/101 kif issostitwit bid-Deċiżjoni 2012/97. Fi kliem ieħor, fit-tliet każijiet, dan kienu atti li emendaw att preċedenti.

84

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-termini “persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-attivitajiet tagħhom idgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe”, kif imsemmija mir-rikorrenti fl-argument tagħhom miġbur fil-qosor fil-punt 81 iktar ’il fuq, ma jidhrux fit-test tad-Deċiżjoni 2011/101 (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 4 iktar ’il fuq, l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi stabbilit mir-Regolament Nru 314/2004 jikkonċerna biss, skont l-Artikolu 6(1) tiegħu, “fondi u ir-riżorsi ekonomiċi kollha, li jappartjenu lil membri individwali tal-Gvern taż-Żimbabwe jew lil persuni naturali jew ġuridiċi, entitajiet jew istituzzjonijiet assoċjati magħhom”.

85

Isegwi li dan il-motiv iqajjem kwistjonijiet differenti fir-rigward, minn naħa, tal-ewwel u tat-tielet atti kkontestati, li jemendaw id-Deċiżjoni 2011/101 u, min-naħa l-oħra, it-tieni att ikkontestat, li jemenda r-Regolament Nru 314/2004.

86

Fl-ewwel każ, il-kwistjoni li tqum hija, essenzjalment, dik jekk l-Artikolu 29 UE, imsemmi bħala bażi legali tad-Deċiżjoni 2012/97 (bħad-Deċiżjoni 2011/101 emendata minnha), jikkostitwixxix bażi legali xierqa sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi msemmija f’din l-aħħar deċiżjoni fir-rigward ta’ “persuna fiżika jew ġuridika oħra li l-attivitajiet tagħha ddgħajjef serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, f’każ ta’ tweġiba negattiva għal din il-mistoqsija, isegwi loġikament li d-Deċiżjoni 2011/101 hija wkoll mingħajr bażi ġuridika legali, fir-rigward ta’ persuni li jaqgħu taħt il-kategorija msemmija iktar ’il fuq. Għandu għalhekk jiġi konkluż li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jqajmu wkoll, impliċitament iżda b’mod ċar, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra d-Deċiżjoni 2011/101. Mill-Artikolu 277 TFUE jirriżulta li r-rikorrenti għandhom id-dritt li jqajmu tali eċċezzjoni, u dan anki jekk huma jistgħu jitolbu l-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni u kienu naqsu milli jagħmlu dan (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs BĊE, C-11/00, Ġabra p. I-7147, punti 74 sa 78; tal-15 ta’ Mejju 2008, Spanja vs Il-Kunsill, C-442/04, Ġabra p. I-3517, punt 22, u tal-20 ta’ Mejju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-91/05, Ġabra p. I-3651, punti 29 sa 34).

87

Fit-tieni każ, fl-okkorrenza dak tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012, il-kwistjoni li tqum hija dik tal-eżistenza ta’ bażi legali li tiġġustifika l-emenda tar-Regolament Nru 314/2004 għall-inklużjoni fl-Anness III tiegħu, li tinkludi l-ismijiet ta’ persuni u entitajiet li l-fondi u riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati, l-ismijiet ta’ persuni jew ta’ entitajiet li ġew inklużi fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/101, kif emendat bid-Deċiżjoni 2012/97, minħabba li dawn kienu wettqu attivitajiet li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta’ dritt fiż-Żimbabwe, filwaqt li, skont l-Artikolu 6(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 314/2004 jipprevedi unikament l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull organu li huma assoċjati ma’ dawn tal-aħħar.

88

Għalhekk għandhom suċċessivament jiġu eżaminati dawn iż-żewġ mistoqsijiet.

Fuq il-bażi legali tad-Deċiżjonijiet 2011/101 u 2012/97 u tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124

89

Ir-rikorrenti jressqu tliet argumenti strettament marbutin li jistgħu jinftehmu biss bħala li jikkontestaw il-kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta, abbażi tal-Artikolu 29 UE, id-Deċiżjonijiet 2011/101 u 2012/97 fir-rigward ta’ persuni li wettqu attivitajiet li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe.

90

L-ewwel nett, huma jsostnu li, jekk is-sostenn għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, u d-drittijiet tal-bniedem (kif ukoll il-ġlieda kontra t-terroriżmu) huma għanijiet leġittimi tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni (PESK), il-Kunsill u l-Kummissjoni ma għandhomx kompetenza sabiex jilleġiżlaw b’mod ġenerali f’materji kriminali jew ċivili. Il-kompetenza tagħhom f’dan il-qasam hija strettament limitata u ddefinita mill-Artikoli 82 TFUE sa 86 TFUE u jirriżulta mill-Artikolu 40 TUE li huma ma għandhomx jeċċeduha. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, għalkemm l-Unjoni tista’ tadotta regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-ksur kriminali fl-oqsma tal-kriminalità transkonfinali gravi u jarmonizzaw il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali sabiex jiggarantixxu implementazzjoni effettiva ta’ politika tal-Unjoni, la l-Kunsill u lanqas il-Kummissjoni ma għandhom kompetenza sabiex jibbażaw ruħhom fuq il-PESK sabiex jimponu miżura ta’ ffriżar ta’ fondi jew projbizzjoni ta’ vjaġġar lil individwi unikament minħabba li huma kienu allegatament ġew implikati f’aġir kriminali jew f’reati fil-passat.

91

It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, rabta ċara u evidenti bejn il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi u l-għanijiet leġittimi tal-PESK segwiti mill-Unjoni fir-rigward ta’ Stat terz hija neċessarja. Issa, ma teżisti ebda rabta bejn persuni akkużati li wettqu delitti jew reati serji fil-passat u kwalunkwe għan leġittimu tal-PESK. Ma huwiex spjegat kif l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi jew ta’ projbizzjoni ta’ vvjaġġar fir-rigward ta’ dawn il-persuni, li ma humiex akkużati li huma marbuta mal-gvern attwali taż-Żimbabwe, tista’ tippermetti t-twettiq ta’ kwalunkwe għan leġittimu tal-PESK. Ir-rikorrenti li jaqgħu taħt din l-aħħar kategorija la huma terroristi li jistgħu jqiegħdu l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom għas-servizz ta’ attivitajiet terroristiċi internazzjonali, u lanqas ma huma persuni responsabbli jew li jżommu setgħa ta’ kontroll fir-rigward ta’ kwalunkwe politika implementata mill-Gvern taż-Żimbabwe.

92

It-tielet nett, il-Kunsill għandu l-obbligu, meta jadotta miżuri restrittivi, li jispjega kif dawn il-miżuri huma xierqa u proporzjonali sabiex jilħqu għan leġittimu. Issa, f’dan il-każ, ebda ġustifikazzjoni leġittima ta’ politika barranija ma kienet ġiet ipprovduta bl-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ atturi mhux tal-Istat taż-Żimbabwe, li kienu wettqu delitti jew reati serji fil-passat. Lanqas ma jista’ jiġi spjegat kif l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi jew ta’ projbizzjoni ta’ vvjaġġar lil individwi li ma għandhom ebda responsabbiltà jew influwenza fuq il-politika ta’ Gvern ta’ unità nazzjonali fil-poter fiż-Żimbabwe fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati tikkostitwixxi mod xieraq u proporzjonat li jintlaħaq kwalunkwe għan leġittimu tal-PESK.

93

Għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-qari flimkien tal-Artikoli 21 TUE u 29 TUE, li t-test tagħhom huwa mfakkar, fil-punti 78 u 76 iktar ’il fuq, li l-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiġu promossi, fil-bqija tad-dinja u, konsegwentement, fiż-Żimbabwe, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, tista’ tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 29 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2013, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑200/11, punt 46). Fil-fatt, permezz tal-argument tagħhom, hekk kif miġbur fil-qosor iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jikkontestawx b’mod ġenerali din il-konklużjoni, iżda jsostnu biss li miżuri restrittivi, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, adottati fir-rigward ta’ persuni jew ta’ entitajiet fuq il-bażi biss tal-aġir tagħhom, ta’ natura allegatament kriminali jew li jikkonsisti f’reati, ma jaqgħux taħt in-numru ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE. Dejjem skont ir-rikorrenti, tali aġir jista’ minbarra dan, jiġi suġġett għal miżuri adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li hija inkwistjoni fil-Artikoli 82 TFUE sa 86 TFUE.

94

Madankollu dawn l-argumenti tar-rikorrenti jinjoraw il-kuntest li jagħmlu parti minnu attivitajiet li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe, bħal dawk li l-persuni li isimhom ġie inkluż fil-lista li tidher fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101 huma akkużati bihom. Għalhekk hemm lok li jitfakkar dan il-kuntest, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/101 u mill-atti li ppreċedewha.

95

Għalhekk, il-premessa 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/145, f’dan il-każ l-ewwel pożizzjoni komuni adottata fir-rigward taż-Żimbabwe (ara l-punt 1 iktar ’il fuq), tirrileva dan li ġej:

“Fit-28 ta’ Jannar 2002, il-Kunsill esprima t-tħassib serju tiegħu rigward is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe, b’mod partikolari ż-żieda reċenti tal-vjolenza, il-miżuri ta’ intimidazzjoni kontra avversarji politiċi u ta’ fastidju lill-istampa indipendenti. Huwa osservat li l-Gvern taż-Żimbabwe ma ħa ebda miżura konkreta sabiex itejjeb is-sitwazzjoni, hekk kif kien stiednu jagħmel il-Kunsill Ewropew ta’ Laeken ta’ Diċembru 2001” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

96

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/145 ġiet emendata u pprorogata bil-Pożizzjoni Komuni 2003/115. Il-premessa 2 ta’ din tal-aħħar hija fformulata kif ġej:

“Is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe kompliet tiddeterjora u ksur gravi għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni kif ukoll għal-libertà ta’ għaqda paċifika jkompli jseħħ fil-pajjiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

97

Il-Pożizzjoni Komuni 2004/161, li ħassret u ssostitwixxiet il-Pożizzjoni Komuni 2002/145, tagħmel riferiment ukoll, fil-premessa 6 tagħha, għad-“deterjorazzjoni kontinwa tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe” li tiġġustifika li jiġġeddu miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni fir-rigward ta’ dan il-pajjiż għal tnax-il xahar ieħor. Skont il-premessa 7 ta’ din l-istess pożizzjoni komuni, “[l]-għan ta’ dawn il-miżuri restrittivi huwa li jħeġġeġ in-nies immirati jirrifjutaw il-politiki li jwasslu għat-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-iggvernar tajjeb”.

98

Il-Kunsill ovvjament ikkunsidra li s-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe ma kinitx ser titjieb peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 3 iktar ’il fuq, dan suċċessivament ipproroga t-tul ta’ validità tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 sal-20 ta’ Frar 2009“[f]id-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe”, bħal ma jirrilevaw b’mod stereotip il-pożizzjonijiet komuni differenti li wettqu dawn il-prorogi.

99

Fl-2008, seħħew l-elezzjonijiet fiż-Żimbabwe. Hekk kif fakkar il-Kunsill, f’dikjarazzjoni tat-22 ta’ Ġunju 2008, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-PESK għamel riferiment għall-“kampanja sistematika inaċċettabbli ta’ vjolenza, ta’ ostruzzjoni u ta’ intimidazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Żimbabweni minn xi ġimgħat ilu” u qies li “f’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-elezzjonijiet effettivament kienu saru parodija tad-demokrazija” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

100

Kif fakkar ukoll il-Kunsill, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, fid-dawl tal-konċiljazzjoni min-naħa tas-setgħa fiż-Żimbabwe, f’dan il-każ iż-ZANU-PF, mal-oppożizzjoni, ftehim politiku globali (Global Political Agreement, iktar ’il quddiem il-“GPA”) ġie ffirmat bejniethom fil-15 ta’ Settembru 2008, li kien jipprevedi, b’mod partikolari, il-ħatra ta’ gvern ġdid ta unità nazzjonali li jinkludi, minbarra membri proposti miż-ZANU-PF, diġà fil-poter qabel il-ħatra ta’ dan il-gvern, membri proposti mill-oppożizzjoni. Robert Mugabe baqa’ President taż-Żimbabwe. Dan il-gvern ġie finalment iffurmat fid-9 ta’ Frar 2009, iżda, skont il-Kunsill, is-snin li segwew kienu milquta minn ġlieda għall-poter bejn iż-ZANU-PF u l-partiti tal-oppożizzjoni. F’din il-ġlieda, Robert Mugabe kien baqa’ jibbenefika mis-sostenn tas-sistema ta’ sigurtà Żimbabwena, li kienet tinkludi l-armata, is-servizz ta’ informazzjoni, il-pulizija u s-sistema penitenzjarja tal-pajjiż. Il-korp li jikkoordina din is-sistema, f’dan il-każ il-Joint Operations Command (Kmand konġunt tal-operazzjonijiet), huwa, fil-parti l-kbira, responsabbli mill-vjolenza matul l-elezzjonijiet tal-2008 u l-persuni li kienu għamlu parti minnu fl-2008 għadhom jokkupaw il-pożizzjoni tagħhom.

101

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/68/PESK, tas-26 ta’ Jannar 2009, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 23, p. 43), ipprorogat it-tul ta’ validità tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 għal sena supplimentari, sal-20 ta’ Frar 2010. Il-premessa 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2009/68 tindika li din il-proroga qed isseħħ “[f]id-dawl tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe, b’mod partikolari minħabba l-vjolenza organizzata u mwettqa mill-awtoritajiet taż-Żimbabwe u l-imblokkar kontinwat tal-implimentazzjoni tal-ftehim politiku ffirmat fil-15 ta’ Settembru 2008”. Bl-istess mod, id-Deċiżjoni 2010/92, li pprorogat it-tul ta’ validità tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161 sal-20 ta’ Frar 2011 tirreferi, fil-premessa 3 tagħha, għan-“n-nuqqas ta’ progress fl-implimentazzjoni” tal-GPA.

102

Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi ssostitwit ir-riferiment li jsir, fl-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2011/101 (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq), lil persuni li “l-attivitajiet tagħhom jimminaw id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe”. Minn dan jirriżulta li dan ir-riferiment ma jirreferix għal kull aġir kriminali jew li jikkonsisti f’reat li jista’ jaqa’ taħt id-dritt kriminali, jew anki ċivili, ordinarju. Dan jikkonċerna ovvjament l-aġir ta’ persuni li wettqu atti li wasslu lill-Kunsill li jakkuża lill-mexxejja taż-Żimbabwe b’“żieda [...] tal-vjolenza”, “miżuri ta’ intimidazzjoni kontra avversarji politiċi u ta’ fastidju lill-istampa indipendenti” (ara l-punt 95 iktar ’il fuq), “ksur gravi għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni kif ukoll għal-libertà ta’ għaqda paċifika” fil-pajjiż (punt 96 iktar ’il fuq) jew ukoll “kampanja sistematika inaċċettabbli ta’ vjolenza, ta’ ostruzzjoni u ta’ intimidazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Żimbabweni” (punt 99 iktar ’il fuq).

103

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma kkonfermati mill-formulazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2011/101. Fil-fatt, filwaqt li, ovvjament, aġir kriminali jew li jikkonsisti f’reati jista’ jippreġudika b’mod gravi d-drittijiet ta’ persuni li huma l-vittmi tiegħu, huwa diffiċilment maħsub li dan jista’ jdgħajjef id-demokrazija stess jew l-istat tad-dritt, fl-assenza ta’ rabta ta’ kollużjoni bejn il-persuni direttament implikati f’dan l-aġir u parti, tal-inqas mill-mexxejja tal-pajjiż ikkonċernat.

104

Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-GPA u l-formazzjoni tal-Gvern imsejjaħ ta’ unità nazzjonali ma kellhomx bħala effett li jisseparaw totalment mill-poter lill-mexxejja taż-Żimbabwe kkonċernati permezz tal-akkużi miġbura fil-qosor iktar ’il fuq (ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-punt 109 iktar ’il quddiem). L-iktar dawn wasslu għal tqassim tal-poter bejn dawn l-istess mexxijja u l-partiti tal-ex oppożizzjoni.

105

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Artikolu 29 TUE jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħad-Deċiżjonijiet 2011/101 u 2012/97, fir-rigward ta’ persuni li huma inkwistjoni fil-punt 102 iktar ’il fuq. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-miżuri restrittivi kkonċernati minn dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma kinux ġew imposti fuq dawn il-persuni minħabba l-allegata implikazzjoni tagħhom indipendentement minn kwalunkwe aġir kriminali jew li jikkonsisti f’reati, iżda minħabba l-aġir allegat tagħhom li, filwaqt li jaqa’ wkoll u probabbilment ħafna taħt il-liġijiet kriminali jew, tal-inqas, ċivili, jagħmel parti mill-istrateġija ta’ intimidazzjoni u ta’ ksur sistematiku tad-drittijiet fundamentali tal-poplu Żimbabwen, akkużat mill-Kunsill lill-mexxejja ta’ dan il-pajjiż. Huwa preċiżament minħabba din l-aħħar raġuni li l-persuni li huma akkużati minn dan l-aġir setgħu leġittimament ikunu suġġetti għal miżura bħaż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, meħuda abbażi tal-Artikolu 29 TUE.

106

Huwa wkoll għal din ir-raġuni li teżisti rabta, bħal dik evokata mir-rikorrenti fl-argument tagħhom miġbur fil-qosor fil-punt 91 iktar ’il fuq, bejn l-aġir ta’ dawn il-persuni u l-għanijiet leġittimi tal-PESK, hekk kif elenkati fl-Artikolu 21 TUE. Fid-dawl tal-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, imġedda bid-Deċiżjoni 2011/101 (ara l-punt 97 iktar ’il fuq), kien għal kollox raġonevoli li jiġu inklużi, fost il-persuni suġġetti għalihom, l-allegati awturi tal-vjolenza u tal-intimidazzjoni li għalihom il-mexxejja taż-Żimbabwe kellhom, skont il-Kunsill, jassumu r-responsabbiltà fuq il-livell politiku, u mhux biss dawn l-aħħar mexxejja. Fil-fatt, indipendentement minn kwalunkwe azzjoni kriminali, jew anki ċivili, li setgħet tittieħed kontra l-persuni allegatament implikati fil-vjolenza akkużata, kien leġittimu u konformi mal-għanijiet tal-PESK li jiġu stabbiliti miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu, ukoll lil dawn il-persuni, sabiex “jirrifjutaw il-politiki li jwasslu għat-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-iggvernar tajjeb” li, fil-każ tagħhom, jimplika li huma jastjenu minn kwalunkwe aġir analogu fil-futur.

107

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti miġbur fil-qosor fil-punt 92 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li dan fir-realtà ma jikkonċernax il-bażi legali tal-atti kkontestati, iżda jqajjem nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ dawn l-atti. Indipendentement ukoll minn din il-kunsiderazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet fl-oriġini tal-atti differenti li stabbilixxew u pprorogaw il-miżuri restrittivi inkwistjoni, imfakkra fil-punti 95 sa 101 iktar ’il fuq u hekk kif ser jiġi espost fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv iktar ’il quddiem, il-Kunsill ipprovda espożizzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet li wassluh sabiex jinkludi, fost il-persuni suġġetti għal dawn il-miżuri, dawk li huma inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

108

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, fi kwalunkwe każ, il-miżuri restrittivi kkontestati ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq proporzjonalment kwalunkwe għan leġittimu. F’dan ir-rigward, huma jressqu ħames argumenti. L-ewwel nett, filwaqt li dawn il-miżuri huma intiżi sabiex jiffukaw fuq membri tal-gvern attwali, huma jikkonċentraw għal kollox fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw il-Gvern preċedenti taż-Żimbabwe, u mhux dak li jinsab fil-poter sussegwentement għall-applikazzjoni tal-GPA. Barra minn hekk, dan l-aħħar Gvern (imsejjaħ “ta’ unità nazzjonali”) huwa sostnut mill-Unjoni, li kienet bdiet djalogu miegħu. It-tieni nett, l-attivitajiet u reati akkużati lir-rikorrenti huma relatati, f’ċertu numru ta’ każijiet, mal-perijodu preċedenti għall-formazzjoni tal-Gvern ta’ unità nazzjonali. It-tielet nett, l-impożizzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ projbizzjoni ta’ vvjaġġar lil individwi li ma humiex marbuta mal-Gvern jew li ma jipparteċipawx fil-politiki li dan jimplementa u lanqas ma jikkontrollawhom bl-ebda mod ma tkun tista’ tikkontribwixxi għal kwalunkwe għan leġittimu tal-PESK. Ir-raba’ nett, ir-Renju Unit, li kien ippropona li individwi jiġu miżjuda mal-lista ta’ persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, japplika strateġija intiża sabiex iżżomm il-pressjoni fuq l-estremisti. Issa dan ma huwiex għan uffiċjali tal-PESK u ma setax jiġġustifika l-estensjoni ta’ miżuri restrittivi għal atturi mhux tal-Istat fiż-Żimbabwe li kienu allegatament wettqu attivitajiet kriminali fil-passat. Il-ħames nett, anki jekk il-miżuri kkontestati kienu xierqa, huma jibqgħu sproporzjonati għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-ħames motiv.

109

L-aħħar minn dawn il-ħames argumenti jikkonsisti biss fi sempliċi riferiment għall-argument imressaq mir-rikorrenti insostenn tal-ħames motiv tagħhom, eżaminat fil-punti 285 sa 302 iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-erbgħa l-oħra, dawn jibbażaw, ovvjament, fuq il-premessa li l-formazzjoni tal-gvern imsejjaħ ta’ unità nazzjonali, bħal ma jipprevedi l-GPA, kellha bħala effett sostituzzjoni totali tal-mexxejja taż-Żimbabwe. Issa, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 100 iktar ’il fuq, dan ma kienx il-każ. Għalkemm, ċertament, il-Gvern ta’ unità nazzjonali kien jinkludi fi ħdanu rappreżentanti tal-oppożizzjoni, dan kien jinkludi wkoll rappreżentanti taż-ZANU-PF, jiġifieri l-partit li kien fil-poter meta l-vjolenzi, l-intimidazzjoni u l-ksur tad-drittijiet fundamentali allegati mill-Kunsill fil-pożizzjonijiet komuni differenti u fid-deċiżjonijiet relatati maż-Żimbabwe, imfakkra iktar ’il fuq, kienu seħħew. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tweġiba tal-Kunsill għal waħda mill-mistoqsijiet li għamlitlu l-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, essenzjalment, il-membri tal-Gvern ta’ unità nazzjonali proposti miż-ZANU-PF kienu diġà membri tal-Gvern preċedenti. Minbarra dan, il-President taż-Żimbabwe, Robert Mugabe, kompla jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.

110

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li jidher li jikkunsidraw ir-rikorrenti, ma jistax ikun hemm inkwistjoni bdil radikali u komplet tal-mexxejja taż-Żimbabwe, wara l-formazzjoni tal-Gvern ta’ unità nazzjonali, skont il-GPA. Kien għalhekk li l-Kunsill seta’, anki wara l-formazzjoni ta’ dan il-Gvern, jadotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, deċiżjoni li tipprevedi miżuri restrittivi fir-rigward kemm ta’ dawk fost il-mexxejja attwali taż-Żimbabwe li kienu diġà parti mill-mexxejja ta’ dan il-pajjiż preċedentement jew assoċjati tagħhom, kif ukoll persuni li fil-passat kienu wettqu attivitajiet li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, hekk kif jirriżulta mill-premessi tal-Pożizzjoni Komuni 2009/68 u tad-Deċiżjoni 2010/92, imfakkra fil-punt 101 iktar ’il fuq, il-Kunsill ikkunsidra li l-implementazzjoni tal-GPA kienet suġġetta għal “imblokkar kontinwat” u kienet ikkaratterizzata minn “nuqqas ta’ progress”.

111

Minbarra dan, f’dak li jikkonċerna, iktar partikolarment, ir-raba’ argument, li jagħmel riferiment għall-istrateġija allegatament differenti tar-Renju Unit, dan huwa bbażat fuq rapport ta’ Kumitat Parlamentari ta’ dan l-Istat Membru, prodott mir-rikorrenti fl-anness għar-rikors tagħhom. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, kif isostni essenzjalment il-Kunsill, għandha tiġi evalwata l-legalità tal-atti kkontestati abbażi tal-motivi li jesponu huma stess u mhux abbażi tal-allegati kunsiderazzjonijiet tal-Gvern tar-Renju Unit li kienu wassluh sabiex jagħti l-kunsens tiegħu b’dawn l-atti. Huwa għaldaqstant iktar il-każ fejn, bħal ma jsostni wkoll il-Kunsill, dawn l-atti ovvjament ma kinux ġew adottati mir-Renju Unit biss, iżda mir-rappreżentanti kollha tal-Istati Membri, magħqudin fi ħdan il-Kunsill.

112

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 29 TUE kien jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/97 bħal, barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2011/101 li din id-deċiżjoni emendat. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124 ukoll ġiet adottata abbażi ta’ bażi legali xierqa, f’dan il-każ, l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2011/101.

Fuq il-bażi legali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012

113

Hekk kif diġà ġie rrilevat (ara l-punt 80 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012 abbażi tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 314/2004.

114

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-termini tagħha (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), id-dispożizzjoni inkwistjoni tirreferi għad-“deċiżjonijiet meħuda skond l-Anness għall-Posizzjoni Komuni 2004/161”. Issa, bħal ma ġie rrilevat fil-punt 6 iktar ’il fuq, il-Pożizzjoni Komuni 2004/161 kienet tħassret bid-Deċiżjoni 2011/101.

115

Ċertament, ikun mixtieq li tiġi implementata l-formulazzjoni tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 314/2004, billi r-riferiment għall-Pożizzjoni Komuni 2004/161 imħassra jiġi ssostitwit bir-riferiment għad-Deċiżjoni 2011/101, li ħadet postha. Madankollu, anki quddiem nuqqas ta’ tali implementazzjoni, huwa ċar li d-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri wkoll kull deċiżjoni relatata ma’ miżura, bħal f’dan il-każ id-Deċiżjoni 2011/101, li, filwaqt li ħassret il-Pożizzjoni Komuni 2004/161, issostitwixxietha u essenzjalment tinkludi dispożizzjonijiet identiċi.

116

Fil-fatt, eżami komparattiv tad-dispożizzjonijiet taż-żewġ miżuri inkwistjoni juri li l-Artikoli 1 sa 5 tad-Deċiżjoni 2011/101 huma, bl-eċċezzjoni ta’ xi emendi ta’ punteġġatura ta’ natura sekondarja, identiċi għall-artikoli korrispondenti tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fil-mument tat-tħassir tagħha. L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2011/101 jieħu, fil-paragrafu 1 tiegħu, it-test tal-Artikolu 6 tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, iżda jinkludi wkoll żewġ paragrafi ġodda intiżi sabiex jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti. Artikolu 7 ġdid, li jinkludi preċiżazzjonijiet dwar l-Anness tad-Deċiżjoni 2011/101, ovvjament sabiex jiggarantixxi r-rispett tal-obbligu ta’ motivazzjoni, jidħol bejn l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni u l-Artikolu 8 tagħha, li t-test tiegħu huwa identiku għal dak tal-Artikolu 7 tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161. L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2011/101 jikkonsisti fi klawżola waħda li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/161 filwaqt li, essenzjalment, l-aħħar artikolu (Artikolu 10) tad-Deċiżjoni 2011/101 jikkorrispondi mal-Artikolu 9 tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161. Id-Deċiżjoni 2011/101 ma tinkludix artikolu analogu għall-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, iżda dan l-aħħar artikolu jipprevedi biss il-pubblikazzjoni tal-pożizzjoni komuni inkwistjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. L-assenza ta’ dispożizzjoni analoga fit-test tad-Deċiżjoni 2011/101 ċertament hija favur il-fatt li l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali hija direttament prevista mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE.

117

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 314/2004, fis-sens li jirreferi wkoll għad-deċiżjonijiet meħuda li jikkonċernaw l-Anness tad-Deċiżjoni 2011/101 hija kkonfermata mill-premessa 5 ta’ din l-aħħar deċiżjoni, adottata, għandu jitfakkar, mill-Kunsill, li huwa wkoll l-awtur tar-Regolament Nru 314/2004. Din il-premessa tistabbilixxi li l-“miżuri implimentattivi [tad-Deċiżjoni 2011/101] tal-Unjoni huma mniżżlin fir-Regolament […] Nru 314/2004”.

118

Għandu għalhekk jiġi konkluż li l-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 314/2004 jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ regolament ta’ implementazzjoni, bħar-Regolament Nru 151/2012, abbażi ta’ deċiżjoni li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101. Sussegwentement, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni msemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk tali emenda tistax ikollha bħala effett li tissuġġetta għall-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 314/2004 persuni li huma akkużati li wettqu attivitajiet li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe, filwaqt li, skont l-Artikolu 6(1), ir-Regolament Nru 314/2004 jipprevedi unikament l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ membri individwali tal-Gvern taż-Żimbabwe jew ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew kull organu li huma assoċjati ma’ dawn tal-aħħar.

119

Hemm lok li jitfakkar li r-Regolament Nru 314/2004 ġie stabbilit abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE. Ir-rikorrenti jfakkru l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi kontra pajjiżi terzi fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, il-miżuri kontra l-persuni fiżiċi għandhom jikkonċernaw biss lill-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi u l-persuni li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 166, u tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill, C‑376/10 P, punt 63).

120

Ir-rikorrenti jżidu li, fil-proposta tagħha tar-Regolament tal-Kunsill COM (2009) 395 finali, tad-29 ta’ Lulju 2009, li temenda r-Regolament Nru 314/2004, il-Kummissjoni kienet espressament irrikonoxxiet li l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma kinux biżżejjed sabiex jimponu miżuri restrittivi fuq persuni mhux marbuta mal-Gvern u li kien hemm lok li jiġi emendat ir-Regolament Nru 314/2004, sabiex jiġu imposti miżuri restrittivi fuq persuni u fuq entitajiet li ma kinux ġew akkużati li huma membri tal-Gvern taż-Żimbabwe jew assoċjati tiegħu. Madankollu din il-proposta ma ġiet qatt adottata u l-miżuri restrittivi stabbiliti mir-Regolament Nru 314/2004 jkomplu jiġu bbażati fuq l-Artikoli 60 KE u 301 KE.

121

Il-Kunsill iwieġeb li d-Deċiżjoni 2011/101 ġiet adottata wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u li, minn dak iż-żmien, jistgħu jiġu adottati, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, miżuri restrittivi intiżi għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux tal-Istat, li ma għandhomx rabta mar-reġim fil-poter ta’ pajjiż terz. L-iżvilupp li jikkostitwixxi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jfisser li l-proposta tal-Kummissjoni, evokata mir-rikorrenti, ġiet issuperata mill-avvenimenti. Il-Kummissjoni tinvoka, hija wkoll, l-Artikolu 215(2) TFUE fl-argument tagħha u ssostni li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra persuni jew entitajiet oħra minbarra l-mexxejja ta’ pajjiżi terzi u dawk li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja.

122

Huwa ċertament preċiż li, hekk kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il-Kunsill (C‑130/10, punt 51), wara emendi li saru fid-dritt primarju wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-kontenut tal-Artikolu 60 KE, rigward il-miżuri restrittivi f’dak li jikkonċerna l-movimenti ta’ kapital u l-ħlasijiet, u l-Artikolu 301 KE, li jikkonċerna l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ Stat terz jew ma’ diversi Stati terzi, huwa rifless fl-Artikolu 215 TFUE. Kif ikkonfermat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 215(2) TFUE jippermetti lill-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux tal-Istat, jiġifieri miżuri li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kienu jeżiġu l-inklużjoni wkoll tal-Artikolu 308 KE fil-bażi legali tagħhom jekk id-destinatarji tagħhom ma kellhom l-ebda rabta mas-sistema ta’ tmexxija ta’ Stat terz (sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

123

Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet juru biss li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill kellu bażi legali xierqa, ikkostitwita mill-Artikolu 215(2) TFUE, li kienet tippermettilu li jadotta regolament li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fiż-Żimbabwe li ma għandhomx rabtiet mal-mexxejja ta’ dan l-Istat terz. Issa, għandu jiġi kkonstatat li ebda regolament ta’ din in-natura ma ġie adottat. Ir-Regolament Nru 314/2004 jkompli jagħmel riferiment, fl-Artikolu 6(1) tiegħu, “[għall-]membri individwali tal-Gvern taż-Żimbabwe jew lil persuni naturali jew ġuridiċi, entitajiet jew istituzzjonijiet assoċjati magħhom kif elenkati fl-Anness III”.

124

Madankollu, hemm lok li ssir interpretazzjoni tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 314/2004 konformement mad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament u li jiġi konkluż, għalhekk, li l-Kummissjoni ma tistax, permezz ta’ Regolament ta’ Implementazzjoni, temenda l-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004 ħlief jekk il-persuni li isimhom kellhom jiġu inklużi f’dan l-anness setgħu jiġu kklassifikati kemm bħala membri tal-Gvern taż-Żimbabwe kif ukoll bħala persuni assoċjati magħhom.

125

Għalhekk hemm lok li tiġi eżaminata, b’mod partikolari, il-kwistjoni jekk il-persuni inklużi fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101 minħabba li wettqu attivitajiet li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt taż-Żimbabwe jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ assoċjati mal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe. Ovvjament, jekk persuna waħda jew diversi minnhom huma fl-istess ħin membri tal-Gvern taż-Żimbabwe, xejn ma jipprekludi l-inklużjoni ta’ isimhom, skont ir-Regolament ta’ Implementazzjoni adottat abbażi tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 314/2004, fil-lista li tidher fl-Anness IIII ta’ dan ir-regolament, peress li l-kwalità tagħhom bħala membri tal-Gvern hija diġà suffiċjenti sabiex tiġġustifika din l-inklużjoni.

126

Sabiex jiġi stabbilit aħjar il-kunċett ta’ “assoċjat” tal-mexxejja ta’ pajjiż terz, bħal ma jintuża fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, ċerti preċiżazzjonijiet dwar il-kawżi li taw lok għal din il-ġurisprudenza huma neċessarji. Fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq, kienu inkwistjoni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 167 ta’ din is-sentenza, miżuri restrittivi kkaratterizzati mill-assenza ta’ kwalunkwe rabta mar-reġim mexxej ta’ pajjiż terz. Konkretament, dawn kienu miżuri intiżi direttament kontra Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida kif ukoll il-persuni u entitajiet li kienu assoċjati magħhom, wara l-waqa’ tar-reġim tat-Talibani fl-Afganistan.

127

Fil-kawża li tat lok għas-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq, il-persuna suġġetta għal miżuri restrittivi kienet membru tal-familja ta’ mexxej ta’ intrapriża fil-Mjanmar. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż li l-mexxejja ta’ ċerti impriżi jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri restrittivi adottati abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE sakemm ikun intwera li huma kienu assoċjati mal-mexxejja tar-Repubblika tal-Unjoni tal-Mjanmar jew li l-attivitajiet ta’ dawn l-impriżi kienu jiddependu minn dawn il-mexxejja (sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq, punt 55). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikazzjoni ta’ tali miżuri lill-persuni fiżiċi biss minħabba r-rabta tagħhom bħala parti mill-familja ma’ persuni li huma assoċjati mal-mexxejja tal-pajjiż terz ikkonċernat u indipendentement mill-aġir personali tagħhom (sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq, punt 66).

128

Madankollu, ebda wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet ma huwa paragunabbli maċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Kuntrarjament għal dak li kien il-każ fil-kawżi li taw lok għas-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, għar-raġunijiet esposti fil-punt 109 iktar ’il fuq, ma hijiex kwistjoni ta’ “waqa’” tar-reġim li kien fil-poter fiż-Żimbabwe fil-mument meta seħħew il-vjolenzi, l-intimidazzjonijiet u l-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-poplu Żimbabwen invokati mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Fir-rigward tas-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, din ma hija bl-ebda mod kwistjoni ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi għas-sempliċi raġuni li huma membri tal-familja tal-assoċjati tal-mexxejja ta’ Stat terz.

129

Minn dan jirriżulta li xejn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja eżaminata iktar ’il fuq ma jipprekludi li l-persuni li isimhom kien inkluż fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/97 minħabba li l-attivitajiet tagħhom idgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe, jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “assoċjati ma’ membri tal-Gvern taż-Żimbabwe” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 314/2004. U huwa fil-fatt hekk li għandhom jiġu kklassifikati, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet u kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 105, 106, 109 u 110 iktar ’il fuq.

130

Fi kliem ieħor, għandu jiġi konkluż li, fiċ-ċirkustanzi partikolari taż-Żimbabwe, hekk kif jirriżultaw mill-konstatazzjonijiet li jidhru fil-punti 95 sa 104 iktar ’il fuq, il-“persuni fiżiċi oħrajn li l-attivitajiet tagħhom jimminaw id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe” u l-persuni ġuridiċi, entitajiet jew organi li jappartjenu lil dawn il-persuni fiżiċi, evokati kollha fl-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2011/01, ma għandhomx jiġu distinti minn assoċjati tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew organi li jappartjenu lil tali assoċjati, iżda jikkostitwixxu, fir-realtà, kategorija partikolari ta’ dawn l-assoċjati.

131

Huwa ċertament preċiż li, mill-ewwel daqqa t’għajn, il-formulazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet evokati iktar ’il fuq, permezz tal-użu tal-formulazzjoni “kif ukoll” u “persuni [...] oħrajn” tidher li hija favur konklużjoni f’sens kuntrarju. Madankollu, fid-dawl tal-kuntest li wassal għall-adozzjoni u għall-proroga, għal perijodu twil ħafna, ta’ miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe, hekk kif deskritt fil-punti 95 sa 104 iktar ’il fuq, interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 314/2004 li twassal għall-konklużjoni li l-miżuri restrittivi previsti f’dan ir-regolament ma jistgħux jiġu imposti fuq il-persuni li huma inkwistjoni fil-punt 129 iktar ’il fuq ma tistax tiġi ammessa.

132

Ikun fil-fatt paradossali li jiġi ammess li l-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 314/2004 jistgħu jiġu adottati fir-rigward tal-membri tal-familji tal-mexxejja taż-Żimbabwe (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata) għar-raġuni biss li jikkostitwixxu assoċjati ta’ dawn il-mexxejja u mingħajr ma aġir speċifiku, li jdgħajjef d-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, ma jiġi akkużat fil-konfront tagħhom u li tiġi eskluża, fl-istess waqt, l-adozzjoni ta’ tali miżuri fir-rigward ta’ persuni li kkostitwixxew il-veri strumenti ta’ eżekuzzjoni tal-politika ta’ vjolenza, ta’ intimidazzjoni u ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali li dawn il-mexxejja huma akkużati biha mill-Unjoni. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni bħala “assoċjati” tal-mexxejja taż-Żimbabwe hija ħafna iktar iġġustifikata fil-każ ta’ dawn l-aħħar persuni milli fil-każ tal-membri tal-familja ta’ dawn il-mexxejja.

133

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 11(b) tar-Regolament Nru 314/2004 kien jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012, fir-rigward tal-persuni kollha kkonċernati minnu.

134

Il-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu huma kkonfermati mill-eżami tal-motivi pprovduti fil-kuntest tal-inklużjoni fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101, kif emendat bid-Deċiżjoni 2012/97, tal-ismijiet tar-rikorrenti li huma elenkati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 33 tar-rikors. Hemm lok li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, bħal ma jsostni ġustament il-Kunsill, l-iktar parti kbira tar-rikorrenti kkonċernati kienet tokkupa pożizzjonijiet li kienu jippermettu li dawn jiġu kklassifikati bħala mexxejja taż-Żimbabwe jew bħala assoċjati tagħhom u li tiġi ġġustifikata, għalhekk, unikament għal din ir-raġuni, l-inklużjoni tagħhom f’dan l-anness. Madankollu indipendentement minn din l-osservazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każijiet kollha, jirriżulta mid-deskrizzjoni qasira tal-aġir li huma akkużati bih, li din hija kwistjoni ta’ attivitajiet li jippreżentaw rabta manifesta mal-politika ta’ vjolenza, ta’ intimidazzjoni u ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-poplu Żimbabwen, hekk kif akkużata lill-mexxejja ta’ dan l-Istat mill-Unjoni.

135

Għalhekk, pereżempju, fil-każijiet ta’ Joseph Chinotimba (il-ħmistax-il rikorrent) u ta’ Gilbert Moyo (l-erba’ u ħamsin rikorrent), dawn huma akkużati li pparteċipaw f’atti ta’ vjolenza matul elezzjonijiet tal-2008. Fir-rigward tat-tletin rikorrent, Nolbert Kunonga, huwa msemmi, fir-rigward tiegħu, fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/97, kif ġej: “Isqof Anglikan awto-proklamat. Sostenitur voċiferuż tar-reġim. Dawk li segwewh kienu appoġġati mill-pulizija fit-twettiq ta’ atti ta’ vjolenza kontra s-sostenituri tal-knisja fl-2011.” Ir-raġunijiet mogħtija għall-inklużjoni tar-rikorrenti l-oħra kollha msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 33 tar-rikors għandhom kontenut fil-parti l-kbira analogu.

136

Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta ’ motivazzjoni

137

Ir-rikorrenti jsostnu li, filwaqt li, sal-2007, ebda motivazzjoni ma kienet ipprovduta għall-miżuri restrittivi imposti fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe, il-Kunsill u l-Kummissjoni sussegwentement bdew jipprovdu ċerta motivazzjoni. Madankollu, sa fejn din tikkonċernahom, il-motivi mressqa fl-atti kkontestati ma humiex konformi mal-prinċipji applikati mill-ġurisprudenza u jikkonsistu f’affermazzjonijiet ta’ portata ġenerali, mingħajr ma juru b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet konkreti u speċifiċi li għalihom ġie kkunsidrat li kull waħda mill-persuni u entitajiet suġġetti tiġi suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Ikun impossibbli, għall-persuna jew għall-entità kkonċernata li ssir taf ir-raġuni li għaliha isimha nżamm fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal dawn il-miżuri restrittivi, filwaqt li l-ismijiet ta’ persuni jew entitajiet oħra kienu ġew irtirati, u lanqas li tkun taf kif din il-persuna jew entità tista’ tikseb it-tħassir ta’ isimha minn din il-lista fil-futur. Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu “bħala eżempju” għar-riferimenti “vagi u ġenerali wisq” relatati ma’ 39 fosthom hekk kif jidhru fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/101, kif ġie ssostitwit bid-Deċiżjoni 2012/97.

138

Ir-rikorrenti jżidu li, skont il-ġurisprudenza, deċiżjoni li ġġedded miżuri restrittivi preċedentement imposti għandha tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom l-awtorità kkonċernata tikkunsidra, wara eżami mill-ġdid, li l-iffriżar ta’ fondi tal-persuna kkonċernata jibqa’ ġġustifikat. F’dan il-każ, l-istituzzjonijiet konvenuti ma kkonformawx ruħhom ma’ dan l-obbligu. Huma ma kienu qatt indikaw jekk, u għalfejn, huma jikkunsidraw li l-attivitajiet ta’ wieħed jew tal-ieħor mir-rikorrenti jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jew l-istat tad-dritt taż-Żimbabwe, filwaqt li huma kienu żiedu, fir-rigward tar-rikorrenti, allegazzjonijiet għal kollox ġodda ta’ aġir kriminali gravi, li qatt ma kienu ġew invokati qabel.

139

L-obbligi indikati iktar ’il fuq ikunu għaldaqstant iktar rilevanti f’dan il-każ kieku l-istituzzjonijiet konvenuti kienu ppruvaw jiġġustifikaw it-tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tar-rikorrenti b’riferiment għall-aġir tagħhom fil-passat, billi japplikaw għalhekk “preżunjoni mhux iddikjarata” fir-rigward tal-aġir tal-istess persuni fil-futur. Ir-rikorrenti jfakkru, f’dan il-kuntest, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Jannar 2007, Minin vs Il-Kummissjoni (T-362/04, Ġabra p. II-2003, punt 72), u jsostnu li, bħal fil-każ tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-istituzzjonijiet konvenuti jmisshom spjegaw għalfejn l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom tal-miżuri restrittivi baqgħet neċessarja.

140

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-istituzzjonijiet konvenuti ħadu fir-rigward tagħhom id-deċiżjoni li jġeddu l-miżuri restrittivi inkwistjoni, abbażi ta’ motivi mhux żvelati. Dawn il-motivi, żvelati għall-ewwel darba fir-risposti, jikkonsistu, l-ewwel nett, f’definizzjoni li qatt ma ngħatat qabel dwar dak li l-istituzzjonijiet konvenuti kienu jifhmu b’“assoċjazzjoni” mal-Gvern taż-Żimbabwe, it-tieni nett, fl-espożizzjoni tal-kunsiderazzjonijiet li skont dawn ebda wieħed mir-rikorrenti ma jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jostakola jew li jsostni l-implementazzjoni tal-GPA jew bħala li huwa fil-pożizzjoni li jinfluwenza l-politika tal-Gvern fiż-Żimbabwe u, it-tielet nett, fuq il-preżunzjoni li kull wieħed mir-rikorrenti jinsab fil-pożizzjoni li juża l-vjolenza waqt elezzjonijiet li kellhom iseħħu fiż-Żimbabwe fl-2013. Skont ir-rikorrenti, l-istituzzjonijiet konvenuti taw ipoteżijiet ġenerali abbażi ta’ allegazzjonijiet infondati f’dak li jikkonċerna nuqqasijiet li huma kienu wettqu fil-passat u l-appartenenza tagħhom f’partit politiku, iż-ZANU-PF, li żgur li kellhom id-dritt li jkunu membri tiegħu.

Tfakkira tal-ġurisprudenza rilevanti

141

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, għandu bħala għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk l-att huwiex tassew fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi difett li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

142

Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuna kkonċernata li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 141 iktar ’il fuq, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, il-motivazzjoni ta’ att li jimponi miżura ta’ ffriżar tal-fondi għandha tidentifika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom l-awtur ta’ dan l-att jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżura (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 141 iktar ’il fuq, punt 52).

143

Madankollu, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 141 iktar ’il fuq, punti 53 u 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

144

Sabiex tingħata deċiżjoni dwar in-natura suffiċjenti jew le tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati fir-rigward ta’ kull wieħed mir-rikorrenti kkonċernat minnhom, hemm lok li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk dawn għandhomx raġunijiet suffiċjenti ta’ natura ġenerali, intiżi sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni u t-tiġdid ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe. Jekk dan ir-rekwiżit kien ġie osservat, għandu sussegwentement jiġi eżaminat jekk l-atti kkontestati jinkludux raġunijiet suffiċjenti speċifiċi għal kull rikorrent, li jiġġustifikaw l-impożizzjoni jew it-tiġdid tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward tal-persuna jew tal-entità kkonċernata.

Fuq il-motivi tal-adozzjoni u tat-tiġdid ta’ miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe

145

Hemm lok li jitfakkar li l-atti kkontestati sempliċement ġeddew, fir-rigward tar-rikorrenti kollha, miżuri restrittivi preċedentement imposti minn atti oħra (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). Isegwi neċessarjament li dawn l-atti seħħew f’kuntest magħruf mir-rikorrenti. B’mod partikolari, taħt dan il-kuntest jaqgħu l-kunsiderazzjonijiet u l-fatti mfakkra fil-punti 95 sa 104 iktar ’il fuq, kif ukoll dawk imsemmija fil-punti 109 u 110 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti ma setgħux jinjoraw. Minn dan jirriżulta li, mill-qari tal-atti kkontestati kif ukoll mill-atti li ppreċedewhom li huma evokati iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienu fil-pożizzjoni li jifhmu l-motivi li wasslu lill-Kunsill sabiex jistabbilixxi miżuri restrittivi fir-rigward tal-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/101, kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 314/2004. Dawn il-motivi jippermettu lir-rikorrenti li jikkontestaw, skont il-każ, il-fondatezza tad-deċiżjoni li jiġu stabbiliti tali miżuri fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe, u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha f’dan ir-rigward.

146

L-istess japplika fir-rigward tal-motivi li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet sussegwenti li pprorogaw il-perijodu ta’ validità tal-miżuri inkwistjoni. B’mod partikolari, il-fatti u kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 109 u 110 iktar ’il fuq, hekk kif jirriżultaw mill-atti kkontestati u minn dawk li ppreċedewhom, jippermettu li jinftehmu r-raġunijiet li għalihom ġie deċiż, minkejja l-konklużjoni tal-GPA u l-formazzjoni sussegwenti ta’ gvern imsejjaħ ta’ unità nazzjonali, li jinżammu fis-seħħ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni u ta’ entitajiet marbuta maż-ZANU-PF, li kien l-uniku fil-poter preċedentement, minkejja li miżuri analogi ma ġewx stabbiliti fir-rigward tal-membri tal-gvern ta’ unità nazzjonali li ma kinux membri tal-gvern preċedenti.

Fuq il-motivi speċifiċi, li jiġġustifikaw l-adozzjoni u t-tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mir-rikorrenti

147

Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk l-atti kkontestati jinkludux motivazzjoni suffiċjenti, fir-rigward ta’ raġunijiet partikolari li wasslu lill-istituzzjonijiet konvenuti jikkunsidraw li kull wieħed mir-rikorrenti jaqa’ taħt waħda jew diversi kategoriji ta’ persuni li fir-rigward tagħhom kienet ġiet deċiża l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi.

148

F’dan ir-rigward, hemm lok, mal-ewwel, li jiġi miċħud bħala għal kollox irrilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza Minin vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq (punt 72). Is-silta minn din is-sentenza invokata mir-rikorrenti ma tikkonċernax il-kwistjoni tal-motivazzjoni tar-regolamenti inkwistjoni f’din il-kawża, iżda dik tal-bażi legali ta’ dawn ir-regolamenti. B’mod iktar partikolari, din hija l-kwistjoni jekk l-Artikoli 60 KE u 301 KE setgħux jikkostitwixxu bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ dawn ir-regolamenti u, f’dan il-kuntest, li jiġi vverifikat jekk il-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tar-rikorrent fil-kawża inkwistjoni, fil-kwalità tiegħu bħala assoċjat tal-ex President tal-Liberja, Charles Taylor, kinux intiżi effettivament sabiex ifixklu jew inaqqsu, totalment jew parzjalment, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz, peress li Charles Taylor kien tneħħa mis-setgħa Presidenzjali fil-Liberja mix-xahar ta’ Awwissu 2003, jiġifieri qabel l-adozzjoni ta’ dawn ir-regolamenti f’din il-kawża (sentenza Minin vs Il-Kummissjoni, punt 139 iktar ’il fuq, punti 70 u 71). Huwa f’dan il-kuntest li l-kunsiderazzjoni li r-rikorrenti jinvokaw tagħmel parti minnu, li jidher fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, li skont dan “[i]l-miżuri restrittivi meħuda kontra Charles Taylor u l-assoċjati tiegħu jibqgħu neċessarji sabiex jipprevjenu li dawn jużaw fondi u beni li huma miżapproprijaw sabiex jostakolaw l-istabbiliment mill-ġdid tal-paċi u ta’ l-istabbiltà [fil-Liberja] u f’dan ir-reġjun”.

149

Issa, f’dan il-każ, il-President Mugabe u ż-ZANU-PF ma kinux tneħħew mill-poter fiż-Żimbabwe. Hekk kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punti 109 u 110, huma sempliċement enfasizzaw il-kunsens tagħhom sabiex jaqsmu l-poter mal-partit MDC, li preċedentement kien fl-oppożizzjoni, u, barra minn hekk, skont l-awturi tal-atti kkontestati, l-implementazzjoni ta’ dan il-kunsens ta’ tqassim ta’ poter, f’dan il-każ, il-GPA, ġiet ostakolata min-naħa taż-ZANU-PF. Minbarra dan, diġà ġie rrilevat li l-atti kkontestati huma mmotivati b’mod suffiċjenti fid-dritt, fir-rigward ta’ motivi ta’ natura ġenerali li jiġġustifikaw it-tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni minkejja l-iffirmar tal-GPA u tal-formazzjoni tal-gvern imsejjaħ ta’ unità nazzjonali.

150

Fir-rigward, sussegwentement, tal-affermazzjoni li l-istituzzjonijiet konvenuti kienu ppruvaw jiġġustifikaw it-tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni billi għamlu riferiment għall-aġir tar-rikorrenti fil-passat, għandu jiġi rrilevat li ma jistax jiġi eskluż li l-aġir ta’ wieħed jew tal-ieħor tar-rikorrenti fil-passat jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni jew it-tiġdid ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal ma ġie rrilevat, il-persuni u l-partit politiku, jiġifieri ż-ZANU-PF, li kienu fil-poter fiż-Żimbabwe matul il-vjolenzi u l-ksur tad-drittijiet fundamentali evokati fl-atti kkontestati li kienu seħħew, kienu dejjem fil-poter fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti, minkejja li fil-kuntest ta’ kunsens ta’ tqassim ta’ poter. Għalhekk, fir-rigward tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li waħdu jikkostitwixxi s-suġġett ta dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment għal aġir ta’ rikorrent wieħed jew tal-ieħor fil-passat ma jistax jixhed nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-atti inkwistjoni. Il-kwistjoni jekk, fir-rigward tal-aġir fil-passat allegat, l-impożizzjoni jew it-tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tal-persuna jew tal-entità kkonċernata humiex iġġustifikati tikkonċerna l-fondatezza tal-atti kkontestati u għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-analiżi tal-motivi relatati mal-legalità interna tal-atti inkwistjoni, b’mod partikolari tat-tieni motiv (ara l-punt 235 iktar ’il quddiem).

151

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-motivi ta’ tiġdid, fir-rigward tagħhom, ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni kienu rriżultaw biss fir-risposti (ara l-punt 140 iktar ’il fuq), hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li d-deċiżjoni ta’ istituzzjoni għandha tkun suffiċjenti waħedha u li l-motivazzjoni tagħha ma tistax tirriżulta minn spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija sussegwentement, filwaqt li d-deċiżjoni inkwistjoni tkun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, Rendo et vs Il-Kummissjoni, T‑16/91 RV, Ġabra p. II‑1827, punt 54, u tas-7 ta’ Lulju 2011, Valero Jordana vs Il-Kummissjoni, T‑161/04, II-00215, punt 107). Jekk motivazzjoni li l-bidu tagħha jiġi espress fl-att ikkontestat tista’ tiġi żviluppata u ppreċiżata fil-mori tal-kawża, l-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, ma hijiex awtorizzata li tissostitwixxi l-motivazzjoni inizjali ma’ motivazzjoni għal kollox ġdida (sentenza Valero Jordana vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Rendo et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55, u tal-25 ta’ Frar 2003, Renco vs Il-Kunsill, T-4/01, Ġabra p. II-171, punt 96).

152

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li hemm lok li tiġi evalwata n-natura suffiċjenti jew le tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati abbażi tal-motivi biss li jidhru fihom, għal darba oħra fil-kuntest tagħhom li jirriżulta, b’mod partikolari, minn atti preċedenti li kienu imponew jew ġeddew miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe. Konsegwentement, motivi għal kollox ġodda, żvelati fil-mori tal-kawża mill-istituzzjonijiet konvenuti, ma jistgħux jikkumpensaw eventwali assenza jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tal-atti kkontestati. Madankollu kien possibbli għall-istituzzjonijiet li jiżviluppaw u li jippreċiżaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-motivi tal-atti kkontestati hekk kif jidhru f’dawn l-atti.

153

Minkejja dan, ma jistax ma jiġix innotat li, sabiex jiġi osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni, l-awturi tal-atti kkontestati ma kinux obbligati li jesponu fihom l-interpretazzjoni proprja tagħhom tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” mal-Gvern taż-Żimbabwe jew, iktar ġeneralment, l-interpretazzjoni tagħhom tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza rilevanti. Il-kwistjoni jekk dawn l-atti humiex ibbażati fuq interpretazzjoni korretta jew żbaljata ta’ dan il-kunċett u, iktar ġeneralment, tad-dispożizzjonijiet u tal-ġurisprudenza rilevanti, hija relatata mal-mertu tal-kawża u ma tikkonċernax l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Isegwi li l-eventwali osservazzjonijiet fuq dawn is-suġġetti, imressqa mill-istituzzjonijiet konvenuti fid-dokumenti tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jikkostitwixxux motivazzjoni tal-atti kkontestati żvelata fil-mori tal-kawża.

154

Peress li dawn l-argumenti kollha ġew miċħuda, għandu jsir l-eżami tan-natura suffiċjenti tal-motivi pprovduti mill-awturi tal-atti kkontestati sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni, fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, tal-isem ta’ kull wieħed mir-rikorrenti.

155

F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li kemm l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2012/97 (li saru l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2011/101, wara l-emenda tagħha bid-Deċiżjoni 2012/97) kif ukoll l-Anness I tar-Regolament Nru 151/2012 (li sar l-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004) jippreżentaw ruħhom fil-forma ta’ tabelli. Dawn jinkludu, minbarra l-ewwel kolonna li tinkludi l-isem tal-persuna jew tal-entità kkonċernata, it-tieni kolonna intitolata “Informazzjoni ta’ identifikazzjoni” u t-tielet kolonna intitolata “Raġunijiet għall-indikazzjoni”. F’dak li jikkonċerna l-persuni fiżiċi, dawn l-aħħar żewġ kolonni jsemmu, b’mod partikolari, il-funzjoni governattiva jew amministrattiva li l-persuna kkonċernata tokkupa jew, skont il-każ, kienet tokkupa, jew, f’ċerti każijiet ta’ persuni li ma okkupawx tali funzjonijiet, il-kwalità li l-awturi tal-atti kkontestati jikkunsidraw bħala rilevanti sa fejn jikkonċernawhom. Fosthom hemm, ukoll, f’numru sew ta’ każijiet, l-informazzjoni li tippreċiża li l-persuna kkonċernata hija affiljata maż-ZANU-PF, li kien l-uniku fil-poter qabel il-konklużjoni tal-GPA, kif ukoll, skont il-każ, deskrizzjoni qasira tal-atti ta vjolenza u ta’ intimidazzjoni jew ksur tad-drittijiet fundamentali tal-poplu Żimbabwen li l-Kunsill jakkużah bih.

156

Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi u ta’ entitajiet, il-kolonna dwar “[r]aġunijiet għall-indikazzjoni” tindika, kemm jekk dawn jappartjenux għal waħda jew oħra mill-persuni fiżiċi msemmija fil-parti I tal-Anness korrispondenti, u kemm jekk dawn humiex assoċjati mal-“fazzjoni tal-Gvern taż-ZANU-PF”, u, fil-każ tal-mija u sbatax-il rikorrent, il-kumpannija OSLEG (Private) Ltd, li hija “[i]kkontrollata mill-armata taż-Żimbabwe”.

157

Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 314/2004, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi stabbilit minn dan ir-regolament japplika għall-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe kif ukoll għall-assoċjati tagħhom, kemm persuni fiżiċi kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet jew organi. Minbarra dan, skont l-Artikoli 4(1) u 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/101, il-miżuri restrittivi stabbiliti minn din id-deċiżjoni japplikaw għall-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u għall-assoċjati tagħhom, kemm persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, inklużi l-“persuna fiżika jew ġuridika oħra li l-attivitajiet tagħha ddgħajjef serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe”, li hekk kif intqal fil-punt 146 iktar ’il fuq, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu kategorija partikolari ta’ tali assoċjati.

158

Isegwi li, sabiex ikunu mmotivati b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-atti kkontestati kellhom jinkludu, għal kull rikorrent, indikazzjoni ċara u preċiża tal-fatti li jiġġustifikaw li l-persuna kkonċernata kienet ikklassifikata bħala membru tal-Gvern taż-Żimbabwe jew bħala assoċjat ta’ tali membru.

159

Fir-rigward tal-ewwel rikorrent, Johannes Tomana, tar-raba’ rikorrenti, Flora Buka, tal-ħdax-il rikorrent, Phineas Chihota, tat-tlettax-il rikorrent, Patrick Anthony Chinamasa, tad-dsatax-il rikorrent, Ignatius Morgan Chiminya Chombo, tal-wieħed u għoxrin rikorrent, Nicholas Tasunungurwa Goche, tas-seba’ u għoxrin rikorrent, Saviour Kasukuwere, tat-tlieta u tletin rikorrent, Andrew Langa, tas-sitta u tletin rikorrent, Joseph Mtakwese Made, tal-erbgħin rikorrent, Paul Munyaradzi Mangwana, tal-wieħed u erbgħin rikorrent, Reuben Marumahoko, tat-tnejn u ħamsin rikorrent, Emmerson Dambudzo Mnangagwa, tat-tlieta u ħamsin rikorrent, Kembo Campbell Dugishi Mohadi, tad-disa’ u ħamsin rikorrent, Obert Moses Mpofu, tat-tnejn u sittin rikorrenti, Olivia Nyembesi Muchena, tas-sitta u sittin rikorrent, Isack Stanislaus Gorerazvo Mudenge, tad-disa’ u sittin rikorrenti, Joyce Teurai Ropa Mujuru, tas-sebgħin rikorrent, Isaac Mumba, tat-tnejn u sebgħin rikorrent, Herbert Muchemwa Murerwa, tal-ħamsa u sebgħin rikorrent, Didymus Noel Edwin Mutasa, tad-disa’ u sebgħin rikorrent, Walter Mzembi, tal-wieħed u tmenin rikorrent, Sylvester Nguni, tat-tnejn u tmenin rikorrent, Francis Chenayimoyo Dunstan Nhema, tat-tlieta u tmenin rikorrent, John Landa Nkomo, tal-ħamsa u tmenin rikorrent, Magadzire Hubert Nyanhongo, tas-seba’ u tmenin rikorrenti, Sithembiso Gile Glad Nyoni, tal-ħamsa u disgħin rikorrent, S. T. Sekeramayi u tas-seba’ u disgħin rikorrent, Webster Kotiwani Shamu, il-motivi tad-Deċiżjoni 2012/97 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012 isemmu b’mod ċar il-funzjonijiet li dawn il-persuni kienu jeżerċitaw fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti. Il-funzjonijiet imsemmija jiġġustifikaw għal kollox il-klassifikazzjoni ta’ dawn ir-rikorrenti bħala membri tal-Gvern taż-Żimbabwe. Għaldaqstant, l-atti kkontestati msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu kkunsidrati bħala li kienu ġew immotivati b’mod suffiċjenti fid-dritt sa fejn jikkonċernaw lil dawn ir-rikorrenti.

160

Fir-rigward tar-rikorrenti l-oħra li huma persuni fiżiċi, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti msemmija fil-punt 159 iktar ’il fuq kif ukoll tal-ħmistax-il rikorrent, Joseph Chinotimba, tat-tletin rikorrent, Nolbert Kunonga u tal-erba’ u ħamsin rikorrent, Gilbert Moyo (li l-każijiet tagħhom huma eżaminati fil-punti 170 u 171 iktar ’il quddiem), għandu jiġi rrilevat li dawn huma persuni li għandhom kwalitajiet, jew jeżerċitaw funzjonijiet, pjuttost differenti. Iktar preċiżament, dawn huma uffiċjali tal-armata tal-art jew tal-ajru; Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Ċentrali tas-Servizzi Sigrieti; tal-qafas tal-pulizija; Impjegati anzjani, jiġifieri s-seba’ rikorrenti, George Charamba, li huwa Segretarju Permanenti, Dipartiment tal-Informazzjoni u l-Pubbliċità, il-ħamsa u sittin rikorrent, Tobaiwa Mudede, li huwa r-“Reġistratur Ġenerali”, jiġifieri responsabbli, b’mod partikolari, taż-żamma tal-listi elettorali, is-sitta u disgħin rikorrent, Lovemore Sekeremayi, li huwa l-“Kummissarju Elettorali Ewlieni”, u l-mija u għaxar rikorrent, Paradzai Willings Zimondi, li huwa Direttur tal-Ħabsijiet; tal-gvernaturi provinċjali; tal-Gvernatur tar-Reserve Bank of Żimbabwe (Bank Ċentrali taż-Żimbabwe); ta’ parlamentari, jiġifieri l-ħamsa u għoxrin rikorrent, Newton Kachepa, li huwa Membru Parlamentari għat-Tramuntana ta’ Mudzi, u s-seba’ u tletin rikorrenti, Edna Madzongwe, li hija President tas-Senat, uffiċjali taż-ZANU-PF, jiġifieri s-seba’ u tletin rikorrent (membru tal-Politburo u, barra minn hekk, President tas-Senat taż-Żimbabwe), is-seba’ u ħamsin rikorrent, Simon Khaya Moyo, li huwa President tal-Politburo, it-tlieta u sittin rikorrenti, Oppah Chamu Zvipange Muchinguri u t-tmienja u disgħin rikorrent, Nathan Marwirakuwa Shamuyarira, li huma Segretarji tal-Politburo, kif ukoll it-tlieta u disgħin rikorrent, Stanley Urayayi Sakupwanya, u l-erba’ u disgħin rikorrent, Tendai Savanhu, li huma Viċi Segretarji tal-Politburo; u tal-mija u tlieta rikorrent, Mishek Julius Mpande Sibanda, li huwa “Cabinet secretary” (Segretarju tal-Kabinett).

161

Għandhom jissemmew ukoll il-każijiet tat-tmienja u għoxrin rikorrent, Jawet Kazangarare, fejn huwa rriżulta, fl-annessi tad-Deċiżjoni 2012/97 u fir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012, li huwa “Kunsillier taż-ZANU-PF f’Hurungwe tat-Tramuntana u veteran tal-gwerra”, kif ukoll tal-mija u għaxar rikorrent, Jabulani Sibanda, li fir-rigward tiegħu l-istess atti jirrilevaw li huwa “Eks-President, Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Veterani tal-Gwerra”.

162

Fl-aħħar nett, fost il-persuni fiżiċi oħra msemmija mill-atti kkontestati jidhru l-ex membri tal-Gvern, żewġ ex gvernaturi provinċjali, f’dan il-każ id-disa’ rikorrent, Tinaye Chigudu, u s-sittin rikorrent, Cephas George Msipa, u ex Senior Assistant Police Commissioner, it-tmienja u sittin rikorrent, Bothwell Mugariri.

163

Għall-parti l-kbira tar-rikorrenti msemmija fl-punti 160 sa 162 iktar ’il fuq, jiġifieri dawk bejniethom kollha bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt 169 iktar ’il quddiem, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-riferiment għall-funzjonijiet li huma kienu jeżerċitaw fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, jew li huma kienu eżerċitaw preċedentement, huwa, waħdu, suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isimhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Dawn huma uffiċjali għolja (inklużi l-gvernaturi provinċjali) u membri tal-armata jew tal-pulizija. Il-persuni li jeżerċitaw tali funzjonijiet huma kollaboraturi stretti tal-gvern ta’ pajjiż u jistgħu leġittimament jiġu kklassifikati bħala “assoċjati” tal-membri ta’ dan il-gvern, mingħajr ma ġustifikazzjoni supplimentari hija neċessarja. L-istess japplika għall-membri tal-Politburo taż-ZANU-PF, li huwa l-korp li jmexxi l-partit politiku li kien l-uniku fil-poter fiż-Żimbabwe sa mill-indipendenza tal-pajjiż sal-iffirmar tal-GPA.

164

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra wkoll li, f’ċirkustanzi bħal dawk f’din il-kawża, ir-riferiment għall-fatt li persuna eżerċitat fil-passat funzjonijiet li kienu jippermettu li jikklassifikawha, waqt l-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet, bħala membru tal-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat jew bħala assoċjata ta’ tali membru, jikkostitwixxi ġustifikazzjoni suffiċjenti tal-klassifikazzjoni tagħha, wara l-waqfien tal-funzjonijiet tagħha, bħala assoċjata tal-membri tal-Gvern tal-pajjiż ikkonċernat. Fil-fatt, sa fejn, bħala ma huwa l-każ hawnhekk, ma kienx fil-frattemp waqa’ r-reġim fil-poter fil-pajjiż inkwistjoni meta l-persuna kkonċernata kienet membru tal-Gvern tiegħu jew assoċjata ta’ tali membru, jista’ jiġi kkunsidrat, fin-nuqqas ta’ prova jew ta’ indizji fis-sens kuntrarju, li, wara l-waqfien tal-funzjonijiet tagħha, din il-persuna hija assoċjata tal-membri tal-Gvern ta’ dan il-pajjiż, li huma l-ex kollegi tagħha, kollaboraturi jew superjuri ġerarkiċi tagħha.

165

Fir-rigward tal-argument eventwali li huwa possibbli li dawn il-persuni kienu tneħħew mill-ex funzjoni tagħhom minħabba li huma ma approvawx il-politika repressiva tar-reġim, ipoteżi li fiha l-inklużjoni tagħhom fost il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni ma hijiex iġġustifikata, għandu jsir riferiment għall-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 141 iktar ’il fuq, u li jitfakkar li l-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tikkonċerna formalità sostanzjali, hija distinta minn dik tal-prova tal-fatti allegati, li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att inkwistjoni u timplika l-verifikazzjoni tar-realtà tal-fatti msemmija f’dak l-att kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħhom sa fejn dawn jikkostitwixxu elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna kkonċernata (sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 141 iktar ’il fuq, punt 60).

166

Fil-fatt, persuna li isimha kien ġie inkluż fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni minħabba li hija ex membru tal-Gvern jew ex uffiċjal għoli amministrattiv taż-Żimbabwe għandha, mal-qari ta’ din l-informazzjoni, elementi essenzjali li jippermettulha li tikkontesta din l-inklużjoni, billi ssostni, skont il-każ, li hija kienet waqfet kull rabta mar-reġim ikkunsidrat bħala repressiv mill-awturi tal-atti kkontestati, u li huwa preċiżament għal din ir-raġuni li hija tneħħiet mill-funzjonijiet tagħha. Il-qorti tal-Unjoni għandha, hija wkoll, elementi neċessarji sabiex twettaq l-istħarriġ tagħha, sa fejn jirriżulta mill-motivi tal-att inkwistjoni li għall-finijiet tal-eżami tal-fondatezza tiegħu, għandu jitfittex jekk, fir-rigward tal-funzjonijiet li qabel kienu eżerċitati mill-persuna kkonċernata, rabtiet bejnha u r-reġim kinux għadhom jippersistu jew, bil-kontra, kinux twaqqfu.

167

Għandu jiġi enfasizzat li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li huma relatati mal-kuntest tal-analiżi tal-osservanza, mill-istituzzjonijiet konvenuti, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ma jimplikawx, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u lil hinn mis-sitwazzjoni partikolari taż-Żimbabwe (ara l-punt 130 iktar ’il fuq), la l-istabbiliment ta’ preżunzjoni u lanqas taqlib tal-oneru tal-prova għad-dannu tal-persuni kkonċernati. Dawn sempliċement ifissru li r-riferiment, fil-motivi tal-atti kkontestati, għall-funzjonijiet preċedentement eżerċitati minn ċerti rikorrenti, juri li l-awturi ta’ dawn l-atti kkunsidraw li, għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti inkwistjoni baqgħu assoċjati tal-mexxejja taż-Żimbabwe u li huma ma kellhom ebda element li seta’ jikkontesta dan l-argument. F’każ ta’ kontestazzjoni, huma l-awturi tal-atti kkontestati li għandhom jistabbilixxu, quddiem il-qorti tal-Unjoni, ir-realtà tar-rabta eżistenti mal-Gvern minħabba funzjonijiet preċedentement eżerċitati mill-persuni kkonċernati, peress li dawn għandhom daqstant id-dritt jipproduċu wkoll, sabiex jikkontestaw dan, kull prova tal-kuntrarju li huma għandhom.

168

Isegwi li r-riferiment, fl-atti kkontestati, għall-funzjonijiet preċedentement eżerċitati mir-rikorrenti msemmija fil-punt 162 iktar ’il fuq jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti li tippermetti li tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ dawn ir-rikorrenti fost il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni.

169

Min-naħa l-oħra, għar-rikorrenti msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li s-sempliċi riferiment għall-kwalità tagħhom jew għall-funzjoni li huma kienu jeżerċitaw ma huwiex, waħdu, suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isimhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Jaqgħu taħt din il-kategorija l-militari bil-grad ta’ kurunell jew bi grad inferjuri, jiġifieri l-erba’ u għoxrin rikorrent, Stephen Gwekwerere, it-tnejn u tletin rikorrent, R. Kwenda, it-tnejn u erbgħin rikorrent, G. Mashava, id-disa’ u erbgħin rikorrent, Cairo Mhandu, il-ħamsin rikorrent, Fidellis Mhonda, it-tmienja u ħamsin rikorrent, S Mpabanga, l-erba’ u sittin rikorrent, C. Muchono, it-tmienja u sebgħin rikorrent, S. Mutsvunguma, it-tmenin rikorrent, Morgan S. Mzilikazi, il-wieħed u disgħin rikorrent, Victor Tapiwe Chashe Rungani, u l-mija u wieħed rikorrent, Chris Sibanda; il-pulizija ta’ grad inferjuri għal dawk imsemmija fil-punt 160 iktar ’li fuq, jiġifieri s-seba’ u sittin rikorrent, Columbus Mudonhi (“assistant spettur”), is-sebgħin rikorrent, Isaac Mumba (“supretendent”), u d-disa’ u disgħin rikorrent, Dani Rangwani (“spettur investigattiv tal-pulizija”); u l-ħamsa u għoxrin rikorrent, N. Kachepa (Membru Parlamentari), u, fl-aħħar nett, iż-żewġ rikorrenti msemmija fil-punt 161 iktar ’il fuq.

170

F’dak li jikkonċerna l-ħmistax, it-tletin u l-erba’ u ħamsin rikorrent, rispettivament Joseph Chinotimba, Nolbert Kunonga u Gilbert Moyo, fir-risposta tiegħu, il-Kunsill ikkunsidra li dawn kienu jifformaw kategorija speċjali ta’ persuni li fir-rigward tagħhom l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni kienet iġġustifikata fl-aġir konkret li kienu ġew akkużati bih fil-motivi tad-Deċiżjoni 2012/97 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012. Issa, dan huwa eżatt biss fir-rigward tat-tletin rikorrent, Nolbert Kunonga, ikklassifikat, fit-tieni kolonna tal-annessi ta’ dawn iż-żewġ atti, bħala “[a]ppunta lilu nnifsu Isqof Anglikan”. Fil-fatt, din il-kwalità biss ovvjament ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-persuna kkonċernata.

171

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ħmistax u tal-erba’ u ħamsin rikorrenti, huwa b’mod ċar imsemmi fl-istess kolonna ta’ dawn l-annessi, b’mod partikolari, li kull wieħed minnhom huwa “mexxej tal-milizja ZANU-PF”. Din il-kwalità, jekk tirriżulta pprovata, hija suffiċjenti sabiex tikklassifikahom bħala assoċjati tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe maħtura miż-ZANU-PF u, għaldaqstant, sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni tagħhom fost il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, indipendentement mill-aġir konkret li huma akkużati bih fit-tielet kolonna tal-istess annessi.

172

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jippermettu li jiġi konkluż, minn issa, li l-atti kkontestati huma mmotivati b’mod suffiċjenti fid-dritt fir-rigward tar-rikorrenti kollha li huma persuni fiżiċi, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti msemmija fil-punt 169 iktar ’il fuq kif ukoll tat-tletin rikorrent, Nolbert Kunonga. Sabiex tiġi evalwata n-natura suffiċjenti jew le tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/97 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012 fir-rigward ta’ dawn l-aħħar rikorrenti, huwa neċessarju li jsir riferiment għall-aġir li dawn il-persuni huma akkużati bih mill-awturi ta’ dawn iż-żewġ atti.

173

Għandu jiġi osservat li l-atti kkontestati jinkludu riferimenti għal aġir konkret ukoll fir-rigward tal-parti l-kbira tar-rikorrenti l-oħra li huma persuni fiżiċi. Il-Kunsill isostni li, għal dawn ir-rikorrenti l-oħra, “mar lil hinn minn dak li huwa meħtieġ” meta pproduċa provi li jixhdu l-implikazzjoni konkreta tagħhom fil-politiki li jdgħafju d-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija fiż-Żimbabwe. Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-affermazzjoni, iżda din il-kontestazzjoni hija bbażata fuq premessa żbaljata, sa fejn ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-kwalità ta’ persuna, inkwantu membru tal-Gvern taż-Żimbabwe jew bħala asoċjata ta’ tali membru, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-inklużjoni ta’ isimha fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Issa, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv jirriżulta li, għall-membri tal-Gvern li diġà kellhom din il-kwalità qabel il-formazzjoni tal-Gvern ta’ unità nazzjonali u għall-assoċjati tagħhom, dawn il-kwalitajiet huma tassew suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri (ara, b’mod partikolari, il-punt 105 iktar ’il fuq). L-istess japplika għall-ex membri tal-Gvern jew għall-ex uffiċjali għolja (ara l-punt 168 iktar ’il fuq). Għalhekk, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

174

Fir-rigward tar-rikorrenti li għalihom huwa neċessarju riferiment għall-aġir konkret li huma akkużati bih fl-att kkontestati (ara l-punt 172 iktar ’il fuq), mill-qari ta’ dawn l-atti jirriżulta li dak li huma akkużati bih huwa, essenzjalment, parteċipazzjoni diretta fi vjolenzi u f’intimidazzjonijiet, minbarra dan f’rwol ta’ mexxej u ta’ xewwiex. Fil-każijiet kollha ħlief dawk tat-tletin u tad-disa’ u tmenin rikorrenti, Nolbert Kunonga u Dani Rangwani (li għalihom il-fatti allegati jmorru lura, rispettivament, għall-2011 u 2007), il-vjolenzi jew intimidazzjonijiet inkwistjoni kienu seħħew waqt il-kampanja elettorali tal-2008. Fil-każijiet kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dak tat-tletin rikorrent, Nolbert Kunonga, u tad-disa’ u tmenin rikorrent, Dani Rangwani, il-post preċiż fejn il-persuna kkonċernata kienet attiva huwa msemmi. Fil-każ tat-tletin rikorrent, huwa rrilevat li huwa “[j]appoġġja b’mod voċiferu lir-reġim” u jingħad ukoll li “[d]awk li segwewh kienu appoġġati mill-pulizija fit-twettiq ta’ atti ta’ vjolenza kontra s-sostenituri tal-knisja fl-2011”. Fil-każ tad-disa’ u tmenin rikorrent, huwa rrilevat li huwa “[i]nvolut fi grupp ta’ 50 persuna mħallsa direttament miż-ZANU-PF biex isibu u jittorturaw lill-partitarji tal-MDC f’April 2007”.

175

L-indikazzjonijiet relatati mar-rikorrenti msemmija fil-punti 174 iktar ’il fuq u, iktar ġeneralment, ir-raġunijiet kollha li jagħmlu parti mill-atti kkontestati fit-tielet kolonna tal-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004 u tat-tabella intitolata “Persuni” li tidher fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/101 fir-rigward tar-rikorrenti kollha, għandhom portata analoga għal dawk ikkunsidrati bħala suffiċjenti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 141 iktar ’il fuq (punti 57 sa 59). Bħal ma kien il-każ fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, din il-motivazzjoni tidentifika l-elementi speċifiċi u konkreti, f’termini ta’ kwalità jew ta’ funzjoni eżerċitata u ta’ tipi ta’ azzjonijiet ikkunsidrati, li jfissru, għall-awturi tal-atti kkontestati, implikazzjoni tal-persuni kkonċernati fil-vjolenzi, intimidazzjonijiet u ksur tad-drittijiet fundamentali fiż-Żimbabwe.

176

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi li jidhru fit-tielet kolonna tal-annessi msemmija iktar ’il fuq ma humiex vagi u ġenerali wisq, lanqas f’dak li jikkonċerna d-39 rikorrent inkwistjoni fil-punt 137 iktar ’il fuq, u lanqas f’dak li jikkonċerna l-persuni fiżiċi kkonċernati l-oħra. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, bħal ma jirriżulta wkoll mill-premessi tal-atti kkontestati mfakkra iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, l-akkużi kontra r-reġim tal-President Robert Mugabe li kienu jikkonċernaw vjolenzi, intimidazzjonijiet u ksur tad-drittijiet fundamentali fiż-Żimbabwe, kemm b’mod ġenerali kif ukoll partikolarment waqt l-elezzjonijiet tal-2008, kellhom reputazzjoni internazzjonali u ma setgħux jiġu injorati mir-rikorrenti. Dawn l-akkużi, indipendentement mill-veraċità tagħhom għalhekk jagħmlu parti mill-kuntest li jidħlu fih l-atti kkontestati, li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 143 iktar ’il fuq, huwa rilevanti għall-eżami tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

177

Fil-fatt, b’għarfien ta’ dan il-kuntest, ir-rikorrenti kkonċernati setgħu faċilment jifhmu dak li kienu akkużati bih u, skont il-każ, jikkontestaw dawn l-allegazzjonijiet b’mod ġenerali jew partikolarment sa fejn dawn jikkonċernaw il-post li fih huma kienu attivi jew, tal-inqas isostnu li, jekk il-vjolenzi, intimidazzjonijiet jew ksur tad-drittijiet fundamentali allegati effettivament seħħew, huma ma kinux ipparteċipaw fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 141 iktar ’il fuq, punt 59).

178

Għandu jitfakkar ukoll li l-Kunsill b’mod partikolari annetta mar-risposta tiegħu dokument ta’ 1046 paġna (Anness B.19) li jinkludi skont l-indikazzjoni korrispondenti li tidher fit-tabella rikapitolattiva tal-annessi “elementi ta’ għarfien pubbliku li jikkorroboraw l-informzzjoni li tidher fil-miżuri” restrittivi inkwistjoni. Skont il-Kunsill, l-indikazzjonijiet relatati mal-aġir tar-rikorrenti li jippreġudika d-drittijiet fundamentali, l-Istat tad-dritt u d-demokrazija fiż-Żimababwe”, li jidhru fl-annessi tal-atti inkwistjoni, huma ta’ għarfien pubbliku, hekk kif jirriżulta, preċiżament, mid-dokumenti differenti ppreżentati f’dan l-anness.

179

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-anness ma huwiex neċessarju għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, għalhekk, li ma hemmx lok li tiġi adottata l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura proposta mir-rikorrenti fir-rigward ta’ dan l-anness (ara l-punt 25 iktar ’il fuq).

180

Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill miġbura fil-qosor fil-punt 178 iktar ’il fuq, huwa evidenti li d-dokumenti li jidhru fl-Anness B.19 tar-risposta tiegħu għandhom jiġu distinti mid-dokumenti mitluba mir-rikorrenti fit-talba tagħhom li tinsab fil-punt 19 iktar ’il fuq. Hekk kif diġà ġie rrilevat, ftit wara l-preżentazzjoni tat-talba tagħhom ta’ adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrenti d-dokumenti mitluba fit-talba tagħhom imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq. Isegwi li d-dokumenti li jidhru fl-Anness B.19 tar-risposta tal-Kunsill ma humiex, inkwantu tali, dokumenti li l-Kunsill ibbaża fuqhom waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/97 u tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124.

181

L-Anness B.19 tar-risposta tal-Kunsill għandu, pjuttost, jiġi kkunsidrat li ma għandux l-għan li jagħti motivazzjoni ex post lill-atti kkontestati, iżda li juri li, fid-dawl tal-kuntest li taqa’ fih l-adozzjoni ta’ dawk l-atti, il-motivazzjoni ta’ dawn tal-aħħar kienet suffiċjenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Bamba, punt 141 iktar ’il fuq, punt 62).

182

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra wkoll li l-motivi speċifiċi, hekk kif huma esposti fl-annessi tad-Deċiżjoni 2012/97 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012 fir-rigward tar-rikorrenti li huma persuni ġuridiċi, sabiex jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni huma, dawn ukoll, suffiċjenti. Fil-fatt, għal kull entità kkonċernata, huwa indikat kemm jekk din tappartjeni lil waħda jew lill-oħra mill-persuni fiżiċi suġġetti, skont l-istess atti, għal miżuri restrittivi, kemm jekk hija assoċjata mal-Gvern Żimbabwen, ma’ aġenzija tiegħu jew mal-“fazzjoni ZANU-PF” tal-Gvern Żimbabwen. Dawn il-motivi huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-entitajiet ikkonċernati li jikkontestaw il-fondatezza tagħhom u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

183

Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-atti kkontestati huma mmotivati b’mod suffiċjenti fid-dritt fir-rigward tar-rikorrenti kollha u li konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba ’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

184

Ir-rikorrenti jsostnu li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ din il-kawża jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li josservaw żewġ obbligi prinċipali. Minn naħa, dawn għandhom jinformaw lill-persuna jew lill-entità kkonċernata b’argumenti u provi meqjusa fir-rigward tagħha sabiex tkun iġġustifikata l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi. Min-naħa l-oħra, il-persuna jew l-entità msemmija għandha tkun fil-pożizzjoni li utilment issostni l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn il-provi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jfakkru li, fil-każ tat-tiġdid ta’ miżura restrittiva diġà deċiża fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità, in-neċessità li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża tagħha u d-dritt għal smigħ tagħha timponi li jitqiegħu għad-dispożizzjoni tagħha elementi meqjusa fir-rigward tagħha u li hija tkun tista’ tifformula abbażi tal-osservazzjonijiet tagħha qabel kwalunkwe deċiżjoni relatata mat-tiġdid tal-miżura inkwistjoni.

185

Issa, f’dan il-każ, skont ir-rikorrenti, ebda wieħed fosthom ma ġie kkomunikat lilu, kemm qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati kif ukoll warajha, provi ta’ natura li jiġġustifikaw fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom l-atti inkwistjoni. Huma lanqas ma kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet relatati ma’ dawn il-provi. L-atti kkontestati f’dan ir-rigward ma jinkludu ebda garanzija. Minbarra dan, dawn l-atti jinkludu akkużi ta’ aġir kriminali gravi, mingħajr ma jagħtu ebda indikazzjoni dwar is-sors ta’ dawn l-akkużi u mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni problemi ta’ protezzjoni ta’ data identifikata mill-Kummissjoni u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), li jistgħu jqumu jekk il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproċessaw data relatata ma’ ksur kriminali jew kundanni.

186

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret waqt l-istħarriġ ta’ miżuri restrittivi, il-qrati tal-Unjoni għandhom, konformement mal-kompetenzi li huma għandhom, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa speċifikament stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara s-sentenza tat-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

187

Fost dawn id-drittijiet fundamentali jidher, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża li huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl fl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 186 iktar ’il fuq, punti 59 u 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

188

Skont din l-istess ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 186 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

189

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikorrenti kienu pproċedew, fir-rikors tagħhom, sabiex ifakkru dispożizzjonijiet u prinċipji ġenerali kif ukoll il-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam, l-ilment konkret tagħhom, hekk kif huwa mqassar fil-punt 185 iktar ’il fuq, huwa bbażat fuq l-ommissjoni tal-Kunsill li jikkomunikalhom, qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-provi tal-aġir li huma akkużati bih permezz ta’ dawn l-atti u li jikkostitwixxi l-ġustifikazzjoni tal-miżuri adottati fir-rigward tagħhom, u li jagħtihom l-okkażjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn il-provi.

190

Issa, ma jirriżultax mill-proċess u r-rikorrenti ma jallegawx barra minn hekk li, qabel it-talba għal komunikazzjoni ta’ provi li huma indirizzaw lill-Kunsill ħamest ijiem qabel il-preżentata tar-rikors (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), huma kienu talbu lill-Kunsill il-komunikazzjoni tal-provi li huwa kien ibbaża fuqhom sabiex jadotta, fir-rigward tagħhom, il-miżuri restrittivi inkwistjoni.

191

Isegwi li r-rikorrenti japplikaw il-premessa li sabiex jirrispetta d-drittijiet tad-difiża tagħhom, il-Kunsill jmissu kkomunikalhom dawn il-provi b’mod spontanju u anki mingħajr ma huma jkunu talbuhomlu. Din il-premessa hija madankollu żbaljata.

192

Hekk kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, (T-390/08, Ġabra p. II-3967, punt 97), ladarba ġiet ikkomunikata informazzjoni preċiża biżżejjed, li permezz tagħha l-persuna kkonċernata setgħet utilment tesprimi l-opinjoni tagħha dwar l-elementi meqjusa kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li l-Kunsill huwa obbligat jagħti, spontanjament, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tiegħu. Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni. Il-komunikazzjoni spontanja tal-elementi ta’ fajl effettivament tikkostitwixxi rekwiżit eċċessiv peress li ma jkunx ċert, fil-mument tal-adozzjoni ta’ miżura restrittiva, ta’ ffriżar ta’ fondi jew ieħor, li l-persuna suġġetta jkollha l-intenzjoni tivverifika, permezz tal-aċċess għall-fajl, il-punti ta’ fatt li fuqhom ikunu bbażati l-allegazzjonijiet meqjusa kontriha mill-Kunsill.

193

Issa, wara l-analiżi tat-tielet motiv, ġie konkluż li l-atti kkontestati kienu mmotivati b’mod suffiċjenti fid-dritt (ara l-punt 183 iktar ’il fuq). Fi kliem ieħor, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kellhom informazzjoni biżżejjed preċiża, kif teħtieġ il-ġurisprudenza inkwistjoni u li, għalhekk, kellhom jitolbu huma stess, jekk huma xtaquha, il-komunikazzjoni tal-provi li jikkonċernawhom li l-Kunsill kien ibbaża ruħu fuqhom. Hekk kif ġie rrilevat, huma fformulaw tali talba ħamest ijiem biss qabel il-preżentata tar-rikors.

194

Xejn mill-proċess ma jindika li r-rikorrenti ma setgħux, jekk huma xtaqu, jippreżentaw preċedentement tali talba. Min-naħa l-oħra, jeżistu elementi li għandhom tendenza li juru li r-rikorrenti kellhom għarfien tal-possibbiltà li jikkomunikaw mal-Kunsill rigward miżuri restrittivi li huma kienu suġġetti għalihom u, f’dan il-kuntest, li jitolbu l-komunikazzjoni tal-provi li jikkonċernawhom.

195

B’mod partikolari, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kunsill inkluda fil-proċess ittra tal‑1 ta Settembru 2011, li l-ewwel rikorrent, Johannes Tomana, kien indirizza lill-President tal-Kunsill Ewropew “f’isem kull persuna fiżika jew ġuridika u kull entità legali” inkluża fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/101. F’din l-ittra, Johannes Tomana kkontesta n-natura suffiċjenti u l-fondatezza tal-motivi msemmija f’dan l-anness sabiex tkun iġġustifikata l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ dawn il-persuni kollha. Min-naħa l-oħra, Johannes Tomana ma fformula ebda talba intiża għall-komunikazzjoni tal-provi tal-affermazzjonijiet li jidhru fl-anness inkwistjoni.

196

Huwa importanti wkoll li jiġi rrilevat li, fi tweġiba tagħhom għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, bl-eċċezzjoni ta’ Johannes Tomana, ma affermawx li huma ma kinux awtorizzaw lil dan tal-aħħar li jikteb l-ittra inkwistjoni wkoll f’isimhom. Huma sempliċement ċaħdu li Johannes Tomana kien aġixxa f’isimhom “għall-finijiet tan-notifika [...] inkwantu l-indikazzjoni tagħhom bħala persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi” inkwistjoni.

197

Barra minn hekk ma kienx unikament waqt li ntbagħtet l-ittra msemmija iktar ’il fuq li Johannes Tomana afferma li aġixxa wkoll f’isem rikorrenti oħra. Mar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti pproduċew ittra indirizzata lir-rappreżentanti tagħhom minn Johannes Tomana, li fiha dan afferma li jirrappreżenta r-rikorrenti l-oħra kollha u jagħti, ukoll f’isimhom, mandat lil dawn ir-rappreżentanti għall-finijiet tal-preżentata tar-rikors.

198

Għandu wkoll jiġi rrilevat li ngħatat tweġiba għall-ittra ta’ Johannes Tomana tal-1 ta’ Settembru 2011 permezz ta’ ittra tal-Kap tal-Kabinett tal-President tal-Kunsill Ewropew, tal-20 ta’ Settembru 2011, li fiha tfakkar li r-raġunijiet għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni u entitajiet inkwistjoni kienu jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/101 u għall-bqija, sar riferiment għall-Avviż tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/101 (ĠU C 49, p. 4). Dan l-avviż b’mod partikolari kien semma li l-persuni, entitajiet u organi kkonċernati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni setgħu “jippreżentaw talba lill-Kunsill [...] sabiex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq terġa’ tiġi kkunsidrata” u kien jindika l-indirizz li fih tali talba kellha tintbagħat. Avviż analogu kien barra minn hekk ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fit-18 ta’ Frar 2012 (ĠU C 48, p. 13), wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/97.

199

Indipendentement mill-kwistjoni jekk dawn l-elementi kinux jiġġustifikaw li l-Kummissjoni nnotifikat l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/97 lil Johannes Tomana, kif ukoll lill-persuni fiżiċi l-oħra msemmija fiha, bħal ma jafferma li għamel, dawn jikkonfermaw li r-rikorrenti setgħu jindirizzaw ruħhom preċedentement lill-Kunsill sabiex jiksbu l-elementi li huma kienu talbu u li kisbu sussegwentement għat-talba tagħhom imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq.

200

Fir-rigward ta’ din l-aħħar talba, il-Kunsill wieġeb għaliha billi kkomunika l-elementi mitluba (f’verżjoni mhux kunfidenzjali) b’ċertu dewmien, ta’ madwar seba’ xhur, iġġustifikat skont huwa min-neċessità li tinkiseb id-“deklassifikazzjoni” ta’ numru sew ta’ dokumenti kkonċernati. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe element fis-sens kuntrarju, jista’ jiġi preżuppost li t-tweġiba tal-Kunsill għal eventwali talba preċedenti tar-rikorrenti li kienet tirrigwarda l-istess kontent kienet tkun l-istess, jiġifieri li kienet tiġi kkomunikata lilhom verżjoni mhux kunfidenzjali tal-provi mitluba.

201

Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-Kunsill ma kkomunikax lir-rikorrenti l-elementi mitluba mill-ittra tagħhom imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq jekk mhux fis-27 ta’ Novembru 2012 ma kellu ebda effett fuq il-possibbiltà tagħhom li jsostnu l-perspettiva tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, ir-rikorrenti talbu u kisbu mill-Qorti Ġenerali l-proroga, darbtejn, tat-terminu għall-preżentata tar-replika tagħhom u huma għalhekk kellhom il-possibbiltà li jikkummentaw dawn l-elementi f’din in-nota. L-argumenti tagħhom li jikkonċernaw dawn id-dokumenti huma eżaminati iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni motiv.

202

Fir-replika tagħhom, wara li rrepetew l-ilment imqassar fil-punt 185 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti sostnew ukoll li, wara l-komunikazzjoni mill-Kunsill tal-elementi li kien ibbaża fuqhom sabiex jadotta l-atti kkontestati, huma ssubixxew dannu gravi minħabba l-fatt li kien biss fl-2013 li huma kienu ġew imsejħa sabiex iwieġbu għal allegazzjonijiet relatati ma’ aġir allegat li kien imur lura għal madwar ħames snin qabel.

203

Madankollu affermazzjoni daqshekk qasira u ġenerali ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-annullament tal-atti kkontestati għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Fil-fatt, dawn ma jidentifikawx la l-allegazzjonijiet preċiżi li huma kellhom diffikultajiet li jikkontestaw, u lanqas in-natura u l-kawżi ta’ diffikultajiet li huma ltaqgħu magħhom. Minbarra dan, ir-rikorrenti ma jispjegawx għalfejn huma talbu, għall-ewwel darba, il-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi ħamest ijiem biss qabel il-preżentata tar-rikors.

204

Anki jekk jiġi preżuppost li dan il-motiv għandu jinftiehem fis-sens li r-rikorrenti jallegaw li, qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, l-istituzzjonijiet konvenuti ma kinux ippermettewlhom li effettivament juru l-perspettiva tagħhom fir-rigward tal-motivi meqjusa fir-rigward tagħhom f’dawn l-atti, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, id-dritt ta persuna jew ta’ entità, li fir-rigward tagħha miżuri restrittivi preċedentement imposti jiġġeddu permezz ta’ att ġdid, li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att, għandu jiġi rrispettat meta l-awtur tal-att ikkonċernat kien ipproduċa elementi ġodda kontra dawn il-persuni jew entitajiet u mhux meta t-tiġdid huwa fondat, essenzjalment, fuq l-istess motivi bħal dawk li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-att inizjali li impona l-miżuri restrittivi inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il-Kunsill, T‑383/11, punt 43, u tal-4 ta’ Frar 2014, Syrian Lebanese Commercial Bank vs Il‑Kunsill, T‑174/12 u T‑80/13, punt 149; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C-27/09 P, Ġabra p. I-13427, punt 62).

205

Issa, f’dan il-każ, il-motivi li jidhru fl-atti kkontestati sabiex jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni kontra rikorrenti ma humiex sostanzjalment differenti minn dawk li kienu jidhru fl-atti preċedenti, jiġifieri d-Deċiżjoni 2011/101, fil-verżjoni tagħha qabel l-emenda tagħha bid-Deċiżjoni 2012/97, u r-Regolament Nru 314/2004, qabel l-emenda tiegħu bir-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012.

206

Fil-fatt, għalkemm il-motivi tal-atti kkontestati jinkludu preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-aġir li diversi rikorrenti huma akkużati bih, jew deskrizzjoni iktar iddettaljata ta’ dan l-aġir, il-motivi li jiġġustifikaw l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni jibqgħu sostanzjalment l-istess bħal dawk li jidhru fl-atti preċedenti. Fl-ebda każ ma jirriżulta li, waqt it-tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-motivi msemmija fl-atti preċedenti kienu ġew abbandunati sabiex jiġu ssostitwiti minn motivi differenti, bħal ma kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, punt 204 iktar ’il fuq.

207

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-persuni inklużi fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni minħabba funzjonijiet li huma kienu jeżerċitaw jew li kienu eżerċitaw fil-passat, jiġifieri r-rikorrenti kollha bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt 169 iktar ’il fuq, diġà ġie rrilevat (ara l-punt 163 iktar ’il fuq) li r-riferiment għall-funzjonijiet li huma kienu eżerċitaw fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, jew li huma kienu eżerċitaw preċedentement, huwa, waħdu, suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Issa, kemm l-atti preċedenti kif ukoll l-atti kkontestati, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-persuni, jagħmlu riferiment għall-istess funzjonijiet.

208

Isegwi li, anki jekk jiġi preżuppost li r-rikorrenti jressqu wkoll ilment bħal dak imsemmi fil-punt 204 iktar ’il fuq, dan ma jistax jintlaqa’.

209

L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma humiex relatati ma’ allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom. Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-istituzzjonijiet konvenuti ma bbażawx ruħhom fuq provi solidi sabiex jistabbilixxu fir-rigward tagħhom il-miżuri restrittivi inkwistjoni. Huma jsostnu, f’dan il-kuntest, li, jekk huma kienu tressqu quddiem qorti kriminali għall-aġir li ġew akkużati bih fl-atti kkontestati, provi rilevanti u solidi kellhom jiġu ppreżentati sabiex tinkiseb il-kundanna tagħhom. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, ir-Renju Unit kien irrikonoxxa li fir-rigward ta’ wħud fosthom ma kienet teżisti l-ebda prova tal-allegat aġir tagħhom imsemmi fl-atti kkontestati.

210

Issa, dawn l-argumenti huma irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni ta’ eventwali ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Jekk ikun il-każ, dawn jistgħu jirriżultaw rilevanti fil-każ ta’ kontestazzjoni tal-fondatezza tal-atti kkontestati u tal-eżattezza materjali tal-fatti li fuqhom dawn l-atti huma fondati. Il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti effettivament qajmux tali kontestazzjoni hija eżaminata fil-punti 261 sa 266 iktar ’il quddiem.

211

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, fil-proposta tagħha ta’ regolament imsemmi fil-punt 120 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni pprevediet ċerti garanziji intiżi sabiex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, li ma ġewx irrispettati f’dan il-każ. Issa, il-proposta tal-Kummissjoni evokata mir-rikorrenti ma ġiet qatt adottata, b’mod li, il-kwistjoni jekk il-garanziji li hija kienet ipprevediet ġewx osservati f’dan il-każ hija irrilevanti. Għal din l-istess raġuni, ma huwiex neċessarju li tiġi analizzata l-Opinjoni tal-KEPD dwar proposti leġiżlattivi varji li jimponu ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tas-Somalja, iż-Żimbabwe, ir-Repubblika Demokratika tal-Korea u l-Ginea (ĠU 2010, C 73, p. 1), ukoll evokata mir-rikorrenti (ara l-punt 185 iktar ’il fuq). Din l-opinjoni tikkonċerna wkoll il-proposta tal-Kummissjoni evokata iktar ’il fuq, mhux segwita mill-Kunsill.

212

Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-istituzzjonijiet konvenuti ma kienu qatt kitbulhom sabiex jinfurmawhom li isimhom kien ġie inkluż fil-lista li tinkludi l-ismijiet ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Skont dawn, il-pubblikazzjoni ta’ opinjoni relatata ma’ din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti.

213

Issa, dan huwa argument li kien relatat mal-kwistjoni tan-notifika tal-atti kkontestati lir-rikorrenti li huwa irrilevanti fil-kuntest tal-eżami tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-atti. Fil-fatt, in-notifika ta’ dawn l-atti hija neċessarjament sussegwenti għall-adozzjoni tagħhom. Il-kwistjoni jekk il-Kunsill imissux innotifika permezz tal-posta l-atti kkontestati lil kull wieħed mir-rikorrenti li kienu jikkonċernawhom u, b’mod partikolari, jekk in-notifika tagħhom bil-posta lil Johannes Tomana kinitx tfisser ukoll notifika lir-rikorrenti l-oħra kollha, bħal ma jsostni l-Kunsill (ara l-punt 199 iktar ’il fuq), hija rilevanti għall-identifikazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors. Madankollu, f’dan il-każ u fi kwalunkwe każ, ma hemmx dubju li r-rikors ġie ppreżentat fit-termini, kif ukoll ebda kontestazzjoni ma ġiet barra minn hekk imqajma fuq dan il-punt mill-istituzzjonijiet konvenuti.

214

Peress li ebda wieħed mill-ilmenti fformulati mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ motiv ma jista’ jintlaqa’, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta ’ evalwazzjoni

215

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn ikkunsidraw li l-kriterji li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu ssodisfatti.

Osservazzjonijiet preliminari

216

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 192 iktar ’il fuq (punt 36), li, f’dak li jikkonċerna r-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-miżuri restrittivi, il-Kunsill kellu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fejn jidħlu l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, konformement ma’ pożizzjoni komuni adottata taħt il-PESK. Peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax, b’mod partikolari, tissostitwixxi l-evalwazzjoni magħmula mill-Kunsill fir-rigward tal-provi, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri bl-evalwazzjoni tagħha, l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ limitat japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom ikunu bbażati tali miżuri.

217

Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fir-rigward ta’ miżuri restrittivi adottati skont l-Artikolu 215 TFUE, li l-kontenut tiegħu jirrifletti dak tal-Artikoli 60 u 301 KE (ara l-punt 122 iktar ’il fuq).

218

Issa, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li s-setgħa diskrezzjonali li għandu f’dan il-qasam il-Kunsill ma tipprekludix li l-qorti tal-Unjoni tivverifika, waqt l-eżerċizzju tal-istħarriġ ta’ legalità tagħha, l-eżattezza materjali tal-fatti li fuqhom ibbaża l-Kunsill. Fil-fatt, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni, li għandha portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-verusimiljanza astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt jekk dawn il-motivi, jew, tal-inqas wieħed minnhom ikkunsidrat bħala suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (ara s-sentenza Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 186 iktar ’il fuq, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

219

Għal dan il-għan, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami. Hija fil-fatt l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux lil din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. Ma huwiex meħtieġ li din l-awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u provi kollha inerenti għall-motivi allegati fl-att li ġie mitlub l-annullament tiegħu. Madankollu huwa importanti li l-informazzjoni jew l-elementi prodotti jsostnu l-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 186 iktar ’il fuq punti 65 sa 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

220

Jekk ikun impossibbli għall-awtorità kompetenti tal-Unjoni li taċċedi għat-talba tal-qorti tal-Unjoni, hija għalhekk din tal-aħħar li għandha tibbaża ruħha fuq l-uniċi elementi li jkunu ġew ikkomunikati lilha, jiġifieri l-motivazzjoni tal-att ikkontestat, l-osservazzjonijiet u l-elementi li jiskaġunaw li għandhom eventwalment jiġu prodotti mill-persuna kkonċernata kif ukoll it-tweġiba tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni għal dawn l-osservazzjonijiet. Jekk dawn l-elementi ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-fondatezza ta’ motiv, il-qorti tal-Unjoni tiċħdu inkwantu sostenn tad-deċiżjoni dwar inklużjoni jew ta’ żamma tal-inklużjoni inkwistjoni. Jekk, min-naħa l-oħra, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni jew provi rilevanti, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward ta’ din l-informazzjoni jew elementi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna kkonċernata fir-rigward tagħhom (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, punt 186 iktar ’il fuq punti 68 u 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

221

Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, bħal ma barra minn hekk tirrileva l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 219 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ l-eżattezza materjali tal-fatti invokati sabiex tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, unikament meta l-persuni suġġetti għal dawn il-miżuri jikkontestaw dawn il-fatti quddiemha. Fil-fatt, tali verifika taqa’ taħt l-analiżi tal-fondatezza tal-atti kkontestati li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina ex officio.

222

Barra minn hekk, fil-każ fejn il-Kunsill jiddefinixxi b’mod astratt il-kriterji li jistgħu jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ persuna, jew ta’ entità, fil-lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, abbażi tal-motivi mqajma mill-persuna jew mill-entità kkonċernata, jew, jekk ikun il-każ, imqajma ex officio, jekk il-każ tagħha jikkorrispondix mal-kriterji astratti ddefiniti mill-Kunsill. Dan l-istħarriġ huwa estiż għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati bħala li jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-persuna jew tal-entità inkwistjoni fil-lista ta’ dawk li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, bl-istess mod bħall-verifika tal-provi u ta’ informazzjoni li fuqhom hija bbażata din l-evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 192 iktar ’il fuq, punt 37).

223

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha ssir l-analiżi tal-ilmenti u tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv. F’dan ir-rigward, għandhom l-ewwel nett jiġu eżaminati l-ilmenti u l-argumenti ppreżentati fir-rikors, qabel ma jsir l-eżami tal-ammissibbiltà u, jekk ikun il-każ, tal-fondatezza tal-ilmenti u argumenti mressqa fir-replika.

Fuq l-ilmenti u l-argumenti ppreżentati fir-rikors

224

Ir-rikorrenti jsostnu li l-miżuri restrittivi kkontestati, bħal dawk li ppreċedewhom, huwa intiżi, skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2011/101, għall-persuni u l-entitajiet “li l-attivitajiet tagħhom jimminaw id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe”. Isegwi, skont ir-rikorrenti, li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma setgħux jadottaw dawn il-miżuri ħlief fir-rigward ta’ persuni u entitajiet li għalihom jeżistu provi tal-implikazzjoni attwali tagħhom f’attivitajiet li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimababwe. Barra minn hekk, din l-implikazzjoni għandha jkollha natura kontinwa.

225

Issa, il-konklużjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li kull wieħed mir-rikorrenti jwieġeb għal dan il-kriterju, hija żbaljata, u dan għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, uħud mir-rikorrenti kienu ġew suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni minħaba li kienu “membr[i] tal-Gvern ZANU PF” jew kienu jappartjenu lill-“frazzjoni ZANU-PF”. Dan il-motiv ma huwiex suffiċjenti peress li ma jikkorrispondix ma’ allegazzjoni ta’ aġir ta’ delitt. Barra minn hekk, li wieħed ikun membru ta’ partit politiku huwa dritt iggarantit mill-Kostituzzjoni taż-Zimbabwe. Minbarra dan, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jirreferu għall-membri tal-ex Gvern taż-Zimbabwe. Huma la jirreferu għall-Gvern ta’ unità nazzjonali, fil-poter fiż-Zimbabwe fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, u lanqas għaż-ZANU PF. Minbarra dan, l-Unjoni ssostni espressament il-Gvern ta’ unità nazzjonali.

226

It-tieni nett, ċerti rikorrenti kienu ġew inklużi fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni minħabba li huma assoċjati ma’, jew għandhom rabtiet ma’, membru ZANU PF tal-Gvern jew tal-fazzjoni ZANU PF tal-Gvern. Tali motiv huwa insuffiċjenti. Min-naħa l-oħra, dawn ir-rikorrenti ma humiex akkużati li wettqu aġir illegali u lanqas, b’inqas possibbiltà, li effettivament ipparteċipaw f’attivitajiet li dwarhom jista’ jiġi serjament affermat li jdgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tagħha Tay Za vs Il-Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod ċar enfasizzat li s-sempliċi akkuża ta’ assoċjazzjoni ta’ persuna jew ta’ entità mal-mexxejja ta’ pajjiż terz ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra din il-persuna jew entità.

227

It-tielet nett, fir-rigward ta’ parti kbira mir-rikorrenti, il-motivi invokati sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ persuni jew entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni jirreferu għal aġir li allegatament kien seħħ fil-passat, jew anki, f’numru kbir ta’ każijiet, diversi snin qabel l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati u anki qabel il-formazzjoni tal-Gvern ta’ unità nazzjonali. Tali motivi huma insuffiċjenti fir-rigward tal-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, li huwa li jinkoraġġixxi lill-persuni kkonċernati li “jirrifjutaw il-politiki li jwasslu għat-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-iggvernar tajjeb”. Li jkunu intiżi, unikament abbażi tal-aġir fil-passat tagħhom, persuni mhux implikati fi kwalunkwe politika governattiva u mingħajr influwenza fuq din tal-aħħar ma jistax jinkoraġġihom sabiex jiċħdu dawn il-politiki. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jikkunsidraw, filwaqt li jirreferu wkoll għall-premessi tal-Pożizzjoni Komuni 2002/145, u għal dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li s-sempliċi aġir tal-persuni kkonċernati fil-passat ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

228

Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessa żbaljata, sa fejn ir-rikorrenti jidhru li qed jikkunsidraw li l-miżuri restrittivi inkwistjoni setgħu jirreferu biss għal persuni jew għal entitajiet li l-attivitajiet tagħhom idgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe. Issa, tali allegazzjoni ma hijiex preċiża.

229

Fil-fatt, hekk kif diġà ntqal fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel u tat-tielet motivi, jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2011/101 (ara l-punti 7 u 8 iktar ’il fuq) din hija biss waħda mit-tliet kategoriji ta’ persuni li fir-rigward tagħhom il-miżuri restrittivi relatati ma’ din id-deċiżjoni jistgħu jiġu adottati. Iż-żewġ kategoriji l-oħra huma kkostitwiti, rispettivament, mill-“membri tal-Gvern taż-Żimbabwe” u minn “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom kollha”. Fi kliem ieħor, il-kwalità ta’ persuna jew ta’ entità, sa fejn hija membru tal-Gvern taż-Żimbabwe jew assoċjata ta’ tali membru, hija, waħedha, suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni fir-rigward tagħha tal-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/101.

230

Minbarra dan, jirriżulta essenzjalment, mill-kunsiderazzjonijiet ikkunsidrati fil-punti 129 sa 133 iktar ’il fuq, li l-persuni u l-entitajiet li l-attivitajiet tagħhom idgħajfu serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Zimbabwe jikkostitwixxu biss kategorija partikolari ta’ assoċjati tal-mexxejja ta’ dan il-pajjiż. Huwa għalhekk li l-inklużjoni tagħhom fl-Anness III tar-Regolament Nru 314/2004 hija ġġustifikata, minkejja li t-test ta’ dan ir-regolament ma jsemmix speċifikament din il-kategorija ta’ persuni u ta’ entitajiet.

231

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argumenti tar-rikorrenti mqassra fil-punti 224 u 225 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu aċċettati. Jirriżulta ċar mis-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq (punt 63), li, abbażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE jew tal-Artikolu 215 TFUE, miżuri restrittivi jistgħu jiġu stabbiliti fir-rigward tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe, li mingħajr ebda dubju jagħmlu parti mill-mexxejja ta’ dan il-pajjiż, kif ukoll fir-rigward tal-assoċjati tagħhom. Eventwali riferiment għall-aġir konkret ta’ din l-aħħar kategorija ta’ persuna huwa intiż biss, b’mod definittiv, li jipprova l-kwalità tagħhom bħala assoċjati tal-membri tal-Gvern ta’ dan il-pajjiż. Isegwi li tali riferimenti ma humiex indispensabbli la għall-membri tal-Gvern, u lanqas għall-assoċjati tagħhom jekk, fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, il-kwalità tagħhom bħala assoċjati tal-membri tal-Gvern tirriżulta minn ċirkustanzi oħra, bħall-funzjonijiet li huma jeżerċitaw jew li kienu jeżerċitaw fil-passat.

232

Barra minn hekk, ir-riferiment għaċ-ċirkustanza li l-membri tal-Gvern ikkonċernati jappartjenu liż-ZANU-PF ma jfissirx, bħal ma r-rikorrenti jidhru li qed jallegaw, li l-persuni kkonċernati (u l-entitajiet li huma assoċjati magħhom) huma suġġetti għal sanzjonijiet għar-raġuni biss tal-appartenenza tagħhom ma’ partit politiku. Hemm lok li jitfakkar li ż-ZANU-PF ma huwiex kwalunkwe partit politiku, iżda l-partit li kien l-uniku fil-poter matul il-vjolenzi, intimidazzjonijiet u ksur tad-drittijiet fundamentali tal-poplu Żimbabwen invokati mill-awturi tal-atti kkontestati u minn atti oħra li ppreċedewhom sabiex jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħhom. Hemm ukoll lok li jitfakkar li l-Gvern ta’ unità nazzjonali, fil-poter fiż-Żimbabwe fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, kien kompost, minn naħa, minn persuni li jappartjenu għall-partit ZANU-PF, li kienu barra minn hekk u fil-parti l-kbira tal-każijiet diġà membri tal-Gvern taż-Żimbabwe qabel il-formazzjoni ta’ dan il-gvern, jiġifieri matul il-perijodu ta’ vjolenzi, intimidazzjonijiet u ksur tad-drittijiet fundamentali li kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, ta’ persuni proposti mill-partiti tal-oppożizzjoni (ara, ukoll, il-punti 104, 109 u 110 iktar ’il fuq).

233

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa evidenti li r-riferiment, fil-motivi tal-atti kkontestati, għall-fatt li membru tal-Gvern li hemm riferiment għalih f’dawn l-atti kien jappartjeni liż-ZANU-PF, jew fil-“fazzjoni ZANU-PF” tal-Gvern, kien intiż sabiex jispjega għalfejn dan il-membru tal-gvern kien suġġett għal miżuri restrittivi, filwaqt li miżuri analogi ma kinux ġew adottati fir-rigward ta’ membri oħra tal-istess gvern proposti mill-partiti tal-ex oppożizzjoni.

234

Minbarra dan, jirriżulta minn dak li diġà ġie rrilevat fil-punt 110 iktar ’il fuq li, anki wara l-formazzjoni tal-Gvern ta’ unità nazzjonali, setgħu jiġu adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ membri ta’ dan il-Gvern li kienu diġà jagħmlu parti mill-mexxejja taż-Żimababwe qabel il-formazzjoni tiegħu, kif ukoll fir-rigward tal-assoċjati tagħhom. Għalhekk, f’dak li jikkonċerna dawn il-persuni, din ma tistax tkun kwistjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ħlief fl-ipoteżi fejn l-awturi tal-atti kkontestati b’mod żbaljat kienu kkunsidraw li waħda jew oħra mill-persuni jew entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni kienet membru tal-Gvern taż-Żimbabwe propost miż-ZANU-PF jew assoċjata ma’ tali membru, filwaqt li dan ma kienx il-każ. Issa, fir-rikors, ir-rikorrenti ma jifformulawx tali allegazzjoni.

235

Għandu wkoll jiġi rrilevat li r-rikorrenti jagħmlu qari żbaljat tas-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq, meta jaffermaw li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fiha li l-unika assoċjazzjoni ta’ persuna jew ta’ entità mal-mexxejja ta’ pajjiż terz ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-adozzjoni fir-rigward tagħha ta’ miżuri restrittivi. Fil-fatt, fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament affermat li “sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi kontra pajjiżi terzi fuq il-bażi tal-Artikoli 60 KE u 301 KE, il-miżuri kontra l-persuni fiżiċi għandhom jikkonċernaw biss lill-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi u l-persuni li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja”. Huwa biss fir-rigward tal-membri tal-familji tal-persuni assoċjati mal-mexxejja ta’ pajjiż terz li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikazzjoni ta’ tali miżuri, meta dawn huma stabbiliti għar-raġuni biss ta’ rabta familjari tal-persuni suġġetti mal-assoċjati tal-mexxejja tal-pajjiż inkwistjoni, indipendentement mill-aġir personali tal-persuni msemmija (ara l-punt 128 iktar ’il fuq).

236

Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li, għal parti kbira ħafna minnhom, il-motivi tal-atti kkontestati jirreferu għall-aġir tagħhom fil-passat, barra minn hekk passat tassew il-bogħod f’diversi każijiet. Ovvjament, sa fejn l-awturi tal-atti kkontestati kienu ddeċidew li jrreferu ruħhom għall-aġir konkret ta’ waħda jew tal-oħra tal-persuni jew entitajiet suġġetti għall-atti kkontestati, din tista’ tkun biss kwistjoni ta’ aġir fil-passat. Tali riferiment ma jistax jiġi kkunsidrat bħala irrilevanti għar-raġuni biss li l-aġir inkwistjoni jaqa’ taħt passat bejn wieħed u ieħor estiż. Fin-nuqqas ta’ argumenti u ta’ provi fis-sens kuntrarju, jista’ jiġi kkunsidrat li l-persuni li, fil-passat, kienu ġew personalment implikati fl-atti ta’ vjolenza u ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali li l-awturi tal-atti kkontestati jakkużaw dawk li kienu jmexxu waħedhom iż-Żimbabwe qabel il-formazzjoni tal-Gvern ta’ unità nazzjonali, kif ukoll partit politiku li kienu jappartjenu għalih, f’dan il-każ iż-ZANU-PF jibqgħu, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 235 iktar ’il fuq, “assoċjati” tal-mexxejja ta’ dan il-pajjiż, b’mod li l-adozzjoni, fir-rigward tagħhom, ta’ miżuri restrittivi hija, skont din l-istess ġurisprudenza, permissibbli.

237

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jiffokaw, abbażi biss tal-aġir tagħhom fil-passat, fuq persuni mhux implikati fil-politika tal-Gvern taż-Żimbabwe u mingħajr influwenza fuq dan tal-aħħar, ma jistax jinftiehem fis-sens li r-rikorrenti jsostnu li l-atti kkontestati huma intiżi, tal-inqas parzjalment, għal persuni jew entitajiet li la huma mexxejja taż-Żimbabwe u lanqas assoċjati ta’ dawn il-mexxejja.

238

Issa, fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjoni jekk il-motivi msemmija fl-atti kkontestati kinux biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tar-rikorrenti kollha u kkonkludiet li dan kien il-każ (ara l-punti 155 sa 182 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreċiżawx min fosthom kien ikkonċernat minn dan l-argument. Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “assoċjat” tal-membri tal-gvernijiet ta’ pajjiż terz mhux biss il-persuna implikata fil-formulazzjoni tal-politika ta’ dan il-gvern u li teżerċita influwenza fuqha, iżda wkoll il-persuna implikata fl-eżekuzzjoni ta’ din il-politika, b’mod partikolari meta l-politika inkwistjoni tikkonsisti fit-twettiq ta’ vjolenzi, ta’ intimidazzjonijiet u ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-poplu. Minħabba dawn il-motivi kollha, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

239

Ir-rikorrenti jirrilevaw ukoll li l-isem ta’ ċerti persuni kien tħassar mil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Ir-rikorrenti jsemmu, bħala eżempju, lil F.Z. Charumbira, T. Gambe u C.T. Kuruneri li kienu ġew suġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fir-rigward taż-Żimbabwe sal-2011, iżda li fir-rigward tagħhom dawn il-miżuri ma ġewx sussegwentement imġedda. Skont ir-rikorrenti, il-persuni li fir-rigward tagħhom il-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu tħassru kienu inizjalment tqiegħdu f’din il-lista minħabba l-aġir tagħhom fil-passat. Issa, il-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-persuni miżmuma fil-lista inkwistjoni hija arbitrarja u tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Minbarra dan, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu kkonfermaw li persuni, li ma humiex iktar assoċjati maż-ZANU-PF, kienu tħassru mil-lista inkwistjoni. Huwa għalhekk diffiċli li jinftiehem għaliex ċerti persuni li dwarhom huwa allegat li huma kienu ġew implikati f’aġir tat-tmaqdir fil-passat kellhom jinżammu fil-lista inkwistjoni, filwaqt li oħrajn kienu tħassru minnha.

240

Il-motivi ta’ inklużjoni, fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, tal-ismijiet tat-tliet persuni msemmija mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-argument jirriżultaw mill-Anness II tar-Regolament Nru 314/2004, fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 77/2009, tad-29 ta’ Jannar 2009, li jemenda r-Regolament Nru 314/2004 (ĠU L 23, p. 5), kif ukoll tal-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161, kif emendat bil-Pożizzjoni Komuni 2009/68/PESK, tas-26 ta’ Jannar 2009, li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (ĠU L 23, p. 43). Fil-każ ta’ F.Z. Charumbira, dawn il-motivi jsemmu li l-persuna kkonċernata hija “[e]ks-Deputat Ministru għall-Gvern Lokali, Xogħlijiet Pubbliċi u Djar għall-Poplu [u e]ks-membru tal-Gvern b’rabtiet għadhom għaddejja mal-Gvern.”. Fil-każ ta’ T. Gambe, huwa rrilevat li dan huwa “[p]resident, il-Kummissjoni għas-Sorveljanza tal-Elezzjonijiet” u li “[j]aqsam ir-responsabbiltà għall-elezzjonijiet tal-2005 li kienu saru b’qerq”. Fl-aħħar nett, għal C.T. Kuruneri, iż-żewġ testi msemmija iktar ’il fuq jirrilevaw li huwa “[e]ks-Ministru għall-Finanzi u l-Iżvilupp Ekonomiku [u e]ks-membru tal-Gvern b’rabtiet għadhom għaddejja mal-Gvern”.

241

Mistoqsi, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fuq ir-raġunijiet għalfejn kien iddeċieda li ma jġeddidx il-miżuri restrittivi stabbiliti fir-rigward ta’ dawn it-tliet persuni, il-Kunsill indika, essenzjalment, li huwa “xtaq inaqqas ftit mill-pressjoni fuq iż-Żimbabwe, fid-dawl tat-titjib fis-sitwazzjoni fil-pajjiż” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

242

Il-Qorti Ġenerali tfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 314/2004 kif ukoll mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/101, li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma intiżi għall-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe kif ukoll għall-assoċjati tagħhom, fejn din l-aħħar kategorija tinkludi wkoll il-“persuni fiżiċi [...] li l-attivitajiet tagħhom jimminaw id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe”.

243

Madankollu, ma jirriżultax minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-Kunsill u l-Kummissjoni huma obbligati li jinkludu fil-lista ta’ persuni suġġetti għal dawn il-miżuri kull membru tal-Gvern taż-Żimbabwe u kull assoċjat ta’ tali membru. Fid-dawl ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 216 iktar ’il fuq, għandu, bil-kontra, jiġi kkunsidrat li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna li ma hija la membru tal-Gvern taż-Żimbabwe, u lanqas assoċjata ma’ tali membru, ma tistax tiġi suġġetta għal dawn il-miżuri, iżda li, fir-rigward tal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe u tal-assoċjati tagħhom, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tippermettilu, jekk ikun il-każ, li ma jissuġġettax tali persuni għal dawn il-miżuri, jekk iqis li, fir-rigward tal-għanijiet tagħhom, ma jkunx xieraq li jsir dan.

244

F’dan il-każ, il-motivi ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni għal persuni oħra huma irrilevanti għall-każ tar-rikorrenti.

245

Fil-fatt, sabiex jiġi konkluż li l-atti kkontestati huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti, għandu jintwera, kemm li dawn għandhom bażi fattwali żbaljata, kemm li l-fatti meqjusa fir-rigward tar-rikorrenti huma eżatti, iżda li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li kellhom jinżammu fis-seħħ fir-rigward tagħhom il-miżuri restrittivi inkwistjoni. Issa, fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, ir-rikorrenti ma jikkontestawx, fir-rikors, l-eżattezza materjali tal-fatti rrilevati fir-rigward tagħhom fl-atti kkontestati (ara wkoll il-punti 261 sa 263 iktar ’il quddiem). Fir-rigward tat-tieni ipoteżi, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jispjegaw għal liema raġunijiet il-Kunsill imissu kkunsidra li l-miżuri restrittivi li kienu suġġetti għalihom ma kellhomx jiġġeddu fir-rigward tagħhom.

246

L-invokazzjoni, vaga u ġenerali, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u taċ-ċertezza legali ma jistgħux jimlew dawn il-lakuni fl-argumenti tar-rikorrenti.

247

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattamenti ma jkunux oġġettivament iġġustifikati (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 192 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jispjegawx kif is-sitwazzjoni tagħhom hija paragunabbli ma’ dik ta’ persuni li fir-rigward tagħhom il-miżuri restrittivi ma ġewx imġedda.

248

Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li, għalkemm in-nuqqas ta’ tiġdid fir-rigward ta’ dawn il-persuni l-oħra huwa ġġustifikat minn raġunijiet validi, ir-rikorrenti kellhom jindikaw liema kienu dawn il-motivi u għaliex japplikaw ukoll fil-każ tagħhom. F’tali ipoteżi, paragun mas-sitwazzjoni ta’ persuni oħra u, konsegwentment, ir-riferiment għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kienu superfluwi. Fil-fatt, għalkemm jeżistu raġunijiet ġusti li għalihom il-miżuri restrittivi inkwstjoni ma kellhomx jiġġeddu fir-rigward tar-rikorrenti, dan huwa diġà suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-annullament tal-atti kkontestati, indipendentement mit-trattament irriżervat mill-Kunsill lil persuni oħra li preċedentement kienu suġġetti għall-istess miżuri restrittivi.

249

Min-naħa l-oħra, jekk, bħala ipoteżi, in-nuqqas ta’ tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward ta’ persuni oħra ma kien iġġustifikat minn ebda raġuni valida, din hija illegalità mwettqa mill-Kunsill, li ma tistax tkun ta’ vantaġġ għar-rikorrenti. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li jipprovdi li ħadd ma jista’ jinvoka, favur tiegħu stess, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 192 iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

250

Bl-istess mod, fir-rigward tar-riferiment tar-rikorrenti għall-prinċipju taċ-ċertezza legali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn bl-ebda mod ma jispjegaw kif dan il-prinċipju kien ġie miksur mill-fatt tat-tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tagħhom. B’mod partikolari, huma lanqas ma jallegaw li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, huma kellhom id-dritt li jistennew, sa fejn kienu jikkonċernawhom, in-nuqqas ta’ tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwstjoni.

251

Bħala konklużjoni, xejn fl-argumenti esposti fir-rikors insostenn tat-tieni motiv ma juri li l-atti kkontestati huma vvizzjati b’xi illegalità jew li jirriżultaw minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Fuq l-ilmenti u l-argumenti ppreżentati fir-replika

252

Sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tal-motivi invokati mill-awturi tal-atti kkontestati sabiex jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, ir-rikorrenti ressqu, fir-replika tagħhom, argument differenti. Iktar ’il quddiem għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà u, jekk ikun il-każ, il-fondatezza ta’ dawn l-argumenti. F’dan ir-rigward, ser issir distinzjoni bejn l-argumenti relatati mar-rikorrenti li huma persuni fiżiċi u dawk relatati mar-rikorrenti li huma persuni ġuridiċi.

– Fuq ir-rikorrenti li huma persuni fiżiċi

253

F’parti mir-replika, intitolata “Il-proċedura segwita mill-konvenuti” huwa affermat li l-Kunsill u l-Kummissjoni “bi żball jippreżumu li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-fondatezza tal-motivi invokati” sabiex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ isimhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Ir-rikorrenti pproduċew, fl-anness għar-replika tagħhom “dikjarazzjonijiet ta’ xhieda” stabbiliti minn 40 fosthom. Huma jsostnu li dawn id-dikjarazzjonijiet “ikkostitwixxew l-ewwel opportunità li kienet ingħatatilhom sabiex jesprimu l-perspettiva tagħhom fuq ir-raġunijiet tal-indikazzjoni tagħhom fil-miżuri kkontestati, kif ukoll fuq id-dokumenti li jidhru fl-Anness B 19” għar-risposta tal-Kunsill. F’dawn id-dikjarazzjonijiet, ir-rikorrenti kkonċernati jikkontestaw l-allegazzjonijiet ikkunsidrati fir-rigward ta’ kull wieħed fosthom fil-motivi tal-atti kkontestati. Uħud minn dawn id-dikjarazzjonijiet jinkludu annessi.

254

Ir-rikorrenti jżidu li parti kbira minn fosthom li pprovdew tali dikjarazzjoni tafferma li qatt ma kienu raw qabel l-elementi li servew bħala bażi għall-inklużjoni ta’ isimhom fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, u lanqas id-dokumenti li jidhru fl-Anness B19 tar-risposta tal-Kunsill. Dawn l-istess rikorrenti jaffermaw li ma jafux is-“sorsi jew id-dati” tad-dokumenti inklużi f’dan l-anness, li parti kbira minnhom tidher li ġejja mill-avversarji politiċi tagħhom. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-allegazzjonijiet li jikkonċernawhom “joħolqulhom dannu gravi u huma kompletament infondati”. Huma “jirrifjutawhom bl-iktar mod sod possibbli, minħabba n-natura vaga tagħhom”.

255

Skont ir-rikorrenti, f’ċertu numru ta’ każijiet, dawk fosthom li pprovdew dikjarazzjonijiet jispjegaw ukoll li huma kienu kkollaboraw fil-qrib mal-partit MDC fil-kuntest tal-Gvern ta’ unità nazzjonali u li, konsegwentement, ma setgħux jifhmu għaliex huma kienu ġew suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, filwaqt li l-omologi tagħhom tal-MDC li jokkupaw pożizzjonijiet analogi fil-Gvern ma kinux ġew suġġetti għalihom.

256

Sussegwentement, fil-parti tar-replika tagħhom stabbilita għall-“iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni”, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma pproduċewx prova li l-inklużjoni ta’ isimhom fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni kienet iġġustifikata. Mill-bqija, din il-parti tar-replika essenzjalment tirrepeti l-istess argumenti bħal dawk imressqa insostenn tat-tieni motiv tar-rikors u li diġà ġew eżaminati iktar ’il fuq (ara l-punti 228 sa 251 iktar ’il fuq).

257

Huwa għalhekk evidenti li, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżattezza materjali tal-fatti invokati fl-atti kkontestati sabiex tiġi ġġustifikata l-impożizzjoni fir-rigward tagħhom tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Issa, huwa wkoll daqstant evidenti li l-argumenti mressqa fir-rikors insostenn tat-tieni motiv, kif imqassra fil-punti 224 sa 227 iktar ’il fuq, ma jinkludu ebda kontestazzjoni ta’ din in-natura.

258

Huwa essenzjalment għal dawn il-motivi li l-Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà ta’ din il-parti tal-argumenti tar-rikorrenti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li ssostni l-fatt li huwa biss fir-replika tagħhom li r-rikorrenti kkontestaw għall-ewwel darba l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fir-rigward tagħhom fil-motivi tal-atti kkontestati, tonqos milli tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra din il-parti tal-argumenti tar-rikorrenti.

259

Mistiedna, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sabiex iwieġbu għall-argumenti mqassra fil-punt 258 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fakkru li huma kienu qajmu, fir-rikors tagħhom, motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u li huma kienu indikaw b’mod ċar, fl-istess rikors, li l-affermazzjonijiet li jidhru fl-atti kkontestati kienu vagi u mhux sostnuti, b’mod li huma ma setgħux iwieġbu għalihom fir-rigward tal-mertu. Huma żiedu li ebda kritika ma setgħet issir fil-konfront tagħhom, peress li, bl-eċċezzjoni tal-ewwel rikorrent, Johannes Tomana, il-miżuri restrittivi inkwistjoni ma kinux ġew innotifikati lilhom. Minbarra dan huma fakkru li kienu talbu lill-Kunsill il-“materjal” li fuqu kienu bbażati l-allegazzjonijiet fir-rigward tagħhom fl-atti kkontestati u li huma kienu wieġbu fir-rigward tal-mertu tal-imsemmija allegazzjonijiet, wara li saru jafu bl-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill fir-risposta tiegħu u bid-dokumenti ta’ sostenn prodotti minnu.

260

Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv mogħti preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Barra minn hekk, l-argumenti li s-sustanza tagħhom għandha rabta stretta ma’ motiv mogħti fir-rikors promotur ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala motivi ġodda u l-preżentata tagħhom hija ammessa fl-istadju tar-replika jew tas-seduta (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑394/06, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata).

261

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti ma affermawx, fir-rikors, li l-fatti invokati fir-raġunijiet tal-atti kkontestati sa fejn kienu jikkonċernaw kull wieħed minnhom ma kinux preċiżi. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti ma kkontestawx, fir-rikors, l-eżattezza materjali ta’ dawn il-fatti, li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 221 iktar ’il fuq, tikkostitwixxi kundizzjoni prerekwiżita tal-istħarriġ tal-eżattezza materjali tagħhom mill-qorti tal-Unjoni. It-tieni motiv, hekk kif ippreżentat fir-rikors, kien jakkuża lill-awturi tal-atti kkontestati bi żball manifest, sa fejn ikkunsidraw li r-raġunijiet stabbiliti għal kull wieħed mir-rikorrenti f’dawn l-atti kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni kontra r-rikorrent ikkonċernat. Il-motiv ibbażat fuq tali żball, kemm jekk huwa kklassifikat bħala żball ta’ liġi jew bħala żball manifest ta’ evalwazzjoni, għandu jkun differenti minn motiv li jikkontesta l-eżattezza materjali tar-raġunijiet inkwistjoni. Dan ma jikkostitwixxix amplifikazzjoni ta’ tali motiv u lanqas ma jippreżenta rabta stretta miegħu.

262

Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-replika tagħhom, li hija inkwistjoni iktar ’il fuq, jiġu marbuta ma’ ċerti allegazzjonijiet tagħhom imressqa fir-rikors, rigward l-ewwel u r-raba’ motivi (ara l-punti 81, 82, 90, 108 u 185 iktar ’il fuq). Hemm lok li jitfakkar li dawn iż-żewġ motivi ma humiex intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-atti kkontestati u, iktar partikolarment, l-eżattezza materjali tar-raġunijiet tagħhom iżda, rispettivament, l-eżistenza ta’ bażi legali xierqa li tiġġustifika l-adozzjoni tagħhom u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Minbarra dan, u indipendentement ukoll minn din il-kunsiderazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm, fil-partijiet fir-rikors stabbiliti għall-argumenti mqassra fil-punti 81 u 185 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għall-assenza ta’ provi tal-“akkużi” li jinsabu fir-raġunijiet tal-atti kkontestati, dawn ma jaffermawx li dawn l-“akkużi” huma materjalment ineżatti u inqas u inqas jagħmlu konfutazzjoni ddettaljata u ċirkostanzjali tagħhom. Tali konfutazzjoni ddettaljata tirriżulta għaldaqstant iktar neċessarja peress li jeżisti numru kbir ta’ rikorrenti u varjetà ta’ raġunijiet imsemmija fl-atti kkontestati.

263

Isegwi li l-argumenti mressqa għall-ewwel darba fir-replika sabiex jikkontestaw l-eżattezza materjali tar-raġunijiet tal-atti kkontestati jikkostitwixxu motiv ġdid. Issa, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan il-motiv huwa bbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ġew żvelati matul il-proċedura, peress li, sa mill-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti kienu jafu r-raġunijiet stabbiliti fl-atti kkontestati fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom u kellhom kull possibbiltà sabiex jikkontestaw l-eżattezza materjali ta’ dawn ir-raġunijiet.

264

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-produzzjoni fil-mori tal-kawża mill-Kunsill, minn naħa, tal-Anness B.19 fir-risposta tiegħu u, min-naħa l-oħra, fit-tweġiba tiegħu għat-talba tar-rikorrenti msemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq, ma tistax twassal għal konklużjoni differenti. Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argumenti li huma jressqu għall-ewwel darba fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-affidabbiltà jew ir-rilevanza ta’ prova waħda jew oħra li jsostnu l-motivi tal-atti kkontestati, iżda l-eżattezza materjali ta’ dawn il-motivi stess. Madankollu, peress li r-rikorrenti kienu diġà saru jafu b’dawn l-atti qabel il-preżentata tar-rikors, kien ċertament possibbli għalihom li jikkontestaw, diġà fir-rikors, l-eżattezza materjali ta’ dawn il-motivi, minkejja li huma ma kinux jafu bi provi li jsostnuhom. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 219 iktar ’il fuq, fl-ipoteżi ta’ tali kontestazzjoni, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha titlob lill-awtorità kompetenti li tipproduċi l-provi inkwistjoni u li għandha teżamina jekk il-provi hekk prodotti kinux isostnu dawn il-motivi. Issa, ir-rikorrenti ma ressqux tali kontestazzjoni fir-rikors tagħhom.

265

Il-kunsiderazzjoni li r-rikorrenti setgħu jikkontestaw fir-rikors l-eżattezza materjali tal-motivi tal-atti kkontestati li kienu jikkonċernawhom għaldaqstant tirriżulta iktar preċiża jekk jittieħed kunsiderazzjoni tal-fatt li dawn il-motivi jikkonċernaw kemm il-pożizzjonijiet, fil-Gvern jew fl-amministrazzjoni pubblika taż-Żimbabwe, miżmuma mir-rikorrenti, kemm l-aġir allegat tagħhom. Issa, anki jekk jiġi preżuppost li kull wieħed mir-rikorrenti kien injora l-provi li kienu jsostnu l-motivi stabbiliti fir-rigward tiegħu fl-atti kkontestati, kull wieħed minnhom kien ċertament fil-pożizzjoni li jistabbilixxi, abbażi tas-sempliċi qari tal-motivi li jikkonċernawh, jekk dawn kinux eżatti jew le u, skont il-każ, li jikkontesta l-eżattezza materjali diġà fir-rikors.

266

Isegwi li l-argumenti mressqa fir-replika mir-rikorrenti li huma persuni fiżiċi, sabiex tiġi kkontestata l-eżattezza materjali tal-motivi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tagħhom, huma inammissibbli u għandhom jiġu miċħuda bħala tali, mingħajr ma jiġu eżaminati fir-rigward tal-mertu.

– Fuq ir-rikorrenti li huma persuni ġuridiċi

267

Peress li l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti mressqa fir-replika u mqassra fil-punt 253 iktar ’il fuq ma jagħmlux distinzjoni bejn il-persuni fiżiċi u l-persuni ġuridiċi, huwa evidenti li l-eżattezza materjali tal-motivi li jiġġustifikaw l-inklużjoni, fil-lista tal-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, tal-isem tal-persuni ġuridiċi li jidhru fost ir-rikorrenti hija wkoll ikkontestata fir-replika. Issa, għar-raġunijiet diġà indikati (ara l-punti 260 sa 266 iktar ’il fuq), dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li huwa tardiv.

268

Ir-rikorrenti jressqu wkoll fir-replika tagħhom ċertu numru ta’ argumenti oħra relatati mal-legalità tal-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fuq persuni ġuridiċi.

269

Huma jfakkru li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 314/2004 u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/101 jipprevedu l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lill-persuni ġuridiċi li huma assoċjati mal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe jew “li l-attivitajiet tagħha ddgħajjef [tagħhom idgħajfu] serjament id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe”. Isegwi, skont ir-rikorrenti, li l-awturi tal-atti kkontestati ma kellhomx id-dritt li jissuġġettaw għal tali ffriżar ta’ fondi entitajiet allegatament assoċjati ma’ assoċjati tal-Gvern, mal-Gvern inġenerali, jew ma’ fazzjoni tal-Gvern, jew ma’ Ministeru.

270

Abbażi ta’ dan, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkontestaw l-iffriżar ta’ fondi tal-mija u tlettax-il rikorrenti, Divine Homes. Din hija allegatament assoċjata ma’ assoċjat allegat tal-Gvern, f’dan il-każ is-sitt rikorrent, David Chapfika. Skont ir-rikorrenti, anki jekk jiġi aċċettat li David Chapfika huwa assoċjat tal-Gvern, ħaġa li huma jikkontestaw, din il-kwalità biss hija insuffiċjenti sabiex tiġġustifika l-iffriżar ta’ fondi tal-mija u tlettax-il rikorrenti.

271

It-tieni nett, ebda membru tal-Gvern ma jissemma, fl-atti kkontestati, bħala assoċjat mal-mija u ħmistax sal-mija u wieħed u għoxrin rikorrenti, Jongwe Printing, M & S Syndicate (Private) Ltd, Osleg, Swift Investments (Private) Ltd, Zidco Holdings (Private) Ltd, Zimbabwe Defence Industries jew Zimbabwe Mining Development. Il-kundizzjoni preliminari essenzjali għall-inklużjoni ta’ dawn l-entitajiet fost dawk suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni għalhekk ma hijiex issodisfatta.

272

It-tielet nett, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li l-motivi mressqa fl-atti kkontestati sabiex jiġġustifikaw l-iffriżar ta’ fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-entitajiet inkwistjoni huma insuffiċjenti. L-awturi tal-atti kkontestati jmisshom wettqu analiżi għal kull każ sabiex jevalwaw, minn naħa, sa fejn kull entità kienet miżuma jew ikkontrollata u, min-naħa l-oħra, in-natura tal-kontroll allegat u r-rilevanza tiegħu fir-rigward tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Ebda analiżi ta’ din in-natura ma kienet saret fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet.

273

Ir-raba’ nett, fl-aħħar nett, kien ġie propost lill-Kunsill li jirtira l-isem ta’ Zimbabwe Mining Development mil-lista tal-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni u l-Kunsill u l-Kummissjoni ma kinux spjegaw għalfejn din il-proposta ma kinitx finalment ġiet segwita.

274

Mistoqsija, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fuq il-motiv tar-rikors li miegħu dawn l-argumenti huma marbuta kif ukoll, skont il-każ, dwar il-kwistjoni jekk jeżistux punti ta’ liġi u ta’ fatt żvelati matul il-proċedura li jiġġustifikaw il-preżentata ta’ dawn l-argumenti għall-ewwel darba fir-replika, ir-rikorrenti wieġbu li dawn l-argumenti kienu marbuta mal-ewwel tliet motivi tar-rikors u li, minbarra dan, dawn kienu jwieġbu għal ċerti argumenti mressqa mill-Kunsill fir-risposta tiegħu.

275

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-argumenti mqassra fil-punti 272 u 273 iktar ’il fuq essenzjalment iqajmu kwistjoni relatata man-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-atti kkontestati, li l-Qorti Ġenerali għandha, jekk ikun il-każ, tistħarreġ ex officio (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata). Isegwi li dawn l-argumenti għandhom jiġu eżaminati fir-rigward tal-mertu.

276

Sabiex isostnu l-argument tagħhom imqassar fil-punt 272 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2009, Melli Bank vs Il-Kunsill, (T-246/08 u T-332/08, Ġabra p. II-2629), tas-7 ta’ Diċembru 2011, HTTS vs Il-Kunsill (T-562/10, Ġabra p. II-8087), u tas-26 ta’ Ottubru 2012, CF Sharp Shipping Agencies vs Il-Kunsill (T‑53/12). Issa, ebda waħda minn dawn is-sentenzi ma tista’ ssostni l-argumenti tar-rikorrenti.

277

Huwa ċertament minnu li, fis-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 276 iktar ’il fuq (punt 146), il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-dispożizzjoni inkwistjoni f’din il-kawża kienet teħtieġ evalwazzjoni għal kull każ, f’dak li kien jikkonċerna l-entità kkonċernata, tal-kwalità bħala entità “miżmuma jew ikkontrollata” u li, minbarra l-indikazzjoni tal-bażi legali tal-miżura adottata, l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-awtur ta’ din il-miżura kien marbut miegħu kien jirrigwarda preċiżament din iċ-ċirkustanza. Madankollu, indipendentement ukoll miċ-ċirkustanza li din is-sentenza tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni differenti minn dawk inkwistjoni hawnhekk, għandu fi kwalunkwe każ jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-awturi tal-atti kkontestati kienu effettivament wettqu analiżi għal kull każ u mmotivaw l-atti kkontestati abbażi tar-riżultati tagħha.

278

Hekk kif ġie rrilevat fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv, l-atti kkontestati jesponu b’mod suffiċjenti fid-dritt il-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni, fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, tal-ismijiet tar-rikorrenti kollha, inklużi dawk tal-mija u wieħed u għoxrin rikorrenti, Zimbabwe Mining Development. Fil-fatt, l-atti kkontestati jesponu, għal kull rikorrent, kemm persuna fiżika kif ukoll persuna ġuridika, il-motivi speċifiċi u partikolari li jiġġustifikaw l-impożizzjoni, fir-rigward tiegħu, tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Minbarra dan, l-awturi tal-atti kkontestati ma kinux speċifikament iġġustifikaw għalfejn huma ma ddeċidewx li jsegwu proposta intiża għall-irtirar, minn din il-lista, tal-isem tal-mija u wieħed u għoxrin rikorrenti.

279

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kienet invokat il-kunsiderazzjoni msemmija iktar ’il fuq tas-sentenza Melli Bank vs Il-Kunsill, punt 276 iktar ’il fuq (punt 146), sabiex tiċħad argument tal-Kunsill li ma kienx hemm lok li jissemmew, fid-deċiżjonijiet inkwistjoni f’din il-kawża, l-ismijiet tal-entitajiet miżuma jew ikkontrollati li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi kienu japplikaw għalihom. Din il-kunsiderazzjoni hija għalhekk irrilevanti għal din il-kawża fejn l-ismijiet tal-entitajiet kollha li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi inkwistjoni jissemmew b’mod ċar fl-atti kkontestati.

280

Fiż-żewġ sentenzi l-oħra invokati mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali annullat l-atti kkontestati minħabba ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Issa, f’dan il-każ, diġà ġie deċiż, fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet motiv, li l-atti kkontestati kienu mmotivati b’mod suffiċjenti fid-dritt fir-rigward tar-rikorrenti kollha. Għaldaqstant, iż-żewġ sentenzi l-oħra invokati mir-rikorrenti huma wkoll irrilevanti f’dan il-każ.

281

Fir-rigward tal-argumenti mqassra fil-punti 269 u 270 iktar ’il fuq, dawn jippreżentaw rabta mal-argument imressaq fil-kuntest tat-tieni motiv u mqassar fil-punt 237 iktar ’il fuq, b’mod li dawn jikkostitwixxu amplifikazzjoni tat-tieni motiv u għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli.

282

F’dak li jikkonċerna l-mertu, l-argumenti inkwistjoni ma jistgħux jiġu aċċettati. L-argument tar-rikorrenti huwa, essenzjalment, li huma biss l-entitajiet li jappartjenu għal, jew ikkontrollati minn, il-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li kienu l-assoċjati tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 314/2004 u tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/101. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Interpretazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni, li skont din l-entitajiet li jappartjenu għal, jew huma kkontrollati minn, persuni fiżiċi (jew, skont il-każ, ġuridiċi) assoċjati mal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe jistgħu wkoll ikunu suġġetti għall-miżuri restrittivi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet hija għal kollox konċiljabbli mal-formulazzjoni tagħhom. Dan japplika wkoll għall-interpretazzjoni li l-entitajiet li jappartjenu għal, jew huma kkontrollati minn, il-Gvern taż-Żimbabwe stess għandhom jiġu kkunsidrati bħala li kienu assoċjati, fis-sens ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, mal-membri ta’ dan il-gvern.

283

Minbarra dan, din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq hija l-unika konformi mal-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara l-punt 97 iktar ’il fuq). L-interpretazzjoni ssuġġerita mir-rikorrenti tirriskja li ċċaħħad dawn il-miżuri minn parti kbira, jekk mhux mit-totalità, tal-effettività tagħhom. Ikun fil-fatt paradossali li persuna fiżika assoċjata mal-membri tal-Gvern taż-Żimbabwe tiġi suġġetta għal iffriżar tal-fondi tagħha u tar-riżorsi ekonomiċi tagħha, mingħajr ma dan l-iffriżar ikun jista’ jiġi estiż għall-entitajiet li din il-persuna fiżika tikkontrolla, direttament jew indirettament. F’tali każ, ikun sempliċi ħafna għall-persuna fiżika kkonċernata li tevita l-iffriżar ta’ fondi stabbilit mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, permezz tal-użu għal dan il-għan tal-persuni ġuridiċi jew ta’ entitajiet oħra li hija tikkontrolla. Dan ikun ukoll il-każ jekk jiġi aċċettat li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jawtorizzawx l-implementazzjoni ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi fir-rigward tal-entitajiet direttament ikkontrollati mill-Gvern jew mill-Istat taż-Żimbabwe.

284

Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti kif ukoll tal-prinċipju ta ’ proporzjonalità

285

Il-parti kbira tal-argumenti tar-rikorrenti insostenn ta’ dan il-motiv jikkonsistu f’riferimenti għall-ġurisprudenza u għal diversi testi, jiġifieri l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-Dokument tal-Kunsill 15114/05, tat-2 ta’ Diċembru 2005, intitolat “Linji gwida dwar l-implementazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ miżuri ristrettivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-politika barranija u s-sigurtà komuni tal-UE”, l-opinjoni tal-KEPD fil-punt 120 iktar ’il fuq u rapport tal-Independent Reviewer of Terrorism Legislation (kontrollur indipendenti tal-leġiżlazzjoni antiterrorista tar-Renju Unit).

286

Essenzjalment, ir-rikorrenti jinvokaw, b’mod biżżejjed konċiż, ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Huma jfakkru l-argumenti tagħhom, diġà eżaminati fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv, b’mod partikolari fil-punt 106 iktar ’il fuq, li skont dawn il-miżuri restrittivi inkwistjoni ma jsegwu ebda għan leġittimu tal-PESK. Madankollu, fil-fehma tagħhom, anki jekk jiġi preżuppost li jsegwu tali għan, dawn huma sproporzjonati fir-rigward ta’ dan l-għan. Insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod konċiż li jiġbor l-essenza ċerti argumenti diġà eżaminati u miċħuda iktar ’il fuq. B’mod partikolari, huma jsostnu li, fir-rigward ta’ wħud fosthom, lanqas ma huwa akkużat lilhom fl-atti kkontestati li kienu responsabbli, fil-mument tal-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, mill-politika tal-Gvern taż-Żimbabwe jew li eżerċitaw influwenza fuqu. Huma jinvokaw ukoll, essenzjalment, nuqqas ta’ motivazzjoni tal-atti kkontestati, sa fejn l-awturi tagħhom ma kinux spjegaw kif il-miżuri restrittivi inkwistjoni setgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ kwalunkwe għan leġittimu tal-PESK. Huma jfakkru wkoll li l-GPA jitlob it-tneħħija tal-miżuri restrittivi. Ma huwiex neċessarju li dawn l-argumenti jiġu analizzati iktar, peress li dawn jiġbru ħafna minn dawk, ħafna iktar sostanzjati, imqajma fil-kuntest tal-ewwel tliet motivi. Għall-motivi diġà esposti fil-kuntest tal-analiżi ta’ dawn il-motivi, għandhom jiġu miċħuda wkoll dawn l-argumenti li, barra minn hekk, ma jippreżentaw ebda rabta mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

287

Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll, insostenn tal-ilment tagħhom li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma “sproporzjonati”, l-allegata “portata wiesgħa” ta’ dawn il-miżuri, l-“impatt negattiv gravi f’termini ekonomiċi u ta’ reputazzjoni” kif ukoll in-“natura tal-akkużi” kontra tagħhom li jidhru fil-motivi tal-atti kkontestati.

288

Peress li, fl-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu wkoll, anki jekk biss permezz ta’ riferiment, għal testi oħrajn, għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, għal-libertà ta’ intrapriża u għad-dritt għall-proprjetà, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, “[k]ull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha”. Minbarra dan, skont l-Artikolu 16 tal-istess Karta, “[i]l-libertà ta’ l-intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 17(1) ta’ din il-Karta jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

289

F’dan il-każ, ma hemmx dubju li l-miżuri restrittivi li jinsabu fl-atti kkontestati iwasslu għal limitazzjonijiet fl-eżerċizzju mir-rikorrenti tad-drittijiet fundamentali tagħhom hekk kif hemm riferiment għalihom iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq, punt 358, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill, T‑187/11, punt 76).

290

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn id-drittijiet fundamentali, fid-dritt tal-Unjoni, ma jgawdux minn protezzjoni assoluta, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, punt 121, u s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, punt 204 iktar ’il fuq, punt 99, u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn id-drittijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenza Makhlouf vs Il-Kunsill, punt 203 iktar ’il fuq, punt 97, u l-ġurisprudenza ċċitata).

291

B’mod partikolari, l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxi f’dan ir-rigward, minn naħa, li “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-[k]arta [tad-drittijiet fundamentali] għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, li, [b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

292

Issa, il-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali msemmija iktar ’il fuq u li għandhom dritt għalihom ir-rikorrenti għandha tiġi meqjusa bħala li kienet “prevista mil-liġi” peress li, hekk kif jirriżulta mill-iżviluppi iktar ’il fuq dwar l-ewwel u t-tieni motiv, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 314/2004 kif ukoll fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/101 ġew osservati.

293

Barra minn hekk, jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel motiv li l-miżuri inkwistjoni jikkontribwixxu effettivament għat-twettiq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (ara l-punt 93 iktar ’il fuq).

294

F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv jista’ jinftiehem biss fis-sens li r-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeħtieġ ir-rispett tiegħu.

295

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża, u li l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 81,u tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Mejju 2010, Comune di Napoli vs Il-Kummissjoni, T‑388/07, II-00079, punt 143).

296

Madankollu, hemm lok ukoll li jitfakkar li fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien jeħtieġ li tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li jimplikaw min-naħa ta’ dan tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija ddeduċiet minn dan li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta pparagunata mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (ara s-sentenza Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, punt 290 iktar ’il fuq, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata).

297

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 97 iktar ’il fuq, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma intiżi sabiex jiksbu mill-persuni u mill-entitajiet ikkonċernati minnhom iċ-ċaħda tal-politiki li għandhom bħala effett li jwasslu għat-trażżin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà tal-espressjoni u li jostakolaw l-iggvernar tajjeb. Ċertament, dawn huma miżuri intiżi li jaġixxu indirettament, fejn l-idea li hija l-bażi tagħhom hija li dawk li huma suġġetti għalihom jiċħdu dawn il-politiki msemmija iktar ’il fuq sabiex ir-restrizzjonijiet li huma suġġetti għalihom jitħassru fir-rigward tagħhom. Madankollu, fil-każ ta’ Stat terz sovran, bħaż-Żimbabwe, jirriżulta b’mod ċar li huwa biss b’mod indirett li l-Unjoni tkun tista’ tinfluwenza l-politiki tiegħu.

298

Għandu wkoll jitfakkar li l-atti kkontestati kienu r-riżultat sussegwenti tat-tħassib serju tal-awtoritajiet tal-Unjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe u li rreferew għal dan għall-ewwel darba għaxar snin qabel (ara l-punt 1 iktar ’il fuq). Issa, dan it-tħassib, li n-natura ġġustifikata tiegħu ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kien għadu jippersisti fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati. Għalhekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni ma jistgħux jiġu akkużati bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-fatt li żammew fis-seħħ il-miżuri restrittivi diġà stabbiliti u li estendew il-portata tagħhom, bl-intenzjoni li jtemmu sitwazzjoni ta’ tħassib kbir ta’ tul ta’ żmien daqstant twil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft punt 290 iktar ’il fuq, punt 126).

299

Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma semmew ebda miżura konkreta inqas restrittiva, li l-effett tagħha jixbah dak tal-miżuri inkwistjoni u li tista’ tilħaq l-istess għanijiet.

300

Hemm lok li jiġi osservat ukoll li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jippreżentaw, min-natura tagħhom, natura temporanja u reversibbli u għalhekk, ma jippreġudikawx l-“essenza” tad-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrenti. Dan huwa iktar u iktar applikabbli peress li r-rikorrenti kollha huma persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fiż-Żimbabwe u mhux ġewwa l-Unjoni, li jagħmel mod li l-inkonvenjenzi li jirriżultaw minn dawn il-miżuri, minkejja li inkontestabbilment importanti, ma humiex daqstant vinkolanti daqs fil-każ ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti ġewwa l-Unjoni.

301

Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat li kemm ir-Regolament Nru 314/2004 kif ukoll id-Deċiżjoni 2011/101 jipprevedu eċċezzjonijiet għall-miżuri restrittivi li huma jistabbilixxu. Għalhekk, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 314/2004, jista’ jiġi awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti r-rilaxx ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi “neċessarji għall-spejjeż bażiċi, li jinkludu pagamenti għall-ikel, kera jew ipoteka, mediċina jew trattament mediku, taxxi, premji [primjums] ta’ assigurazzjoni u ħlasijiet għall-utilità pubblika”, jew “maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ ħlas professjonali raġonevoli u r-rimborż ta’ flus li ntefqu li huma assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali”. Minbarra dan, l-Artikolu 4(3) sa (5) tad-Deċiżjoni 2011/101 jipprevedi derogi għall-projbizzjoni ta’ dħul jew ta’ passaġġ fi tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri, b’mod partikolari “meta l-ivvjaġġar ikun iġġustifikat għal raġunijiet umanitarji urġenti u imperattivi”.

302

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 298 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li n-natura proporzjonata tal-miżuri restrittivi inkwistjoni hija stabbilita. Għalhekk, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud u konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

303

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. Ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu, skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Johannes Tomana u l-120 rikorrent l-ieħor li isimhom jidher fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbatu l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ April 2015.

Firem

Anness

Lista tar-rikorrenti

Johannes Tomana, residenti fi Ħarare (Żimbabwe),

Titus Mehliswa Johna Abu Basutu, residenti fi Ħarare,

Happyton Mabhuya Bonyongwe, residenti fi Ħarare,

Flora Buka, residenti fi Ħarare,

Wayne Bvudzijena, residenti fi Ħarare,

David Chapfika, residenti fi Ħarare,

George Charamba, residenti fi Ħarare,

Faber Edmund Chidarikire, residenti fi Ħarare,

Tinaye Chigudu, residenti fi Ħarare,

Aeneas Soko Chigwedere, residenti fi Ħarare,

Phineas Chihota, residenti fi Ħarare,

Augustine Chihuri, residenti fi Ħarare,

Patrick Anthony Chinamasa, residenti fi Ħarare,

Edward Takaruza Chindori-Chininga, residenti fi Ħarare,

Joseph Chinotimba, residenti fi Ħarare,

Tongesai Shadreck Chipanga, residenti fi Ħarare,

Augustine Chipwere, residenti fi Ħarare,

Constantine Chiwenga, residenti fi Ħarare,

Ignatius Morgan Chiminya Chombo, residenti fi Ħarare,

Martin Dinha, residenti fi Ħarare,

Nicholas Tasunungurwa Goche, residenti fi Ħarare,

Gideon Gono, residenti fi Ħarare,

Cephas T. Gurira, residenti fi Ħarare,

Stephen Gwekwerere, residenti fi Ħarare,

Newton Kachepa, residenti fi Ħarare,

Mike Tichafa Karakadzai, residenti fi Ħarare,

Saviour Kasukuwere, residenti fi Ħarare,

Jawet Kazangarare, residenti fi Ħarare,

Sibangumuzi Khumalo, residenti fi Ħarare,

Nolbert Kunonga, residenti fi Ħarare,

Martin Kwainona, residenti fi Ħarare,

R. Kwenda, residenti fi Ħarare,

Andrew Langa, residenti fi Ħarare,

Musarashana Mabunda, residenti fi Ħarare,

Jason Max Kokerai Machaya, residenti fi Ħarare,

Joseph Mtakwese Made, residenti fi Ħarare,

Edna Madzongwe, residenti fi Ħarare,

Shuvai Ben Mahofa, residenti fi Ħarare,

Titus Maluleke, residenti fi Ħarare,

Paul Munyaradzi Mangwana, residenti fi Ħarare,

Reuben Marumahoko, residenti fi Ħarare,

G. Mashava, residenti fi Ħarare,

Angeline Masuku, residenti fi Ħarare,

Cain Ginyilitshe Ndabazekhaya Mathema, residenti fi Ħarare,

Thokozile Mathuthu, residenti fi Ħarare,

Innocent Tonderai Matibiri, residenti fi Ħarare,

Joel Biggie Matiza, residenti fi Ħarare,

Brighton Matonga, residenti fi Ħarare,

Cairo Mhandu, residenti fi Ħarare,

Fidellis Mhonda, residenti fi Ħarare,

Amos Bernard Midzi, residenti fi Ħarare,

Emmerson Dambudzo Mnangagwa, residenti fi Ħarare,

Kembo Campbell Dugishi Mohadi, residenti fi Ħarare,

Gilbert Moyo, residenti fi Ħarare,

Jonathan Nathaniel Moyo, residenti fi Ħarare,

Sibusio Bussie Moyo, residenti fi Ħarare,

Simon Khaya Moyo, residenti fi Ħarare,

S. Mpabanga, residenti fi Ħarare,

Obert Moses Mpofu, residenti fi Ħarare,

Cephas George Msipa, residenti fi Ħarare,

Henry Muchena, residenti fi Ħarare,

Olivia Nyembesi Muchena, residenti fi Ħarare,

Oppah Chamu Zvipange Muchinguri, residenti fi Ħarare,

C. Muchono, residenti fi Ħarare,

Tobaiwa Mudede, residenti fi Ħarare,

Isack Stanislaus Gorerazvo Mudenge, residenti fi Ħarare,

Columbus Mudonhi, residenti fi Ħarare,

Bothwell Mugariri, residenti fi Ħarare,

Joyce Teurai Ropa Mujuru, residenti fi Ħarare,

Isaac Mumba, residenti fi Ħarare,

Simbarashe Simbanenduku Mumbengegwi, residenti fi Ħarare,

Herbert Muchemwa Murerwa, residenti fi Ħarare,

Munyaradzi Musariri, residenti fi Ħarare,

Christopher Chindoti Mushohwe, residenti fi Ħarare,

Didymus Noel Edwin Mutasa, residenti fi Ħarare,

Munacho Thomas Alvar Mutezo, residenti fi Ħarare,

Ambros Mutinhiri, residenti fi Ħarare,

S. Mutsvunguma, residenti fi Ħarare,

Walter Mzembi, residenti fi Ħarare,

Morgan S. Mzilikazi, residenti fi Ħarare,

Sylvester Nguni, residenti fi Ħarare,

Francis Chenayimoyo Dunstan Nhema, residenti fi Ħarare,

John Landa Nkomo, residenti fi Ħarare,

Michael Reuben Nyambuya, residenti fi Ħarare,

Magadzire Hubert Nyanhongo, residenti fi Ħarare,

Douglas Nyikayaramba, residenti fi Ħarare,

Sithembiso Gile Glad Nyoni, residenti fi Ħarare,

David Pagwese Parirenyatwa, residenti fi Ħarare,

Dani Rangwani, residenti fi Ħarare,

Engelbert Abel Rugeje, residenti fi Ħarare,

Victor Tapiwe Chashe Rungani, residenti fi Ħarare,

Richard Ruwodo, residenti fi Ħarare,

Stanley Urayayi Sakupwanya, residenti fi Ħarare,

Tendai Savanhu, residenti fi Ħarare,

Sydney Tigere Sekeramayi, residenti fi Ħarare,

Lovemore Sekeremayi, residenti fi Ħarare,

Webster Kotiwani Shamu, residenti fi Ħarare,

Nathan Marwirakuwa Shamuyarira, residenti fi Ħarare,

Perence Samson Chikerema Shiri, residenti fi Ħarare,

Etherton Shungu, residenti fi Ħarare,

Chris Sibanda, residenti fi Ħarare,

Jabulani Sibanda, residenti fi Ħarare,

Misheck Julius Mpande Sibanda, residenti fi Ħarare,

Phillip Valerio Sibanda, residenti fi Ħarare,

David Sigauke, residenti fi Ħarare,

Absolom Sikosana, residenti fi Ħarare,

Nathaniel Charles Tarumbwa, residenti fi Ħarare,

Edmore Veterai, residenti fi Ħarare,

Patrick Zhuwao, residenti fi Ħarare,

Paradzai Willings Zimondi, residenti fi Ħarare,

Cold Comfort Farm Cooperative Trust, stabbilita fi Ħarare,

Comoil (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

Divine Homes (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

Famba Safaris (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

Jongwe Printing and Publishing Company (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

M & S Syndicate (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

Osleg (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

Swift Investments (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

Zidco Holdings (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

Zimbabwe Defence Industries (Private) Ltd, stabbilita fi Ħarare,

Zimbabwe Mining Development Corp., stabbilita fi Ħarare.

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

1. Fuq ir-rikorrenti mejta

 

2. Fuq l-eżistenza ta’ mandat mogħti lill-avukati li ffirmaw ir-rikors mir-rikorrenti kollha li huma persuni fiżiċi

 

3. Fuq il-persistenza tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti

 

4. Fuq ċerti argumenti mressqa mill-Kummissjoni sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors

 

5. Fuq il-mertu

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali xierqa għall-inklużjoni, fost il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, tal-persuni jew tal-entitajiet li ma humiex la mexxejja taż-Żimbabwe u lanqas l-assoċjati tagħhom

 

Fuq il-bażi legali tad-Deċiżjonijiet 2011/101 u 2012/97 u tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/124

 

Fuq il-bażi legali tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 151/2012

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

Tfakkira tal-ġurisprudenza rilevanti

 

Fuq il-motivi tal-adozzjoni u tat-tiġdid ta’ miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe

 

Fuq il-motivi speċifiċi, li jiġġustifikaw l-adozzjoni u t-tiġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mir-rikorrenti

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq l-ilmenti u l-argumenti ppreżentati fir-rikors

 

Fuq l-ilmenti u l-argumenti ppreżentati fir-replika

 

– Fuq ir-rikorrenti li huma persuni fiżiċi

 

– Fuq ir-rikorrenti li huma persuni ġuridiċi

 

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.