Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża T‑188/12,

Patrick Breyer, residenti fi Wald-Michelbach (il-Ġermanja), irrappreżentat minn M. Starostik, avukat,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski u S. Hartikainen, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, inizjalment irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, C. Stege, S. Johannesson, U. Persson, K. Ahlstrand-Oxhamre u H. Karlsson, sussegwentement minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson, L. Swedenborg, N. Otte Widgren, E. Karlsson u F. Sjövall, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira u H. Krämer, sussegwentement minn H. Krämer u M. Konstantinidis, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn A. Krämer u R. Van der Hout, sussegwentement minn R. Van der Hout, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2012 li tiċħad talba mressqa mir-rikorrent intiża sabiex jikseb l-aċċess għall-parir legali tagħha relatat mad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54), u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ April 2012 li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent l-aċċess sħiħ għad-dokumenti relatati mat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 mir-Repubblika tal-Awstrija u għad-dokumenti relatati mal-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑189/09, EU C:2010:455), sa fejn, fir-rigward ta’ din l-aħħar deċiżjoni, l-aċċess għan-noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ din il-kawża kien ġie rrifjutat.

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1. Skont l-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 15(3) TFUE:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond dan il-paragrafu.

[…]

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandhom ikunu suġġetti għal dan il-paragrafu biss meta jeżerċitaw il-kompiti amministrattivi tagħhom.”

2. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) għandu bħala għan li jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea previst fl-Artikolu 15 TFUE.

3. Taħt it-titolu “Benefiċjarji u skop”, l-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f'Stat Membru, għandu dritt ta' aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

4. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1049/2001 jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “dokument” u ta’ “parti terza” kif ġej:

“a) ‘dokument’ tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni;

b) ‘parti terza’ tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi.”

5. Taħt it-titolu “Eċċezzjonijiet”, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi partikolarment, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

“2. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta':

– […]

– proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

– […]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

5. Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

6. B’ittra tat-30 ta’ Marzu 2001, ir-rikorrent, P. Breyer, ressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea talba ta’ aċċess għal dokumenti, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001.

7. Id-dokumenti mitluba kienu jikkonċernaw proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija, fl-2007, mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u kontra r-Repubblika tal-Awstrija, fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54). Iktar preċiżament, ir-rikorrent talab l-aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri amministrattivi mmexxija mill-Kummissjoni kif ukoll fir-rigward tad-dokumenti kollha relatati mal-proċedura ġudizzjarja li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑189/09, EU:C:2010:455).

8. Fil-11 ta’ Lulju 2011, il‑Kummissjoni ċaħdet it-talba mressqa mir-rikorrent fit-30 ta’ Marzu 2011.

9. Fit-13 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrent, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ressaq talba konfermatorja.

10. B’deċiżjonijiet tal-5 ta’ Ottubru u tat-12 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tat lir-rikorrent l-aċċess għal parti mid-dokumenti mitluba. F’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni minbarra dan infurmat lir-rikorrent bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni differenti fir-rigward ta’ dokumenti relatati mal-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2010:455).

11. B’ittra tal-4 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent talab lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal opinjoni, referenza Ares (2010) 828204, tas-servizz legali tal-Kummissjoni u li tirrigwarda eventwali emenda tad-Direttiva 2006/24 fis-sens ta’ talba diskrezzjonali mill-Istati Membri (iktar ’il quddiem it-“talba tal-4 ta’ Jannar 2012”).

12. Fis-17 ta’ Frar 2012, il‑Kummissjoni ċaħdet it-talba tal-4 ta’ Jannar 2012.

13. Fl-istess jum, ir-rikorrent, permezz ta’ messaġġ elettroniku, ippreżenta talba konfermatorja, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

14. Bħala tweġiba għal din it-talba konfermatorja, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni, referenza Ares (2012) 313186, tas-16 ta’ Marzu 2012, li permezz tagħha kkonfermat ir-rifjut ta’ aċċess għall-parir legali tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012”). Dan ir-rifjut kien ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet, li jinsabu fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar, l-ewwel nett, il-protezzjoni tal-pariri legali u, it-tieni, il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali.

15. Fit-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni, bħala tweġiba għat-talba konfermatorja tar-rikorrent tat-13 ta’ Lulju 2011, adottat id-deċiżjoni referenza Ares (2012) 399467 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-aċċess tar-rikorrent, minn naħa, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat mal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, mibdija kontra r-Repubblika tal-Awstrija u, min-naħa l-oħra, għad-dokumenti relatati mal-proċedura ġudizzjarja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2010:455). Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni, b’mod partikolari rrifjutat l-aċċess għan-noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja (iktar ’il quddiem in-“noti inkwistjoni”), minħabba li dawn in-noti ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-ewwel nett, skont il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kwalità tagħha bħala istituzzjoni ma hijiex suġġetta għar-regoli relatati mal-aċċess għal dokumenti ħlief fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha. It-tieni nett, il-Kummissjoni tippreċiża li n-noti inkwistjoni kienu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Kummissjoni, bħala parti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2010:455), irċeviet biss kopji. It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 20 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-komunikazzjoni ta’ sottomissjonijiet bil-miktub relatati ma’ proċedura ġudizzjarja unikament lill-partijiet f’din il-proċedura u lill-istituzzjonijiet li d-deċiżjonijiet tagħhom huma inkwistjoni. Ir-raba’ nett, skont il-Kummissjoni, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra, EU:C:2010:541), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx il-kwistjoni jekk l-istituzzjonijiet kellhomx jagħtu l-aċċess għan-noti ta’ parti oħra f’proċedura ġudizzjarja. Għalhekk, fir-rigward tan-noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, huma biss in-noti tal-istituzzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ippreżentati minn partijiet oħra, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li huwa ppreċiżat li, jekk interpretazzjoni differenti kellha tiġi aċċettata, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 TFUE u tar-regoli speċifiċi li jirriżultaw mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu evitati.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16. B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-30 ta’ April 2012, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

17. B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali bil-fatt li huwa sar jaf, fit-30 ta’ April 2012, b’ittra tal-Kummissjoni li kienet ġiet trażmessa lilu permezz ta’ messaġġ elettroniku u li kienet relatata mal-parir legali li kien hemm riferiment għalih fit-talba tiegħu tal-4 ta’ Jannar 2012.

18. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 u fis-17 ta’ Awwissu 2012, ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrent. B’digriet tat-28 ta’ Settembru 2012, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi. Ir-Renju tal-Isvezja ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fit-terminu stabbilit. Ir-Repubblika tal-Finlandja ma ppreżentatx nota ta’ intervent. Il‑Kummissjoni ressqet l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Isvezja fit-terminu stabbilit.

19. Wara s-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid. Dan ġie sussegwentement assenjat lit-Tieni Awla, li lilha din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata.

20. Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

21. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2014.

22. Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tannulla d-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012;

– tannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, sa fejn l-aċċess għan-noti inkwistjoni kien ġie rrifjutat;

– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23. Fl-ittra tiegħu tat-3 ta’ Mejju 2012 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali tiddikjara t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012 bħala mingħajr skop.

24. Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

– tiddikjara t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012 bħala mingħajr skop;

– tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012 bħala mhux fondata;

– tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

25. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni talbet, sussidjarjament li, f’każ ta’ annullament parzjali tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, ir-ri korrent jiġi kkundannat, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jbati l-ispejjeż tiegħu stess minħabba raġunijiet eċċezzjonali, ħaġa li ttieħdet konjizzjoni tagħha fil-proċess verbal tas-seduta. Dawn ir-raġunijiet eċċezzjonali huma kkostitwiti mill-pubblikazzjoni fin-netwerk tal-internet ta’ ċerti sottomissjonijiet bil-miktub relatati ma’ din il-kawża u ta’ skambju ta’ ittri li seħħ f’dan ir-rigward bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent.

26. Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, sa fejn l-aċċess għan-noti inkwistjoni kien ġie rrifjutat.

Id-dritt

Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012

27. Hekk kif ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett tat-tilwima, hekk kif ġie stabbilit mir-rikors promotur, irid jissussisti, bl-istess mod bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, ikun ta’ vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentat tali rikors (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il‑Kummissjoni, T‑29/08, Ġabra, EU:T:2011:448, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28. Jirriżulta minn dokumenti li jinsabu fil-proċess li r-rikorrent irċieva, fit-30 ta’ April 2012, kopja tal-parir legali tal-Kummissjoni li l-aċċess għalih kien ġie rrifjutat lilu permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012.

29. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, hekk kif jaqblu dwaru r-rikorrent u l-Kummissjoni, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012 tilfet l-iskop tagħha u li, għaldaqstant, ma għadx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LPN vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, EU:T:2011:448, punt 57).

Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012

30. Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, ir-rikorrent, sostnut mir-Renju tal-Isvezja, iqajjem motiv uniku bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jikkontesta l-konklużjoni, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, li n-noti inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

31. Il‑Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-motiv uniku minħabba li, essenzjalment, in-noti redatti minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja huma esklużi mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Fil-fatt, minn naħa, tali noti għandhom jiġu kkunsidrati bħala dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, huma esklużi mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, filwaqt li huwa ppreċiżat li r-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat skont din id-dispożizzjoni ta’ dritt primarju. Min-naħa l-oħra, dawn ma jikkostitwixxux dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament.

32. L-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li huwa paċifiku li, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni rrifjutat lir-rikorrent l-aċċess għan-noti inkwistjoni minħabba li dawn in-noti ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

33. It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta kemm mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet kif ukoll mit-trattazzjoni waqt is-seduta li l-partijiet essenzjalment ma jaqblux, fir-rigward tal-kwistjoni jekk in-noti inkwistjoni jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Iktar preċiżament, minn naħa, l-opinjoni tagħhom tvarja f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tan-noti inkwistjoni bħala dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) ta’ dan l-istess regolament. Min-naħa l-oħra, huma ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni jekk in-noti inkwistjoni humiex, min-natura tagħhom stess, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE.

34. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-motiv uniku, hemm lok li jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk in-noti inkwistjoni jikkostitwixxux dokumenti li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 2(3) tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tiegħu, qabel ma jiġi eżaminat, skont il-każ, fit-tieni lok, jekk, minkejja li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, jiġu ssodisfatti, in-natura stess ta’ dawn in-noti, redatti fid-dawl tal-fażi kontenzjuża ta’ proċedura li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, madankollu tipprekludi, minħabba r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal talba ta’ aċċess għal dawn in-noti.

Fuq il-klassifikazzjoni tan-noti inkwistjoni bħala dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu.

35. Ir-rikorrent, sostnut mir-Renju tal-Isvezja, isostni, essenzjalment, li n-noti inkwistjoni jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni u jaqgħu taħt il-qasam ta’ kompetenza tagħha.

36. Ir-Renju tal-Isvezja jżid li, hekk kif dan jirriżulta mill-Artikolu 2(3) tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 ikopri d-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni u fil-pussess tagħha, kemm jekk dawn huma kopji jew oriġinali, li kienu ġew trażmessi direttament lill-istituzzjoni inkwistjoni jew li kienu ġew trażmessi lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, u mingħajr rigward għall-oriġini tagħhom, b’mod li, peress li barra minn hekk in-noti inkwistjoni jaqgħu taħt qasam ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, huma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

37. Il-Kummissjoni tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li n-noti inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dokumenti miżmuma minnha fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 3(a) ta’ dan l-istess regolament. Fil-fatt, peress li dawn in-noti kienu ġew indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn kienu ġew trażmessi lill-Kummissjoni unikament taħt forma ta’ kopji mill-Qorti tal-Ġustizzja u, peress li jikkostitwixxu dokumenti ġudizzjarji, ma jaqgħux la taħt l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni u lanqas, għaldaqstant, taħt il-kompetenza tagħha, peress li huwa mifhum li l-attività amministrattiva tagħha biss hija koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

38. Preliminarjament, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jistipula r-rieda espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 UE, li jiġi mħaddan pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa, li fiha d‑deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ‑ċittadin. Hekk kif tfakkar fil-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id‑dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra, EU:C:2008:374, punt 34, u L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 68).

39. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra, EU:C:2007:75, punt 61; tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra, EU:C:2007:802, punt 53, u L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 69).

40. Fit-tieni lok, għandu jitfakkar, l-ewwel net, li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dan ir-regolament japplika għal kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti maħruġa minnha jew li rċeviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs My Travel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra EU:C:2011:496, punt 88). Għalhekk, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni jkopri mhux biss id-dokumenti maħruġa minn dawn l-istituzzjonijiet, iżda wkoll dawk riċevuti minn terz, fosthom l-Istati Membri, kif jippreċiża espressament l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament (sentenzi L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2007:802, punt 55, u tal-14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑59/09, Ġabra, EU:T:2012:75, punt 27).

41. Sussegwentement, il-kunċett ta’ “dokument”, li huwa s-suġġett ta’ definizzjoni wiesgħa fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il‑Kummissjoni, T‑36/04, Ġabra, EU:T:2007:258, punt 59), ikopri “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju [mezz] tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

42. Isegwi li d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija essenzjalment ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kontenut ikkonservat, li jista’ jiġi riprodott jew ikkonsultat wara l-produzzjoni tiegħu, filwaqt li huwa ppreċiżat, minn naħa, li n-natura tal-mezz ta’ ħżin, it-tip u n-natura tal-kontenut maħżun, kif ukoll id-daqs, it-tul, l-importanza jew il-preżentazzjoni ta’ kontenut huma irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk kontenut huwiex, jew le, kopert mill-imsemmija definizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-unika limitazzjoni li tirrigwarda kontenut li jista’ jaqa’ taħt din id-definizzjoni hija l-kundizzjoni li dan il-kontenut għandu jikkonċerna materja relatata mal-politika, mal-attivitajiet u mad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-istituzzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, Ġabra, EU:T:2011:634, punti 88 u 90 sa 93).

43. Fl-aħħar nett, diġà ġie deċiż li jirriżulta mid-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ dokument, kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll mill-formulazzjoni u mill-eżistenza stess, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, ta’ eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx xtaq jeskludi l-attività kontenzjuża tal-istituzzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini, iżda li kien ippreveda, f’dan ir-rigward, li dawn l-istituzzjonijiet jirrifjutaw li jiżvelaw id-dokumenti relatati ma’ proċedura ġudizzjarja fil-każijiet fejn tali żvelar jippreġudika l-proċedura li magħha huma relatati (sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2007:258, punt 59).

44. F’dan il-każ, l-ewwel nett, huwa paċifiku li l-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 226 KE (li sar l-Artikolu 258 TFUE), ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Awstrija, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2010:455).

45. Sussegwentement, huwa wkoll paċifiku li, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja relatata ma’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrażmettiet kopji tan-noti inkwistjoni lill-Kummissjoni.

46. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-kopji tan-noti inkwistjoni jinsabu fil-pussess tagħha.

47. Isegwi li, hekk kif isostni essenzjalment ir-rikorrent, sostnut mir-Renju tal-Isvezja, il-Kummissjoni rċeviet, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fid-dawl tal-attività kontenzjuża tagħha, dokumenti redatti minn Stat Membru, terz imsemmi fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, u li dawn id-dokumenti jinsabu fil-pussess tagħha, fis-sens tal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu.

48. Għaldaqstant, fir-rigward tal-punti 40 sa 43 iktar ’il fuq, in-noti inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu.

49. Din it-talba ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni.

50. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li n-noti inkwistjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dokumenti fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 3(a) ta’ dan l-istess regolament, peress li ma ġewx indirizzati lilha, iżda ġew indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, u li l-kopji biss ġew trażmessi lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja.

51. Issa, minn naħa, għalkemm, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, huma biss “kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha” li jaqgħu’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għad-dokumenti “riċevuti mill-istituzzjoni għall-kundizzjoni li d-dokument inkwistjoni kien ġie indirizzat lilha u direttament trażmess mill-awtur tiegħu.

52. Għalhekk, u fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif imfakkar fil-punt 39 iktar ’il fuq, li jikkonsisti li jingħata lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li n-noti inkwistjoni ma kinux ġew la indirizzati u lanqas direttament trażmessi lill-Kummissjoni mill-Istat Membru inkwistjoni ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-klassifikazzjoni tagħhom bħala dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Effettivament huwa fatt li dawn in-noti kienu ġew riċevuti mill-Kummissjoni u kienu jinsabu fil-pussess tagħha.

53. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni rċeviet biss kopji tan-noti inkwistjoni, u mhux l-oriġinali tagħhom li kienu ġew indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif dan diġà ġie rrilevat fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ dokument huwa s-suġġett ta’ definizzjoni wiesgħa fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kontenut ikkonservat.

54. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa irrilevanti fuq l-eżistenza ta’ dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 li n-noti inkwistjoni kienu ġew trażmessi lill-Kummissjoni fil-forma ta’ kopji u mhux fil-forma ta’ oriġinali.

55. It-tieni nett, il-Kummissjoni tallega li, hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 u mill-Artikolu 3(a) tal-proposta tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2000, C 177 E, p. 70), il-leġiżlatur xtaq jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 unikament id-dokumenti li jikkonċernaw l-attivitajiet amministrattivi tal-Kummissjoni, bl-esklużjoni tal-attività kontenzjuża tagħha. Issa, skont il-Kummissjoni, in-noti inkwistjoni ma jaqgħux la taħt l-attività amministrattiva tagħha u lanqas taħt il-kompetenza tagħha.

56. Minn naħa, l-argumenti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq li, fir-rigward tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, huma biss id-dokumenti relatati mal-attività amministrattiva tagħha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 li għandhom, fl-istat attwali tar-regoli relatati mad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, bħal dawk li jirriżultaw minn dan ir-regolament, jiġu skartati.

57. Fil-fatt, għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, “[i]t-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika”, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, jirriżulta mid-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ dokument, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll mill-formulazzjoni u mill-eżistenza stess, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, ta’ eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jeskludi l-attività kontenzjuża tal-istituzzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini. Din il-kunsiderazzjoni tapplika tant li dan ir-regolament ma japplikax la l-esklużjoni tal-attività kontenzjuża tal-istituzzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u lanqas limitazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-unika attività amministrattiva tagħhom.

58. Minbarra dan, il-preċiżazzjonijiet li jinsabu fil-proposta ta’ regolament imsemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq, fis-sens li huma biss id-dokumenti amministrattivi li huma koperti mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, huma irrilevanti fuq l-intenzjoni tal-leġiżlatur, peress li, skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni prevista fl-Artikolu 251 KE (li sar l-Artikolu 294 TFUE), li permezz tagħha ġie adottat ir-Regolament Nru 1049/2001 skont l-Artikolu 255 KE (li essenzjalment ġie ssostitwit bl-Artikolu 15 TFUE), għalkemm il-Kummissjoni żżomm setgħa ta’ inizjattiva, huma l-Parlament u l-Kunsill li, jekk ikun il-każ wara li jemendaw il-proposta tal-Kummissjoni, jadottaw ir-regolament. Issa, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti amministrattivi biss, inizjalment proposta mill-Kummissjoni, ma tidhirx fil-verżjoni adottata tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

59. Barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti bbażati, f’dan il-kuntest, fuq li n-noti inkwistjoni jikkostitwixxu dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jew dokumenti trażmessi minnha fl-eżerċizzju tal-attività ġudizzjarja tagħha, b’mod li huma esklużi mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, hemm lok li jiġi osservat li dawn l-argumenti huma essenzjalment identiċi għal dawk, eżaminati fil-punti 67 sa 112 iktar ’il quddiem, relatati mal-effett tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u fuq l-esklużjoni tan-noti inkwistjoni, minħabba n-natura partikolari tagħhom, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, hemm lok, f’dan ir-rigward, li jsir riferiment għall-analiżi mwettqa fuq dawn il-punti.

60. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat, bħala ma jsostnu r-rikorrent u r-Renju tal-Isvezja, li l-Kummissjoni twettaq żball ukoll meta ssostni li n-noti inkwistjoni ma ġewx trażmessi lilha fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

61. Fil-fatt, kif dan jirriżulta mill-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, in-noti inkwistjoni kienu ġew trażmessi lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li hija kienet ippreżentat fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 226 KE (li sar l-Artikolu 258 TFUE). Għalhekk, il-Kummissjoni rċeviethom fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

62. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li n-noti inkwistjoni jikkostitwixxu dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049 /2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu. Isegwi li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, dawn in-noti jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

63. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif dan jirriżulta mill-punt 34 iktar ’il fuq, fit-tieni lok għandu jiġi eżaminat jekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE madankollu jipprekludix l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għan-noti inkwistjoni minħabba n-natura partikolari tagħhom.

Fuq l-effett tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001

64. Ir-rikorrent, sostnut mir-Renju tal-Isvezja, essenzjalment isostni li, sa fejn jirriżulta mill-ġurisprudenza li n-noti tal-Kummissjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li jiġu inklużi magħhom ukoll in-noti ta’ Stat Membru trażmessi, mill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. Minbarra dan, minn naħa, ir-rikorrent josserva li din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata la mill-Artikolu 15(3) TFUE, li sempliċement jistabbilixxi standard minimu ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjoni, u lanqas mir-regoli applikabbli għad-dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dawn tal-aħħar ma japplikawx għall-partijiet fil-proċedura. Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll dan ir-regolament kollu hemm hu jkunu mingħajr effett jekk in-noti fil-pussess tal-Kummissjoni ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

65. Ir-Renju tal-Isvezja jżid, minn naħa, li l-fatt li noti ta’ Stat Membru jiġu koperti, fil-Qorti tal-Ġustizzja, mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE huwa irrilevanti fuq il-fatt li, peress li dawn in-noti kienu ġew trażmessi lill-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 1049/2001 japplika, peress li huwa mifhum li jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li n-noti ta’ Stat Membru jaqgħu taħt dan ir-regolament. Dan iżid, min-naħa l-oħra, li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma huwiex imċaħħad minn kwalunkwe effett minħabba l-inklużjoni tan-noti ta’ Stat Membru fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tista’, jekk ikun il-każ, tiġi żgurata minn rifjut ta’ aċċess ibbażat fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

66. Il‑Kummissjoni tirribatti, essenzjalment, li, bid-differenza tan-noti tagħha stess, in-noti ta’ Stat Membru għandhom jiġu kkunsidrati bħala dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jaqgħu taħt l-attività ġudizzjarja tagħha, b’mod li, fid-dawl tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, dawn in-noti huma esklużi mid-dritt ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti u jaqgħu taħt regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji. Kull interpretazzjoni li tikkonsisti li jiġi aċċettat l-aċċess għan-noti ta’ Stat Membru ċċaħħad mis-sens kemm ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) kif ukoll ir-regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji.

67. Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, kemm mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, kif ukoll mill-istruttura tar-Regolament Nru 1049/2001 u mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-materja jirriżulta li l-attività ġudizzjarja inkwantu tali hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 79).

68. Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15 TFUE li, filwaqt li kabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, issostitwixxa l-Artikolu 225 KE li abbażi tiegħu r-Regolament Nru 1049/2001 kien ġie adottat, li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 3 tiegħu, il-Qorti tal‑Ġustizzja ma hijiex suġġetta għall-obbligi ta’ trasparenza ħlief meta teżerċita funzjonijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punti 80 u 81). Isegwi li l-esklużjoni, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, tal-Qorti tal-Ġustizzja min-numru ta’ istituzzjonijiet suġġetti, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, għall‑imsemmija obbligi, hija ġġustifikata preċiżament fir-rigward tan‑natura tal-attività ġudizzjarja li hija għandha teżerċita, skont l‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 82).

69. Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-istruttura tar‑Regolament Nru 1049/2001, li bħala bażi legali għandu l‑Artikolu 255 KE stess. Fil-fatt, l‑Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, li jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jeskludi, permezz ta’ assenza ta’ riferiment għall-Qorti tal‑Ġustizzja, lil din tal-aħħar mill-istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi ta’ trasparenza li huwa jistipula, filwaqt li l‑Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, preċiżament il‑protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 83).

70. Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward tan-noti tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n‑noti ppreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għandhom karatteristiċi partikolari ħafna, peress li, min-natura tagħhom stess, jagħmlu iktar parti mill-attività ġudizzjarja tal-imsemmija qrati milli mill-attività amministrattiva tal‑Kummissjoni, fejn barra minn hekk din l-aħħar attività ma tirrikjedix l-istess portata tal-aċċess għal dokumenti daqs l-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 77).

71. Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, dawn in-noti huma redatti esklużivament għall‑finijiet tal-imsemmija proċedura ġudizzjarja u jikkostitwixxu l-element essenzjali tagħha. Huwa permezz tar-rikors promotur li r‑rikorrent jiddelimita t-tilwima u huwa b’mod partikolari fil-kuntest tal-fażi bil-miktub ta’ din il‑proċedura — peress li l-fażi orali ma hijiex obbligatorja — li l-partijiet jipprovdu lill-qorti tal‑Unjoni l-elementi li fuqhom hija timxi sabiex tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 78).

72. Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li noti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Stat Membru fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra tiegħu mill-Kummissjoni għandhom, bħal fil-każ tan-noti tagħha, karatteristiċi partikolari peress li jagħmlu parti wkoll, min-natura tagħhom stess, mill-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja.

73. Fil-fatt, peress li, fin-noti tiegħu, l-Istat Membru konvenut jista’ b’mod partikolari jinvoka, skont il-ġurisprudenza, il-motivi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura d-difiża tiegħu (sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑414/97, Ġabra, EU:C:1999:417, punt 19, u tal-15 ta’ Frar 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑34/04, Ġabra, EU:C:2007:95, punt 49), hemm lok li jiġi kkunsidrat li, billi jwieġbu għall-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni u li jiddelimitaw is-suġġett tat-tilwima, in-noti tal-Istat Membru konvenut jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi li fuqhom hija mitluba tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha.

74. Fir-raba’ lok, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza dwar l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li n-noti tal-Kummissjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minkejja li dawn jagħmlu parti, hekk kif tfakkar fil-punt 70 iktar ’il fuq, mill-attività ġudizzjarja tal-qrati tal-Unjoni u li din l-aħħar attività ma taqax, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, taħt id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

75. Fil-fatt, l-ewwel nett, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li t-termini “proċedimenti fil-qrati” [proċeduri ġudizzjarji] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni tal-interess pubbliku tipprekludi l-iżvelar tal-kontenut ta’ dokumenti redatti għall-finijiet biss ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra, EU:T:2006:190, punti 88 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il‑Kunsill, T‑63/10, Ġabra, EU:T:2012:516, punt 66). Dawn l-aħħar termini jkopru mhux biss in-noti jew atti ppreżentati, id-dokumenti interni li jikkonċernaw l-istruttorja tal-kawża fis-seħħ, iżda wkoll il-komunikazzjonijiet dwar il-kawża bejn id-Direttorat Ġenerali kkonċernat u s-servizz legali jew uffiċċju tal-avukati (sentenzi Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2006:190, punt 90, u Jurašinović vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2012:516, punt 67).

76. Sussegwentement, abbażi ta’ din id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “proċedimenti fil-qrati” [proċeduri ġudizzjarji], il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li n-noti ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni kienu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fis-sens li kienu jikkonċernaw interess protett (sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2007:258, punt 60).

77. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tan-noti ppreżentati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jippreġudika l‑protezzjoni ta’ din il-proċedura fis-sens tat-tieni inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, meta din il‑proċedura tkun għadha pendenti (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 94).

78. L-inklużjoni, f’dawn is-sentenzi, tan-noti ta’ istituzzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tippreżupponi, bħal ma josservaw ġustament ir-rikorrent u r-Renju tal-Isvezja, li, hekk kif barra minn hekk taqbel ma’ dan il-Kummissjoni, tali noti jaqgħu, minkejja l-karatteristiċi partikolari tagħhom kif deskritti fil-qosor fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma din il-konklużjoni tiġi affettwata mill-esklużjoni, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3), tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

79. Jirriżulta minn dan kollu li, minkejja l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attività ġudizzjarja tal-qrati tal-Unjoni, in-noti ppreżentati quddiemhom minn istituzzjoni ma humiex esklużi, mill-fatt tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

80. Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li n-noti ppreżentati, bħal fil-każ tan-noti inkwistjoni, minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jaqgħux, bħal fil-każ ta’ dawk tal-Kummissjoni, taħt l-esklużjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti stabbilita, fir-rigward tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir—raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE.

81. Fil-fatt, minbarra l-fatt li n-noti redatti mill-Kummissjoni u dawk redatti minn Stat Membru fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja jippreżentaw karatteristiċi partikolari komuni, hekk kif dan jirriżulta mill-punti 72 u 73 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li la r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE u lanqas il-fatt li dawn in-noti joriġinaw minn awturi differenti, u lanqas in-natura ta’ dawn in-noti ma jimponu li ssir distinzjoni, fid-dawl tal-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, bejn in-noti li joriġinaw mill-Kummissjoni u dawk li joriġinaw minn Stat Membru. Isegwi, barra minn hekk, li, kuntrarjament għal dak li tosserva l-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma jistax jiġi interpretat bħala li stabbilixxa, fir-rigward tal-aċċess għan-noti redatti fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja, kwalunkwe regola tal-awtur li timponi li ssir distinzjoni bejn in-noti redatti minn istituzzjoni fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja u dawk prodotti, minn Stat Membru, fil-kuntest tal-fażi kontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

82. Min-naħa l-oħra, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-esklużjoni, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, min-naħa l-oħra, in-noti redatti fid-dawl ta’ tali proċedura, li, minkejja li jagħmlu parti minn din l-attività ġudizzjarja, madankollu ma jaqgħux taħt l-esklużjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni u għall-kuntrarju huma suġġetti għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

83. Għaldaqstant, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma jipprekludix l-inklużjoni tan-noti inkwistjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn, madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament jiġu ssodisfatti u bla ħsara għall-applikazzjoni, skont il-każ, ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u tal-possibbiltà, prevista fil-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni, għall-Istat Membru kkonċernat li jitlob lill-istituzzjoni kkonċernata li ma tiżvelax in-noti tiegħu.

84. Din it-talba ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni.

85. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li hemm lok li ssir distinzjoni bejn in-noti tagħha stess u dawk ta’ Stat Membru. Dawn tal-aħħar, indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu kkunsidrati bħala dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jaqgħu taħt l-attività ġudizzjarja tagħha, b’mod li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, dawn in-noti huma esklużi mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u jaqgħu taħt regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji. Barra minn hekk tali distinzjoni sseħħ ukoll fid-dawl tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, l-ewwel nett, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja limitat ruħha, fis-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), li tagħti deċiżjoni dwar in-noti tal-Kummissjoni mingħajr ma ssemmi dawk ta’ Stat Membru, hija kellha l-intenzjoni li teskludi dawn tal-aħħar mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Sussegwentement, il-kunsiderazzjonijiet mogħtija fil-punt 87 ta’ din is-sentenza rigward l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma jagħmlux sens ħlief jekk in-noti tal-Kummissjoni u dawk ta’ Stat Membru kienu ttrattati b’mod differenti. Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza li tgħid li parti tista’ tippubblika n-noti tagħha stess ma timplikax li istituzzjoni hija obbligata li tagħti aċċess għan-noti ta’ Stat Membru u tkun superfluwa jekk il-Kummissjoni kienet obbligata li tiżvela wkoll in-noti ta’ Stat Membru.

86. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-argument tal-Kummissjoni, ma hemmx lok li ssir distinzjoni, fid-dawl tal-effett tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3), fuq id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, bejn in-noti ta’ din l-istituzzjoni u dawk ta’ Stat Membru, hekk kif dan jirriżulta essenzjalment mill-punt 81 iktar ’il fuq. Issa, ma jirriżulta bl-ebda mod mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq li n-noti tal-Kummissjoni għandhom, sa fejn jagħmlu parti mill-attività ġudizzjarja tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, jiġu kkunsidrati bħala dokumenti tagħha u għalhekk jiġu attribwiti lilha. Bil-kontra, hekk kif barra minn hekk tammetti l-Kummissjoni, in-noti tagħha stess jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

87. Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad ukoll li, hekk kif il-Kummissjoni spjegat waqt is-seduta bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-raġunament tagħha huwa bbażat fuq il-premessa li kemm in-noti tagħha stess kif ukoll dawk ta’ Stat Membru jsiru, mill-fatt tat-trażmissjoni tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, dokumenti tagħha stess, filwaqt li huwa ppreċiżat li, skont il-Kummissjoni, in-noti tagħha stess jibqgħu parallelament dokumenti ta’ din l-istituzzjoni u għalhekk huma ta’ natura doppja. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għalhekk tammetti hija stess li din il-klassifikazzjoni, jekk tiġi preżupposta korretta, tan-noti tagħha stess bħala dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma tipprekludi l-inklużjoni ta’ dawn in-noti fil-kamp tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

88. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-distinzjoni applikata mill-Kummissjoni bejn in-noti tagħha stess u dawk ta’ Stat Membru hija, fir-realtà, inqas fondata fuq l-allegat status tagħhom bħala dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja milli fuq id-differenza fir-rigward tal-awturi rispettivi tagħhom. Issa, skont dan l-aħħar titolu, huwa biżżejjed li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 81 iktar ’il fuq, din id-differenza ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika differenza fit-trattament bejn in-noti redatti mill-Kummissjoni u dawk li joriġinaw minn Stat Membru.

89. It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ebda distinzjoni bejn in-noti tagħha stess u dawk ta’ Stat Membru ma tirriżulta mill-ġurisprudenza li hija tiċċita f’dan ir-rigward.

90. Fil-fatt, l-ewwel nett, hekk kif barra minn hekk tosserva l-Kummissjoni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tressqitx il-kwistjoni, fil-kawża li tat lok għas-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), tal-aċċess għan-noti ta’ Stat Membru miżmuma mill-Kummissjoni. Għalhekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet limitat ruħha sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża li kienet tressqet quddiemha, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li l-aċċess għal dokumenti huwa limitat unikament għan-noti redatti minn istituzzjoni tal-Unjoni, bl-esklużjoni tan-noti ta’ Stat Membru.

91. Sussegwentement, għal din l-istess raġuni, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni dwar il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, peress li, billi affermat, fil-punt 87 tas-sentenza tagħha L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), li “hija biss l‑istituzzjoni kkonċernata minn talba ta’ aċċess għad-dokumenti tagħha, u mhux il-partijiet kollha fil-proċedura, li hija suġġetta għall-obbligu ta’ żvelar”, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni ġiet mitluba talba għal aċċess għan-noti ta’ Stat Membru. Fil-fatt, jirriżulta mill-motivi li jagħmel parti minnhom il-punt 87 tas-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), b’mod partikolari mill-qari tiegħu flimkien mal-punt 91 tal-istess sentenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement indikat li, sa fejn l-istituzzjoni kkonċernata biss kienet, bid-differenza tal-partijiet l-oħra għal proċedura ġudizzjarja, suġġetta għal obbligu ta’ trasparenza skont ir-regoli li joħorġu mir-Regolament Nru 1049/2001, l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet setgħu jiġu affettwati jekk l-istituzzjoni kellha obbligu li tagħti aċċess għas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha stess relatati ma’ proċedura ġudizzjarja pendenti.

92. Minbarra dan, minn naħa, din il-kunsiderazzjoni, li tinsab fil-punt 87 tas-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), kienet ingħatat f’kuntest differenti minn dak ta’ din il-kawża. Fil-fatt, hija tagħmel parti mill-eżami tal-portata tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, hekk kif tirriżulta mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fir-rigward ta’ talba għal aċċess għan-noti tal-Kummissjoni relatati ma’ proċeduri ġudizzjarji pendenti. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 86 tal-istess sentenza, li, għalkemm il-kontenut tan-noti tal-Kummissjoni kellu jkun is-suġġett ta’ trattazzjonijiet pubbliċi, il-kritika magħmula kontra tagħhom, lil hinn mill-portata ġuridika reali tagħhom, kienet toħloq riskju li tiġi influwenzata l-pożizzjoni difiża mill-istituzzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni, qabel ma tosserva, fil-punt 87 tas-sentenza tagħha, li tali sitwazzjoni setgħet toħloq distorsjoni fl-ekwilibriju tal-partijiet sa fejn hija unikament l-istituzzjoni li għandha l-obbligu li tiżvela n-noti tagħha f’każ ta’ aċċess għal dokumenti. Min-naħa l-oħra, din il-kawża tirrigwarda talba ta’ aċċess għal noti relatata ma’ proċedura magħluqa, b’mod li l-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, hekk kif esposti fil-punti 86 u 87 tas-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), ma humiex rilevanti f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz tal-argument tagħha dwar il-punt 87 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni ssostni li kull parti fi proċedura ġudizzjarja tista’ tinfired liberament min-noti tagħha stess, hemm lok li jsir riferiment għall-eżami ta’ dan l-argument fil-punti 93 sa 97 iktar ’il fuq.

93. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq is-setgħa tal-Istat Membru li jinfired min-noti tiegħu redatti fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja, hemm lok li jitfakkar, ċertament, li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-ebda regola jew dispożizzjoni ma tawtorizza jew tipprekludi lill-partijiet f’kawża li jiżvelaw in-noti tagħhom stess lil terzi u li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreġudika l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-prinċipju huwa li l-partijiet għandhom il-libertà li jiżvelaw in-noti tagħhom stess (digriet tat-3 ta’ April 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑376/98, Ġabra, EU:C:2000:181, punt 10, u s-sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2007:258, punt 88).

94. Madankollu, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 93 iktar ’il fuq ma tipprekludix l-inklużjoni tan-noti inkwistjoni fil-kamp tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, għaldaqstant, f’dak tar-Regolament Nru 1049/2001.

95. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 93 iktar ’il fuq, la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti Ġenerali ma eżaminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Huma lanqas ma taw deċiżjoni dwar l-eżistenza u, skont il-każ, il-portata tas-setgħa ta’ parti li topponi l-iżvelar tan-noti tagħha minn parti oħra fil-proċedura.

96. Barra minn hekk u f’kull ipoteżi, hemm lok li jiġi rrilevat li din il-kawża tikkonċerna talba għal aċċess għal noti relatati ma’ proċedura ġudizzjarja li kienet magħluqa fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ din it-talba. Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet iċċitati fil-punt 93 iktar ’il fuq kienu saru fid-dawl tal-iżvelar ta’ sottomissjonijiet bil-miktub relatati ma’ proċeduri ġudizzjarji pendenti. Issa, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-portata tas-setgħa ta’ kull parti li tinfired liberament min-noti tagħha stess, sa fejn tippermetti lill-parti kkonċernata li topponi f’kull forma l-iżvelar tal-kontenut tan-noti tagħha stess, għandu jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, tali setgħa jkollha limiti, ladarba l-proċedura ġudizzjarja tkun magħluqa. Fil-fatt, wara l-għeluq tal-proċedura ġudizzjarja, l-argumenti li jinsabu f’dawn in-noti huma diġà fil-qasam pubbliku, tal-inqas taħt il-forma ta’ sunt, peress li l-kontenut tagħhom kien ġie eventwalment ittrattat matul seduta pubblika u, skont il-każ, ukoll ġie inkluż fis-sentenza li tagħlaq l-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2007:258, punt 106). Minbarra dan, il-kontenut tan-noti ta’ Stat Membru jista’ jiġi rifless fin-noti redatti minn istituzzjoni tal-Unjoni fid-dawl tal-istess proċedura, anki taħt il-forma ta’ sunt jew permezz tal-argumenti mqajma bħala tweġiba mill-istituzzjoni. Għalhekk, l-iżvelar eventwali, minn din tal-aħħar, tan-noti tagħha stess jagħti jekk ikun il-każ ċertu aċċess għall-kontenut tan-noti tal-Istat Membru kkonċernat.

97. Min-naħa l-oħra, fir-rigward, f’dan il-każ, ta’ noti redatti minn Stat Membru, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tiegħu. Skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni tagħti għaldaqstant lill-Istat Membru l-possibbiltà li jipparteċipa fid-deċiżjoni li l-istituzzjoni għandha tadotta u tistabbilixxi, għal dan il-għan, proċess deċiżjonali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjonijiet materjali elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) jipprekludux li jingħata aċċess għad-dokument ikkunsidrat (sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, Ġabra, EU:T:2012:75, punt 31; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2007:802, punti 76, 81, 83 u 93). Għalkemm huwa veru li din id-dispożizzjoni ma tagħtix lill-Istat Membru kkonċernat dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat sabiex jopponi diskrezzjonalment l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu u li huma miżmuma minn istituzzjoni (sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2007:802, punt 75), xorta jibqa’ l-fatt li din tippermettilu li jagħmel parti mid-deċiżjoni li jingħata l-aċċess għad-dokument ikkunsidrat, inkluż meta dawn huma noti redatti fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja.

98. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li kemm ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE kif ukoll ir-regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji jkunu mingħajr sens u jiġu evitati jekk l-aċċess għan-noti redatti minn Stat Membru fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja kellu jiġi ammess. Fil-fatt, ikun għalhekk possibbli li l-Kummissjoni tiġi sistematikament mitluba l-aċċess għall-kopji tad-dokumenti kollha trażmessi lilha fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura ġudizzjarja, minkejja li l-qorti ma tkunx tista’ tagħti l-aċċess għalihom. Barra minn hekk, minbarra l-evażjoni ta’ regoli speċifiċi, l-eżistenza stess ta’ dritt ta’ aċċess għan-noti ta’ partijiet oħra tiddependi, f’kull każ, mill-parteċipazzjoni jew le tal-Kummissjoni fi proċedura ġudizzjarja, li jmur kontra s-sistema li tiggwida dawn id-dispożizzjonijiet.

99. L-ewwel nett, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-evażjoni ta’ regoli speċifiċi dwar l-aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw il-proċeduri ġudizzjarji għandu jiġi miċħud.

100. F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jitfakkar li, ċertament, fir-rigward tan-noti tal-Kummissjoni, kien ġie deċiż li, sakemm il-proċedura ġudizzjarja kienet pendenti, l-żvelar ta’ dawn in-noti jikser il-karatteristiċi ta’ din il‑kategorija ta’ dokumenti u jwassal sabiex parti sostanzjali tal‑proċedura ġudizzjarja tkun suġġetta għall-prinċipju ta’ trasparenza, li jkollu bħala konsegwenza li l-esklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minn fost l‑istituzzjonijiet li għalihom japplika l-prinċipju ta’ trasparenza, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, titlef parti kbira mill-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 95). Ġie deċiż ukoll li la l-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni ma jipprovdu dritt ta’ aċċess lil terzi għan-noti ppreżentati quddiem il-qorti fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji (sentenza L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 99).

101. Madankollu, minn l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq ma humiex ta’ natura li jagħmlu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 inapplikabbli għal talba ta’ aċċess għan-noti relatati ma’ proċedura ġudizzjarja.

102. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, hekk kif previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punti 94, 95, 99, 100 u 102), li jimplika neċessarjament li dawn bl-ebda mod ma jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-punti 72, 73 u 81 iktar ’il fuq, dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fil-kuntest ta’ talba għal aċċess għan-noti ta’ Stat Membru.

103. Minn naħa, għandu jitfakkar li, anki jekk ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li huwa l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt huwa madankollu suġġett, fid-dawl tas-sistema ta’ eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, Ġabra, EU:C:2012:393, punt 111, u Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, Ġabra, EU:C:2012:394, punt 53). Minbarra dan, jirriżulta kemm mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE kif ukoll mir-Regolament Nru 1049/2001 li l-limitazzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza fir-rigward tal-attività ġudizzjarja jsegwu l-istess skop, jiġifieri dak li jiġi ggarantit li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet jiġi eżerċitat mingħajr ma jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 84).

104. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tista’, skont il-każ, tiġi żgurata bl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li huwa ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza, fir-regoli speċifiċi relatati mal-qrati tal-Unjoni, ta’ dritt ta’ aċċess ta’ terzi għan-noti ppreżentati quddiem dawn il-qrati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 100).

105. Għalhekk, l-inklużjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, tar-regoli inkwistjoni ma għandhiex bħala effett li tippreġudika l-għan tar-regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-proċeduri ġudizzjarji.

106. Din il-konklużjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fl-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta li jikkonċerna l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 1993, L 340, p. 41), li ma jistax jiġi dedott mid-dritt ta’ kull persuna għal smigħ ġust minn qorti indipendenti li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża hija neċessarjament l-unika li tista’ tagħti l-aċċess għall-atti proċedurali ġudizzjarji inkwistjoni, u dan tant li r-riskji ta’ ksur għall-indipendenza tal-qorti huma biżżejjed meħuda inkunsiderazzjoni minn dan il-kodiċi u mill-proċedura ġudizzjarja fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-atti tal-Kummissjoni li jagħtu l-aċċess għad-dokumenti li hija żżomm (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Il‑Pajjiżi l-Baxxi u van ver Wal vs Il‑Kummissjoni, C‑174/98 P u C‑189/98 P, Ġabra, EU:C:2000:1, punti 17 u 19). Għalhekk ma jistax jiġi ammess, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari previsti għal dan il-għan, li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 jista’ jiġi ristrett minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni ma jirregolawx l-aċċess ta’ terzi għal dokumenti (sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2007:258, punt 89; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il‑Kummissjoni, T‑92/98, Ġabra, EU:T:1999:308, punti 37, 44 u 46).

107. Sussegwentement, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li din l-inklużjoni għandha bħala effett li tawtorizza talbet ta’ aċċess għad-dokumenti kollha mibgħuta lill-Kummissjoni mill-qrati tal-Unjoni, inkluż, minbarra n-noti kollha tal-partijiet kollha, il-proċessi verbali ta’ seduti, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konklużjoni, fil-punt 83 iktar ’il fuq, li n-noti ta’ Stat Membru, trażmessi lil istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, ma humiex mid-definizzjoni tagħhom esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, bl-ebda mod ma tippreġudika l-kwistjoni, differenti, dwar jekk atti stabbiliti mill-qorti stess u trażmessi lil istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja humiex ukoll koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Issa, peress li s-suġġett ta’ din it-tilwima huwa limitat għall-evalwazzjoni, fir-rigward tal-motiv uniku mqajjem mir-rikorrent, tal-legalità tar-rifjut, mill-Kummissjoni, li tagħtih l-aċċess għan-noti inkwistjoni, ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni, f’dan il-każ, fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament Nru 1049/2001 japplikax ukoll għal dokumenti oħra trażmessi lil istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, bħal, b’mod partikolari, il-proċessi verbali ta’ seduti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1962, Meroni vs L‑Awtorità Għolja, 46/59 u 47/59, Ġabra, EU:C:1962:44, p. 801, u tat-28 ta’ Ġunju 1972, Jamet vs Il‑Kummissjoni, 37/71, Ġabra, EU:C:1972:57, punt 12).

108. Minbarra dan, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-inklużjoni tan-noti ta’ partijiet oħra fil-proċedura ġudizzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha bħala effett li tiftaħ l-aċċess għad-dokumenti kollha tal-partijiet kollha fil-proċeduri u li tagħmel l-eżistenza stess ta’ tali dritt ta’ aċċess tiddependi fuq il-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari previsti għal dan il-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jiġi ristrett minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni ma jirregolawx id-dritt ta’ aċċess ta’ terzi għal dokumenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 107 iktar ’il fuq, tal-kwistjoni, differenti minn dik imqajma f’din il-kawża, tal-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ta’ kull nota redatta minn kull parti fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li eventwali aċċess għal tali noti f’każ ta’ talba mressqa quddiem istituzzjoni jkun minħabba l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni ma jistax ikun ta’ natura li jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, din id-dipendenza hija biss il-konsegwenza tal-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw, quddiem il-qrati tal-Unjoni, l-aċċess ta’ terzi għan-noti redatti fid-dawl ta’ proċeduri ġudizzjarji.

109. Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ssostni li t-talbiet għal aċċess għan-noti ta’ Stat Membru għandhom jiġu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Istat Membru awtur ta’ dawn in-noti, minn naħa, hemm lok li jitfakkar, fir-rigward ta’ eventwali obbligu li lill-Qorti tal-Ġustizzja tiġi indirizzata talba ta’ aċċess għan-noti inkwistjoni, li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott mid-dritt ta’ kull persuna li jkollha smigħ ġust minn qorti indipendenti li l-qorti li quddiemha titressaq kawża hija neċessarjament l-unika li tista’ tagħti l-aċċess għall-atti proċedurali ġudizzjarji inkwistjoni. Issa, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, talba ta’ aċċess għal dokumenti tista’ tiġi indirizzata lill-Kummissjoni għal dokumenti li hija żżomm sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu ssodisfatti.

110. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ eventwali obbligu li tiġi ppreżentata talba lill-Istat Membru awtur tan-noti inkwistjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li, billi adotta r-Regolament Nru 1049/2001, il-leġiżlatur tal-Unjoni abolixxa r-regola tal-awtur li skont din, meta dokument miżmum minn istituzzjoni kellu lil terz bħala awtur, it-talba ta’ aċċess għal dokument kellha tiġi indirizzata direttament lill-awtur ta’ dan id-dokument (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2007:802, punt 56, u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2012:75, punt 28), ħaġa li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni.

111. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tosserva waqt is-seduta, tali obbligu li tiġi ppreżentata talba ta’ aċċess lill-Istat Membru awtur tan-noti inkwistjoni lanqas ma jista’ jirriżulta mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, li ma jistax, hekk kif dan jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 81 iktar ’il fuq, jiġi interpretat bħala li introduċa mill-ġdid, fir-rigward tal-aċċess għan-noti redatti fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja, ir-regola tal-awtur. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din id-dispożizzjoni ma fiha ebda regola espliċita f’dan is-sens, jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 81 iktar ’il fuq li la din id-dispożizzjoni u lanqas in-natura tan-noti inkwistjoni ma jimponu li ssir distinzjoni, fid-dawl tal-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, bejn in-noti li joriġinaw mingħand il-Kummissjoni u dawk li joriġinaw minn Stat Membru.

112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tosserva l-Kummissjoni u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrent f’dan ir-rigward, in-noti inkwistjoni ma jikkostitwixxux dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma, f’dan ir-rigward, esklużi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, għaldaqstant, minn dak tar-Regolament Nru 1049/2001.

113. Fid-dawl tal-kunsiderazzjoniet kollha li jippreċedu u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-konklużjonijiet ibbażati fuq il-punti 48 u 83 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li, meta kkunsidrat, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, li n-noti inkwistjoni ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament.

114. Għalhekk, hemm lok li l-motiv uniku jiġi milqugħ u, għaldaqstant, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, sa fejn irrifjutat lir-rikorrent l-aċċess għan-noti inkwistjoni.

Fuq l-ispejjeż

115. Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent u mill-Kummissjoni, l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li għal raġunijiet eċċezzjonali taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Minbarra dan, skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

116. F’dan il-każ, hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat iktar ’il fuq, għalkemm ir-rikors ma għadx għandu skop sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012, dan kien intlaqa’ sa fejn huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012.

117. Madankollu, il-Kummissjoni talbet, waqt is-seduta, li, f’każ ta’ annullament parzjali tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, ir-rikorrent jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess għal raġunijiet eċċezzjonali. Din it-talba hija mmotivata mill-pubblikazzjoni fis-sit tal-internet tar-rikorrent tar-risposta, tar-replika u tan-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Isvezja, kif ukoll ta’ skambju ta’ ittri li seħħ bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent fir-rigward ta’ din il-pubblikazzjoni. Skont il-Kummissjoni, meta ppubblika dawn id-dokumenti relatati ma’ proċedura ġudizzjarja pendenti, ir-rikorrent kiser il-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

118. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont regoli li jirregolaw it-trattament tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet igawdu minn protezzjoni kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, T‑174/95, Ġabra, EU:T:1998:127, punt 135). Għalhekk, skont l-Artikolu 5(8) tal-istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, ebda terza persuna, privata jew pubblika, ma jista’ jkollha aċċess għall-proċess tal-kawża jew għall-atti proċedurali mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-President tal-Qorti Ġenerali jew, fil-każ ta’ kawża li għadha pendenti, tal-President tal-Kulleġġ ġudikanti li quddiemu tkun tressqet il-kawża, wara li jinstemgħu l-partijiet, filwaqt li huwa ppreċiżat li din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss fuq talba bil-miktub flimkien ma’ ġustifikazzjoni ddettaljata tal-interess leġittimu għall-konsultazzjoni tal-proċess.

119. Din id-dispożizzjoni tirrifletti prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li skont dan il-partijiet għandhom id-dritt li jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna, b’mod partikolari min-naħa tal-pubbliku (sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, punt 118 iktar ’il fuq, EU:T:1998:127, punt 136). Isegwi li parti li tingħata l-aċċess għall-atti proċedurali ta’ partijiet oħra tista’ tuża dan id-dritt unikament għall-finijiet tad-difiża tal-kawża tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kull għan ieħor, bħal dak li tqanqal kritika mill-pubbliku dwar l-argumenti mqajma mill-partijiet l-oħra fil-kawża (sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, punt 118 iktar ’il fuq, EU:T:1998:127, punt 137).

120. Skont il-ġurisprudenza, azzjoni li tmur kontra dan il-prinċipju tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt li tiegħu jista’ jittieħed kunsiderazzjoni fit-tqassim tal-ispejjeż fid-dawl ta’ raġunijiet eċċezzjonali, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, punt 118 iktar ’il fuq, EU:T:1998:127, punti 139 u 140).

121. F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrent ippubblika kemm ċerti sottomissjonijiet bil-miktub relatati ma’ din il-kawża, fosthom, b’mod partikolari, minbarra r-replika tiegħu, ir-risposta tal-Kummissjoni kif ukoll skambju ta’ ittri li seħħ bejn il-partijiet fir-rigward ta’ din il-pubblikazzjoni, jiġifieri ittra tal-Kummissjoni li talbitu li jirtira ż-żewġ noti msemmija iktar ’il fuq mis-sit tal-internet tiegħu u t-tweġiba tiegħu għal din l-ittra. Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ippubblika wkoll in-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Isvezja, ħaġa li r-rikorrent ma kkontestax.

122. Huwa paċifiku wkoll li dawn il-pubblikazzjonijiet kienu jinkludu xi kummenti min-naħa tar-rikorrent. Għalh ekk, il-pubblikazzjoni tar-risposta u tar-replika huma miżjuda ma’ nota qasira li tindika li l-Kummissjoni tibqa’ dejjem tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent l-aċċess għan-noti inkwistjoni. Ir-rikorrent kien, fir-replika tiegħu, “fela” l-argument tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Il-pubblikazzjoni tal-iskambju ta’ ittri li hemm riferiment għalih fil-punt 121 iktar ’il fuq tagħmel parti min-nota tar-rikorrent, intitolata “Il‑Kummissjoni tixtieq tipprojbixxi l-pubblikazzjoni fis-sit tal-internet tan-noti li jikkonċernaw il-konservazzjoni ta’ data”. Jista’ b’mod partikolari jinqara f’din in-nota, redatta f’lingwaġġ relattivament kritiku, li r-rifjut, mill-Kummissjoni, li tagħti lir-rikorrent l-aċċess għan-noti inkwstjoni hija f’“kontradizzjoni manifesta” mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġusizzja u li l-Kummissjoni topponi l-pubblikazzjoni tat-“tentattivi futili tagħha li jitħares is-sigriet”. Iż-żewġ noti jinkludu possibbiltà għall-utenti tal-internet li jippubblikaw kummenti, ħaġa li tat lok, fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tat-tieni nota msemmija iktar ’il fuq, għal xi kummenti kritiċi ħafna fir-rigward tal-Kummissjoni.

123. Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-pubblikazzjoni fin-netwerk tal-internet, mir-rikorrent, tar-risposta tal-Kummissjoni kif ukoll tal-iskambju ta’ ittri fir-rigward ta’ din il-pubblikazzjoni tikkostitwixxi użu mhux xieraq, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 118 iktar ’il fuq, tal-atti proċedurali trażmessi lir-rikorrent fil-kuntest ta’ din l-istanza.

124. Fil-fatt, meta pproċeda għal din il-pubblikazzjoni, ir-rikorrent uża d-dritt ta’ aċċess tiegħu għas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni relatati ma’ din l-istanza għal għanijiet differenti minn dak tad-difiża tal-kawża tiegħu biss fil-kuntest ta’ din l-istanza u għalhekk kiser id-dritt tal-Kummissjoni li tiddefendi l-pożizzjoni tagħha indipendentement minn kull influwenza esterna. Din l-aħħar kunsiderazzjoni hija rrikonoxxuta għaldaqstant iktar peress li, hekk kif dan jirriżulta mill-punt 122 iktar ’il fuq, din il-pubblikazzjoni tinkludi possibbiltà għall-utenti tal-internet li jippubblikaw kummenti u tat lok għal xi kummenti kritiċi fir-rigward tal-Kummissjoni.

125. Minbarra dan, wara l-ittra tal-Kummissjoni li talbet l-irtirar tan-noti mis-sit tal-internet tar-rikorrent, dan tal-aħħar żamm dawn id-dokumenti fis-sit tal-internet tiegħu.

126. Għaldaqstant, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-pubblikazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni fis-sit tal-internet, li tmur kontra l-prinċipji mfakkra fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt li tiegħu jista’ jittieħed kunsiderazzjoni fit-tqassim tal-ispejjeż fid-dawl ta’ raġunijiet eċċezzjonali, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

127. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs dawk sostnuti mir-rikorrent.

128. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura l-Istati Membri intervenjenti fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-3 ta’ April 2012 li tirrifjuta li tagħti lil Patrick Breyer l-aċċess sħiħ għad-dokumenti relatati mat-traspożizzjoni mir-Repubblika tal-Awstrija tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE, u għad-dokumenti relatati mal-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑189/09), hija annullata sa fejn tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għan-noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ din il-kawża.

2) Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Marzu 2012, li tiċħad talba mressqa minn P. Breyer intiża sabiex jikseb l-aċċess għall-parir legali tagħha relatat mad-Direttiva 2006/24.

3) Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż sostnuti minn P. Breyer.

4) Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

27 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Rifjut ta’ aċċess”

Fil-Kawża T‑188/12,

Patrick Breyer, residenti fi Wald-Michelbach (il-Ġermanja), irrappreżentat minn M. Starostik, avukat,

rikorrent,

sostnut minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski u S. Hartikainen, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, inizjalment irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, C. Stege, S. Johannesson, U. Persson, K. Ahlstrand-Oxhamre u H. Karlsson, sussegwentement minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson, L. Swedenborg, N. Otte Widgren, E. Karlsson u F. Sjövall, bħala aġenti,

intervenjent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn P. Costa de Oliveira u H. Krämer, sussegwentement minn H. Krämer u M. Konstantinidis, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn A. Krämer u R. Van der Hout, sussegwentement minn R. Van der Hout, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2012 li tiċħad talba mressqa mir-rikorrent intiża sabiex jikseb l-aċċess għall-parir legali tagħha relatat mad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54), u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ April 2012 li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent l-aċċess sħiħ għad-dokumenti relatati mat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 mir-Repubblika tal-Awstrija u għad-dokumenti relatati mal-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑189/09, EU C:2010:455), sa fejn, fir-rigward ta’ din l-aħħar deċiżjoni, l-aċċess għan-noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ din il-kawża kien ġie rrifjutat.

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni u L. Madise (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

Skont l-ewwel u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 15(3) TFUE:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom, suġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond dan il-paragrafu.

[…]

Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandhom ikunu suġġetti għal dan il-paragrafu biss meta jeżerċitaw il-kompiti amministrattivi tagħhom.”

2

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) għandu bħala għan li jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea previst fl-Artikolu 15 TFUE.

3

Taħt it-titolu “Benefiċjarji u skop”, l-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3.   Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

4

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1049/2001 jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “dokument” u ta’ “parti terza” kif ġej:

“a)

‘dokument’ tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni;

b)

‘parti terza’ tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi.”

5

Taħt it-titolu “Eċċezzjonijiet”, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi partikolarment, fil-paragrafi 2 u 5 tiegħu:

“2.   L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

[…]

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

5.   Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

6

B’ittra tat-30 ta’ Marzu 2001, ir-rikorrent, P. Breyer, ressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea talba ta’ aċċess għal dokumenti, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001.

7

Id-dokumenti mitluba kienu jikkonċernaw proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija, fl-2007, mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u kontra r-Repubblika tal-Awstrija, fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54). Iktar preċiżament, ir-rikorrent talab l-aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-proċeduri amministrattivi mmexxija mill-Kummissjoni kif ukoll fir-rigward tad-dokumenti kollha relatati mal-proċedura ġudizzjarja li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑189/09, EU:C:2010:455).

8

Fil-11 ta’ Lulju 2011, il‑Kummissjoni ċaħdet it-talba mressqa mir-rikorrent fit-30 ta’ Marzu 2011.

9

Fit-13 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrent, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ressaq talba konfermatorja.

10

B’deċiżjonijiet tal-5 ta’ Ottubru u tat-12 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu miftuħa kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tat lir-rikorrent l-aċċess għal parti mid-dokumenti mitluba. F’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni minbarra dan infurmat lir-rikorrent bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni differenti fir-rigward ta’ dokumenti relatati mal-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2010:455).

11

B’ittra tal-4 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrent talab lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal opinjoni, referenza Ares (2010) 828204, tas-servizz legali tal-Kummissjoni u li tirrigwarda eventwali emenda tad-Direttiva 2006/24 fis-sens ta’ talba diskrezzjonali mill-Istati Membri (iktar ’il quddiem it-“talba tal-4 ta’ Jannar 2012”).

12

Fis-17 ta’ Frar 2012, il‑Kummissjoni ċaħdet it-talba tal-4 ta’ Jannar 2012.

13

Fl-istess jum, ir-rikorrent, permezz ta’ messaġġ elettroniku, ippreżenta talba konfermatorja, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

14

Bħala tweġiba għal din it-talba konfermatorja, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni, referenza Ares (2012) 313186, tas-16 ta’ Marzu 2012, li permezz tagħha kkonfermat ir-rifjut ta’ aċċess għall-parir legali tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012”). Dan ir-rifjut kien ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet, li jinsabu fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar, l-ewwel nett, il-protezzjoni tal-pariri legali u, it-tieni, il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali.

15

Fit-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni, bħala tweġiba għat-talba konfermatorja tar-rikorrent tat-13 ta’ Lulju 2011, adottat id-deċiżjoni referenza Ares (2012) 399467 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-aċċess tar-rikorrent, minn naħa, għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv relatat mal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, mibdija kontra r-Repubblika tal-Awstrija u, min-naħa l-oħra, għad-dokumenti relatati mal-proċedura ġudizzjarja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2010:455). Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni, b’mod partikolari rrifjutat l-aċċess għan-noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja (iktar ’il quddiem in-“noti inkwistjoni”), minħabba li dawn in-noti ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-ewwel nett, skont il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kwalità tagħha bħala istituzzjoni ma hijiex suġġetta għar-regoli relatati mal-aċċess għal dokumenti ħlief fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha. It-tieni nett, il-Kummissjoni tippreċiża li n-noti inkwistjoni kienu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Kummissjoni, bħala parti fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2010:455), irċeviet biss kopji. It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 20 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-komunikazzjoni ta’ sottomissjonijiet bil-miktub relatati ma’ proċedura ġudizzjarja unikament lill-partijiet f’din il-proċedura u lill-istituzzjonijiet li d-deċiżjonijiet tagħhom huma inkwistjoni. Ir-raba’ nett, skont il-Kummissjoni, fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra, EU:C:2010:541), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx il-kwistjoni jekk l-istituzzjonijiet kellhomx jagħtu l-aċċess għan-noti ta’ parti oħra f’proċedura ġudizzjarja. Għalhekk, fir-rigward tan-noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, huma biss in-noti tal-istituzzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ippreżentati minn partijiet oħra, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li huwa ppreċiżat li, jekk interpretazzjoni differenti kellha tiġi aċċettata, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 TFUE u tar-regoli speċifiċi li jirriżultaw mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu evitati.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-30 ta’ April 2012, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

17

B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali bil-fatt li huwa sar jaf, fit-30 ta’ April 2012, b’ittra tal-Kummissjoni li kienet ġiet trażmessa lilu permezz ta’ messaġġ elettroniku u li kienet relatata mal-parir legali li kien hemm riferiment għalih fit-talba tiegħu tal-4 ta’ Jannar 2012.

18

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 u fis-17 ta’ Awwissu 2012, ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrent. B’digriet tat-28 ta’ Settembru 2012, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi. Ir-Renju tal-Isvezja ppreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fit-terminu stabbilit. Ir-Repubblika tal-Finlandja ma ppreżentatx nota ta’ intervent. Il‑Kummissjoni ressqet l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Isvezja fit-terminu stabbilit.

19

Wara s-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid. Dan ġie sussegwentement assenjat lit-Tieni Awla, li lilha din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata.

20

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

21

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-5 ta’ Settembru 2014.

22

Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012;

tannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, sa fejn l-aċċess għan-noti inkwistjoni kien ġie rrifjutat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23

Fl-ittra tiegħu tat-3 ta’ Mejju 2012 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), ir-rikorrent talab lill-Qorti Ġenerali tiddikjara t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012 bħala mingħajr skop.

24

Il‑Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012 bħala mingħajr skop;

tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012 bħala mhux fondata;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

25

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni talbet, sussidjarjament li, f’każ ta’ annullament parzjali tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, ir-rikorrent jiġi kkundannat, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jbati l-ispejjeż tiegħu stess minħabba raġunijiet eċċezzjonali, ħaġa li ttieħdet konjizzjoni tagħha fil-proċess verbal tas-seduta. Dawn ir-raġunijiet eċċezzjonali huma kkostitwiti mill-pubblikazzjoni fin-netwerk tal-internet ta’ ċerti sottomissjonijiet bil-miktub relatati ma’ din il-kawża u ta’ skambju ta’ ittri li seħħ f’dan ir-rigward bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent.

26

Ir-Renju tal-Isvezja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, sa fejn l-aċċess għan-noti inkwistjoni kien ġie rrifjutat.

Id-dritt

Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta ’ Marzu 2012

27

Hekk kif ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett tat-tilwima, hekk kif ġie stabbilit mir-rikors promotur, irid jissussisti, bl-istess mod bħall-interess ġuridiku, sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, ikun ta’ vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentat tali rikors (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il‑Kummissjoni, T‑29/08, Ġabra, EU:T:2011:448, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Jirriżulta minn dokumenti li jinsabu fil-proċess li r-rikorrent irċieva, fit-30 ta’ April 2012, kopja tal-parir legali tal-Kummissjoni li l-aċċess għalih kien ġie rrifjutat lilu permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, hekk kif jaqblu dwaru r-rikorrent u l-Kummissjoni, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012 tilfet l-iskop tagħha u li, għaldaqstant, ma għadx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LPN vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, EU:T:2011:448, punt 57).

Fuq it-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tat-3 ta ’ April 2012

30

Insostenn tat-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, ir-rikorrent, sostnut mir-Renju tal-Isvezja, iqajjem motiv uniku bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jikkontesta l-konklużjoni, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, li n-noti inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

31

Il‑Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-motiv uniku minħabba li, essenzjalment, in-noti redatti minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja huma esklużi mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Fil-fatt, minn naħa, tali noti għandhom jiġu kkunsidrati bħala dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, huma esklużi mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, filwaqt li huwa ppreċiżat li r-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi interpretat skont din id-dispożizzjoni ta’ dritt primarju. Min-naħa l-oħra, dawn ma jikkostitwixxux dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament.

32

L-ewwel nett, hemm lok li jiġi osservat li huwa paċifiku li, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni rrifjutat lir-rikorrent l-aċċess għan-noti inkwistjoni minħabba li dawn in-noti ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

33

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta kemm mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet kif ukoll mit-trattazzjoni waqt is-seduta li l-partijiet essenzjalment ma jaqblux, fir-rigward tal-kwistjoni jekk in-noti inkwistjoni jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Iktar preċiżament, minn naħa, l-opinjoni tagħhom tvarja f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tan-noti inkwistjoni bħala dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) ta’ dan l-istess regolament. Min-naħa l-oħra, huma ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni jekk in-noti inkwistjoni humiex, min-natura tagħhom stess, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-motiv uniku, hemm lok li jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, jekk in-noti inkwistjoni jikkostitwixxux dokumenti li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif iddefinit fl-Artikolu 2(3) tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tiegħu, qabel ma jiġi eżaminat, skont il-każ, fit-tieni lok, jekk, minkejja li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif stabbiliti fid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, jiġu ssodisfatti, in-natura stess ta’ dawn in-noti, redatti fid-dawl tal-fażi kontenzjuża ta’ proċedura li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, madankollu tipprekludi, minħabba r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għal talba ta’ aċċess għal dawn in-noti.

Fuq il-klassifikazzjoni tan-noti inkwistjoni bħala dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu.

35

Ir-rikorrent, sostnut mir-Renju tal-Isvezja, isostni, essenzjalment, li n-noti inkwistjoni jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li jinsabu fil-pussess tal-Kummissjoni u jaqgħu taħt il-qasam ta’ kompetenza tagħha.

36

Ir-Renju tal-Isvezja jżid li, hekk kif dan jirriżulta mill-Artikolu 2(3) tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 ikopri d-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni u fil-pussess tagħha, kemm jekk dawn huma kopji jew oriġinali, li kienu ġew trażmessi direttament lill-istituzzjoni inkwistjoni jew li kienu ġew trażmessi lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, u mingħajr rigward għall-oriġini tagħhom, b’mod li, peress li barra minn hekk in-noti inkwistjoni jaqgħu taħt qasam ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, huma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

37

Il-Kummissjoni tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li n-noti inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dokumenti miżmuma minnha fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 3(a) ta’ dan l-istess regolament. Fil-fatt, peress li dawn in-noti kienu ġew indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn kienu ġew trażmessi lill-Kummissjoni unikament taħt forma ta’ kopji mill-Qorti tal-Ġustizzja u, peress li jikkostitwixxu dokumenti ġudizzjarji, ma jaqgħux la taħt l-attività amministrattiva tal-Kummissjoni u lanqas, għaldaqstant, taħt il-kompetenza tagħha, peress li huwa mifhum li l-attività amministrattiva tagħha biss hija koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

38

Preliminarjament, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jistipula r-rieda espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 UE, li jiġi mħaddan pass ġdid lejn il-ħolqien ta’ għaqda dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli tal-Ewropa, li fiha d‑deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ‑ċittadin. Hekk kif tfakkar fil-premessa 2 tal-imsemmi regolament, id‑dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra, EU:C:2008:374, punt 34, u L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 68).

39

Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli (sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra, EU:C:2007:75, punt 61; tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra, EU:C:2007:802, punt 53, u L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 69).

40

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar, l-ewwel net, li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dan ir-regolament japplika għal kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti maħruġa minnha jew li rċeviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L‑Isvezja vs My Travel u Il‑Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra EU:C:2011:496, punt 88). Għalhekk, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni jkopri mhux biss id-dokumenti maħruġa minn dawn l-istituzzjonijiet, iżda wkoll dawk riċevuti minn terz, fosthom l-Istati Membri, kif jippreċiża espressament l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament (sentenzi L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2007:802, punt 55, u tal-14 ta’ Frar 2012, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑59/09, Ġabra, EU:T:2012:75, punt 27).

41

Sussegwentement, il-kunċett ta’ “dokument”, li huwa s-suġġett ta’ definizzjoni wiesgħa fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il‑Kummissjoni, T‑36/04, Ġabra, EU:T:2007:258, punt 59), ikopri “kull kontenut, ikun liema jkun il-medju [mezz] tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”.

42

Isegwi li d-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija essenzjalment ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kontenut ikkonservat, li jista’ jiġi riprodott jew ikkonsultat wara l-produzzjoni tiegħu, filwaqt li huwa ppreċiżat, minn naħa, li n-natura tal-mezz ta’ ħżin, it-tip u n-natura tal-kontenut maħżun, kif ukoll id-daqs, it-tul, l-importanza jew il-preżentazzjoni ta’ kontenut huma irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk kontenut huwiex, jew le, kopert mill-imsemmija definizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-unika limitazzjoni li tirrigwarda kontenut li jista’ jaqa’ taħt din id-definizzjoni hija l-kundizzjoni li dan il-kontenut għandu jikkonċerna materja relatata mal-politika, mal-attivitajiet u mad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-istituzzjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, Ġabra, EU:T:2011:634, punti 88 u 90 sa 93).

43

Fl-aħħar nett, diġà ġie deċiż li jirriżulta mid-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ dokument, kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll mill-formulazzjoni u mill-eżistenza stess, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, ta’ eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx xtaq jeskludi l-attività kontenzjuża tal-istituzzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini, iżda li kien ippreveda, f’dan ir-rigward, li dawn l-istituzzjonijiet jirrifjutaw li jiżvelaw id-dokumenti relatati ma’ proċedura ġudizzjarja fil-każijiet fejn tali żvelar jippreġudika l-proċedura li magħha huma relatati (sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2007:258, punt 59).

44

F’dan il-każ, l-ewwel nett, huwa paċifiku li l-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 226 KE (li sar l-Artikolu 258 TFUE), ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Awstrija, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2010:455).

45

Sussegwentement, huwa wkoll paċifiku li, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja relatata ma’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrażmettiet kopji tan-noti inkwistjoni lill-Kummissjoni.

46

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-kopji tan-noti inkwistjoni jinsabu fil-pussess tagħha.

47

Isegwi li, hekk kif isostni essenzjalment ir-rikorrent, sostnut mir-Renju tal-Isvezja, il-Kummissjoni rċeviet, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fid-dawl tal-attività kontenzjuża tagħha, dokumenti redatti minn Stat Membru, terz imsemmi fl-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, u li dawn id-dokumenti jinsabu fil-pussess tagħha, fis-sens tal-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu.

48

Għaldaqstant, fir-rigward tal-punti 40 sa 43 iktar ’il fuq, in-noti inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu.

49

Din it-talba ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni.

50

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li n-noti inkwistjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dokumenti fis-sens tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-Artikolu 3(a) ta’ dan l-istess regolament, peress li ma ġewx indirizzati lilha, iżda ġew indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, u li l-kopji biss ġew trażmessi lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja.

51

Issa, minn naħa, għalkemm, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, huma biss “kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha” li jaqgħu’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tissuġġetta l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għad-dokumenti “riċevuti mill-istituzzjoni għall-kundizzjoni li d-dokument inkwistjoni kien ġie indirizzat lilha u direttament trażmess mill-awtur tiegħu.

52

Għalhekk, u fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif imfakkar fil-punt 39 iktar ’il fuq, li jikkonsisti li jingħata lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li jkun l-iktar wiesa’ possibbli, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li n-noti inkwistjoni ma kinux ġew la indirizzati u lanqas direttament trażmessi lill-Kummissjoni mill-Istat Membru inkwistjoni ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-klassifikazzjoni tagħhom bħala dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Effettivament huwa fatt li dawn in-noti kienu ġew riċevuti mill-Kummissjoni u kienu jinsabu fil-pussess tagħha.

53

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni rċeviet biss kopji tan-noti inkwistjoni, u mhux l-oriġinali tagħhom li kienu ġew indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jitfakkar li, hekk kif dan diġà ġie rrilevat fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ dokument huwa s-suġġett ta’ definizzjoni wiesgħa fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ kontenut ikkonservat.

54

Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li huwa irrilevanti fuq l-eżistenza ta’ dokument fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 li n-noti inkwistjoni kienu ġew trażmessi lill-Kummissjoni fil-forma ta’ kopji u mhux fil-forma ta’ oriġinali.

55

It-tieni nett, il-Kummissjoni tallega li, hekk kif dan jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 u mill-Artikolu 3(a) tal-proposta tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2000, C 177 E, p. 70), il-leġiżlatur xtaq jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 unikament id-dokumenti li jikkonċernaw l-attivitajiet amministrattivi tal-Kummissjoni, bl-esklużjoni tal-attività kontenzjuża tagħha. Issa, skont il-Kummissjoni, in-noti inkwistjoni ma jaqgħux la taħt l-attività amministrattiva tagħha u lanqas taħt il-kompetenza tagħha.

56

Minn naħa, l-argumenti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq li, fir-rigward tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, huma biss id-dokumenti relatati mal-attività amministrattiva tagħha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 li għandhom, fl-istat attwali tar-regoli relatati mad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, bħal dawk li jirriżultaw minn dan ir-regolament, jiġu skartati.

57

Fil-fatt, għalkemm, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, “[i]t-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika”, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, jirriżulta mid-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ dokument, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll mill-formulazzjoni u mill-eżistenza stess, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, ta’ eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jeskludi l-attività kontenzjuża tal-istituzzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini. Din il-kunsiderazzjoni tapplika tant li dan ir-regolament ma japplikax la l-esklużjoni tal-attività kontenzjuża tal-istituzzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u lanqas limitazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-unika attività amministrattiva tagħhom.

58

Minbarra dan, il-preċiżazzjonijiet li jinsabu fil-proposta ta’ regolament imsemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq, fis-sens li huma biss id-dokumenti amministrattivi li huma koperti mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, huma irrilevanti fuq l-intenzjoni tal-leġiżlatur, peress li, skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni prevista fl-Artikolu 251 KE (li sar l-Artikolu 294 TFUE), li permezz tagħha ġie adottat ir-Regolament Nru 1049/2001 skont l-Artikolu 255 KE (li essenzjalment ġie ssostitwit bl-Artikolu 15 TFUE), għalkemm il-Kummissjoni żżomm setgħa ta’ inizjattiva, huma l-Parlament u l-Kunsill li, jekk ikun il-każ wara li jemendaw il-proposta tal-Kummissjoni, jadottaw ir-regolament. Issa, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti amministrattivi biss, inizjalment proposta mill-Kummissjoni, ma tidhirx fil-verżjoni adottata tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

59

Barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti bbażati, f’dan il-kuntest, fuq li n-noti inkwistjoni jikkostitwixxu dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja jew dokumenti trażmessi minnha fl-eżerċizzju tal-attività ġudizzjarja tagħha, b’mod li huma esklużi mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, hemm lok li jiġi osservat li dawn l-argumenti huma essenzjalment identiċi għal dawk, eżaminati fil-punti 67 sa 112 iktar ’il quddiem, relatati mal-effett tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u fuq l-esklużjoni tan-noti inkwistjoni, minħabba n-natura partikolari tagħhom, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, hemm lok, f’dan ir-rigward, li jsir riferiment għall-analiżi mwettqa fuq dawn il-punti.

60

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkunsidrat, bħala ma jsostnu r-rikorrent u r-Renju tal-Isvezja, li l-Kummissjoni twettaq żball ukoll meta ssostni li n-noti inkwistjoni ma ġewx trażmessi lilha fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

61

Fil-fatt, kif dan jirriżulta mill-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, in-noti inkwistjoni kienu ġew trażmessi lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li hija kienet ippreżentat fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha skont l-Artikolu 226 KE (li sar l-Artikolu 258 TFUE). Għalhekk, il-Kummissjoni rċeviethom fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

62

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li n-noti inkwistjoni jikkostitwixxu dokumenti miżmuma minn istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tiegħu. Isegwi li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, dawn in-noti jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif dan jirriżulta mill-punt 34 iktar ’il fuq, fit-tieni lok għandu jiġi eżaminat jekk ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE madankollu jipprekludix l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għan-noti inkwistjoni minħabba n-natura partikolari tagħhom.

Fuq l-effett tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001

64

Ir-rikorrent, sostnut mir-Renju tal-Isvezja, essenzjalment isostni li, sa fejn jirriżulta mill-ġurisprudenza li n-noti tal-Kummissjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, hemm lok li jiġu inklużi magħhom ukoll in-noti ta’ Stat Membru trażmessi, mill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja. Minbarra dan, minn naħa, ir-rikorrent josserva li din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata la mill-Artikolu 15(3) TFUE, li sempliċement jistabbilixxi standard minimu ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjoni, u lanqas mir-regoli applikabbli għad-dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li dawn tal-aħħar ma japplikawx għall-partijiet fil-proċedura. Min-naħa l-oħra, l-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll dan ir-regolament kollu hemm hu jkunu mingħajr effett jekk in-noti fil-pussess tal-Kummissjoni ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

65

Ir-Renju tal-Isvezja jżid, minn naħa, li l-fatt li noti ta’ Stat Membru jiġu koperti, fil-Qorti tal-Ġustizzja, mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE huwa irrilevanti fuq il-fatt li, peress li dawn in-noti kienu ġew trażmessi lill-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 1049/2001 japplika, peress li huwa mifhum li jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li n-noti ta’ Stat Membru jaqgħu taħt dan ir-regolament. Dan iżid, min-naħa l-oħra, li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma huwiex imċaħħad minn kwalunkwe effett minħabba l-inklużjoni tan-noti ta’ Stat Membru fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tista’, jekk ikun il-każ, tiġi żgurata minn rifjut ta’ aċċess ibbażat fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

66

Il‑Kummissjoni tirribatti, essenzjalment, li, bid-differenza tan-noti tagħha stess, in-noti ta’ Stat Membru għandhom jiġu kkunsidrati bħala dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jaqgħu taħt l-attività ġudizzjarja tagħha, b’mod li, fid-dawl tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, dawn in-noti huma esklużi mid-dritt ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti u jaqgħu taħt regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji. Kull interpretazzjoni li tikkonsisti li jiġi aċċettat l-aċċess għan-noti ta’ Stat Membru ċċaħħad mis-sens kemm ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) kif ukoll ir-regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji.

67

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, kemm mill-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, kif ukoll mill-istruttura tar-Regolament Nru 1049/2001 u mill-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-materja jirriżulta li l-attività ġudizzjarja inkwantu tali hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 79).

68

Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-formulazzjoni tal-Artikolu 15 TFUE li, filwaqt li kabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, issostitwixxa l-Artikolu 225 KE li abbażi tiegħu r-Regolament Nru 1049/2001 kien ġie adottat, li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 3 tiegħu, il-Qorti tal‑Ġustizzja ma hijiex suġġetta għall-obbligi ta’ trasparenza ħlief meta teżerċita funzjonijiet amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punti 80 u 81). Isegwi li l-esklużjoni, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, tal-Qorti tal-Ġustizzja min-numru ta’ istituzzjonijiet suġġetti, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, għall‑imsemmija obbligi, hija ġġustifikata preċiżament fir-rigward tan‑natura tal-attività ġudizzjarja li hija għandha teżerċita, skont l‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 82).

69

Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-istruttura tar‑Regolament Nru 1049/2001, li bħala bażi legali għandu l‑Artikolu 255 KE stess. Fil-fatt, l‑Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, li jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jeskludi, permezz ta’ assenza ta’ riferiment għall-Qorti tal‑Ġustizzja, lil din tal-aħħar mill-istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi ta’ trasparenza li huwa jistipula, filwaqt li l‑Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, preċiżament il‑protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 83).

70

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward tan-noti tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n‑noti ppreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għandhom karatteristiċi partikolari ħafna, peress li, min-natura tagħhom stess, jagħmlu iktar parti mill-attività ġudizzjarja tal-imsemmija qrati milli mill-attività amministrattiva tal‑Kummissjoni, fejn barra minn hekk din l-aħħar attività ma tirrikjedix l-istess portata tal-aċċess għal dokumenti daqs l-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 77).

71

Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, dawn in-noti huma redatti esklużivament għall‑finijiet tal-imsemmija proċedura ġudizzjarja u jikkostitwixxu l-element essenzjali tagħha. Huwa permezz tar-rikors promotur li r‑rikorrent jiddelimita t-tilwima u huwa b’mod partikolari fil-kuntest tal-fażi bil-miktub ta’ din il‑proċedura — peress li l-fażi orali ma hijiex obbligatorja — li l-partijiet jipprovdu lill-qorti tal‑Unjoni l-elementi li fuqhom hija timxi sabiex tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 78).

72

Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li noti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Stat Membru fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra tiegħu mill-Kummissjoni għandhom, bħal fil-każ tan-noti tagħha, karatteristiċi partikolari peress li jagħmlu parti wkoll, min-natura tagħhom stess, mill-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja.

73

Fil-fatt, peress li, fin-noti tiegħu, l-Istat Membru konvenut jista’ b’mod partikolari jinvoka, skont il-ġurisprudenza, il-motivi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura d-difiża tiegħu (sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑414/97, Ġabra, EU:C:1999:417, punt 19, u tal-15 ta’ Frar 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑34/04, Ġabra, EU:C:2007:95, punt 49), hemm lok li jiġi kkunsidrat li, billi jwieġbu għall-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni u li jiddelimitaw is-suġġett tat-tilwima, in-noti tal-Istat Membru konvenut jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi li fuqhom hija mitluba tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja tagħha.

74

Fir-raba’ lok, jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza dwar l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li n-noti tal-Kummissjoni jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minkejja li dawn jagħmlu parti, hekk kif tfakkar fil-punt 70 iktar ’il fuq, mill-attività ġudizzjarja tal-qrati tal-Unjoni u li din l-aħħar attività ma taqax, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, taħt id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

75

Fil-fatt, l-ewwel nett, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li t-termini “proċedimenti fil-qrati” [proċeduri ġudizzjarji] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-protezzjoni tal-interess pubbliku tipprekludi l-iżvelar tal-kontenut ta’ dokumenti redatti għall-finijiet biss ta’ proċedura ġudizzjarja partikolari (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra, EU:T:2006:190, punti 88 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il‑Kunsill, T‑63/10, Ġabra, EU:T:2012:516, punt 66). Dawn l-aħħar termini jkopru mhux biss in-noti jew atti ppreżentati, id-dokumenti interni li jikkonċernaw l-istruttorja tal-kawża fis-seħħ, iżda wkoll il-komunikazzjonijiet dwar il-kawża bejn id-Direttorat Ġenerali kkonċernat u s-servizz legali jew uffiċċju tal-avukati (sentenzi Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2006:190, punt 90, u Jurašinović vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2012:516, punt 67).

76

Sussegwentement, abbażi ta’ din id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “proċedimenti fil-qrati” [proċeduri ġudizzjarji], il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li n-noti ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni kienu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fis-sens li kienu jikkonċernaw interess protett (sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2007:258, punt 60).

77

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tan-noti ppreżentati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jippreġudika l‑protezzjoni ta’ din il-proċedura fis-sens tat-tieni inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, meta din il‑proċedura tkun għadha pendenti (sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 94).

78

L-inklużjoni, f’dawn is-sentenzi, tan-noti ta’ istituzzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tippreżupponi, bħal ma josservaw ġustament ir-rikorrent u r-Renju tal-Isvezja, li, hekk kif barra minn hekk taqbel ma’ dan il-Kummissjoni, tali noti jaqgħu, minkejja l-karatteristiċi partikolari tagħhom kif deskritti fil-qosor fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma din il-konklużjoni tiġi affettwata mill-esklużjoni, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3), tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

79

Jirriżulta minn dan kollu li, minkejja l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attività ġudizzjarja tal-qrati tal-Unjoni, in-noti ppreżentati quddiemhom minn istituzzjoni ma humiex esklużi, mill-fatt tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

80

Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li n-noti ppreżentati, bħal fil-każ tan-noti inkwistjoni, minn Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jaqgħux, bħal fil-każ ta’ dawk tal-Kummissjoni, taħt l-esklużjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti stabbilita, fir-rigward tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir—raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE.

81

Fil-fatt, minbarra l-fatt li n-noti redatti mill-Kummissjoni u dawk redatti minn Stat Membru fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja jippreżentaw karatteristiċi partikolari komuni, hekk kif dan jirriżulta mill-punti 72 u 73 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li la r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE u lanqas il-fatt li dawn in-noti joriġinaw minn awturi differenti, u lanqas in-natura ta’ dawn in-noti ma jimponu li ssir distinzjoni, fid-dawl tal-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, bejn in-noti li joriġinaw mill-Kummissjoni u dawk li joriġinaw minn Stat Membru. Isegwi, barra minn hekk, li, kuntrarjament għal dak li tosserva l-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma jistax jiġi interpretat bħala li stabbilixxa, fir-rigward tal-aċċess għan-noti redatti fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja, kwalunkwe regola tal-awtur li timponi li ssir distinzjoni bejn in-noti redatti minn istituzzjoni fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja u dawk prodotti, minn Stat Membru, fil-kuntest tal-fażi kontenzjuża ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

82

Min-naħa l-oħra, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-esklużjoni, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, tal-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, min-naħa l-oħra, in-noti redatti fid-dawl ta’ tali proċedura, li, minkejja li jagħmlu parti minn din l-attività ġudizzjarja, madankollu ma jaqgħux taħt l-esklużjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni u għall-kuntrarju huma suġġetti għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

83

Għaldaqstant, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE ma jipprekludix l-inklużjoni tan-noti inkwistjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn, madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament jiġu ssodisfatti u bla ħsara għall-applikazzjoni, skont il-każ, ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u tal-possibbiltà, prevista fil-paragrafu 5 ta’ din id-dispożizzjoni, għall-Istat Membru kkonċernat li jitlob lill-istituzzjoni kkonċernata li ma tiżvelax in-noti tiegħu.

84

Din it-talba ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-Kummissjoni.

85

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li hemm lok li ssir distinzjoni bejn in-noti tagħha stess u dawk ta’ Stat Membru. Dawn tal-aħħar, indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu kkunsidrati bħala dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li jaqgħu taħt l-attività ġudizzjarja tagħha, b’mod li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, dawn in-noti huma esklużi mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u jaqgħu taħt regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji. Barra minn hekk tali distinzjoni sseħħ ukoll fid-dawl tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, l-ewwel nett, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja limitat ruħha, fis-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), li tagħti deċiżjoni dwar in-noti tal-Kummissjoni mingħajr ma ssemmi dawk ta’ Stat Membru, hija kellha l-intenzjoni li teskludi dawn tal-aħħar mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Sussegwentement, il-kunsiderazzjonijiet mogħtija fil-punt 87 ta’ din is-sentenza rigward l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma jagħmlux sens ħlief jekk in-noti tal-Kummissjoni u dawk ta’ Stat Membru kienu ttrattati b’mod differenti. Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza li tgħid li parti tista’ tippubblika n-noti tagħha stess ma timplikax li istituzzjoni hija obbligata li tagħti aċċess għan-noti ta’ Stat Membru u tkun superfluwa jekk il-Kummissjoni kienet obbligata li tiżvela wkoll in-noti ta’ Stat Membru.

86

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-argument tal-Kummissjoni, ma hemmx lok li ssir distinzjoni, fid-dawl tal-effett tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3), fuq id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, bejn in-noti ta’ din l-istituzzjoni u dawk ta’ Stat Membru, hekk kif dan jirriżulta essenzjalment mill-punt 81 iktar ’il fuq. Issa, ma jirriżulta bl-ebda mod mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq li n-noti tal-Kummissjoni għandhom, sa fejn jagħmlu parti mill-attività ġudizzjarja tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, jiġu kkunsidrati bħala dokumenti tagħha u għalhekk jiġu attribwiti lilha. Bil-kontra, hekk kif barra minn hekk tammetti l-Kummissjoni, in-noti tagħha stess jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

87

Fi kwalunkwe każ, għandu jingħad ukoll li, hekk kif il-Kummissjoni spjegat waqt is-seduta bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-raġunament tagħha huwa bbażat fuq il-premessa li kemm in-noti tagħha stess kif ukoll dawk ta’ Stat Membru jsiru, mill-fatt tat-trażmissjoni tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, dokumenti tagħha stess, filwaqt li huwa ppreċiżat li, skont il-Kummissjoni, in-noti tagħha stess jibqgħu parallelament dokumenti ta’ din l-istituzzjoni u għalhekk huma ta’ natura doppja. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni għalhekk tammetti hija stess li din il-klassifikazzjoni, jekk tiġi preżupposta korretta, tan-noti tagħha stess bħala dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma tipprekludi l-inklużjoni ta’ dawn in-noti fil-kamp tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-distinzjoni applikata mill-Kummissjoni bejn in-noti tagħha stess u dawk ta’ Stat Membru hija, fir-realtà, inqas fondata fuq l-allegat status tagħhom bħala dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja milli fuq id-differenza fir-rigward tal-awturi rispettivi tagħhom. Issa, skont dan l-aħħar titolu, huwa biżżejjed li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 81 iktar ’il fuq, din id-differenza ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika differenza fit-trattament bejn in-noti redatti mill-Kummissjoni u dawk li joriġinaw minn Stat Membru.

89

It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ebda distinzjoni bejn in-noti tagħha stess u dawk ta’ Stat Membru ma tirriżulta mill-ġurisprudenza li hija tiċċita f’dan ir-rigward.

90

Fil-fatt, l-ewwel nett, hekk kif barra minn hekk tosserva l-Kummissjoni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tressqitx il-kwistjoni, fil-kawża li tat lok għas-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), tal-aċċess għan-noti ta’ Stat Membru miżmuma mill-Kummissjoni. Għalhekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet limitat ruħha sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża li kienet tressqet quddiemha, ma jistax jiġi dedott minn din is-sentenza li l-aċċess għal dokumenti huwa limitat unikament għan-noti redatti minn istituzzjoni tal-Unjoni, bl-esklużjoni tan-noti ta’ Stat Membru.

91

Sussegwentement, għal din l-istess raġuni, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni dwar il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, peress li, billi affermat, fil-punt 87 tas-sentenza tagħha L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), li “hija biss l‑istituzzjoni kkonċernata minn talba ta’ aċċess għad-dokumenti tagħha, u mhux il-partijiet kollha fil-proċedura, li hija suġġetta għall-obbligu ta’ żvelar”, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni ġiet mitluba talba għal aċċess għan-noti ta’ Stat Membru. Fil-fatt, jirriżulta mill-motivi li jagħmel parti minnhom il-punt 87 tas-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), b’mod partikolari mill-qari tiegħu flimkien mal-punt 91 tal-istess sentenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement indikat li, sa fejn l-istituzzjoni kkonċernata biss kienet, bid-differenza tal-partijiet l-oħra għal proċedura ġudizzjarja, suġġetta għal obbligu ta’ trasparenza skont ir-regoli li joħorġu mir-Regolament Nru 1049/2001, l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet setgħu jiġu affettwati jekk l-istituzzjoni kellha obbligu li tagħti aċċess għas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha stess relatati ma’ proċedura ġudizzjarja pendenti.

92

Minbarra dan, minn naħa, din il-kunsiderazzjoni, li tinsab fil-punt 87 tas-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), kienet ingħatat f’kuntest differenti minn dak ta’ din il-kawża. Fil-fatt, hija tagħmel parti mill-eżami tal-portata tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, hekk kif tirriżulta mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fir-rigward ta’ talba għal aċċess għan-noti tal-Kummissjoni relatati ma’ proċeduri ġudizzjarji pendenti. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 86 tal-istess sentenza, li, għalkemm il-kontenut tan-noti tal-Kummissjoni kellu jkun is-suġġett ta’ trattazzjonijiet pubbliċi, il-kritika magħmula kontra tagħhom, lil hinn mill-portata ġuridika reali tagħhom, kienet toħloq riskju li tiġi influwenzata l-pożizzjoni difiża mill-istituzzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni, qabel ma tosserva, fil-punt 87 tas-sentenza tagħha, li tali sitwazzjoni setgħet toħloq distorsjoni fl-ekwilibriju tal-partijiet sa fejn hija unikament l-istituzzjoni li għandha l-obbligu li tiżvela n-noti tagħha f’każ ta’ aċċess għal dokumenti. Min-naħa l-oħra, din il-kawża tirrigwarda talba ta’ aċċess għal noti relatata ma’ proċedura magħluqa, b’mod li l-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, hekk kif esposti fil-punti 86 u 87 tas-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq (EU:C:2010:541), ma humiex rilevanti f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, sa fejn, permezz tal-argument tagħha dwar il-punt 87 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni ssostni li kull parti fi proċedura ġudizzjarja tista’ tinfired liberament min-noti tagħha stess, hemm lok li jsir riferiment għall-eżami ta’ dan l-argument fil-punti 93 sa 97 iktar ’il fuq.

93

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq is-setgħa tal-Istat Membru li jinfired min-noti tiegħu redatti fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja, hemm lok li jitfakkar, ċertament, li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-ebda regola jew dispożizzjoni ma tawtorizza jew tipprekludi lill-partijiet f’kawża li jiżvelaw in-noti tagħhom stess lil terzi u li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreġudika l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-prinċipju huwa li l-partijiet għandhom il-libertà li jiżvelaw in-noti tagħhom stess (digriet tat-3 ta’ April 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑376/98, Ġabra, EU:C:2000:181, punt 10, u s-sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2007:258, punt 88).

94

Madankollu, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 93 iktar ’il fuq ma tipprekludix l-inklużjoni tan-noti inkwistjoni fil-kamp tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, għaldaqstant, f’dak tar-Regolament Nru 1049/2001.

95

Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 93 iktar ’il fuq, la l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti Ġenerali ma eżaminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Huma lanqas ma taw deċiżjoni dwar l-eżistenza u, skont il-każ, il-portata tas-setgħa ta’ parti li topponi l-iżvelar tan-noti tagħha minn parti oħra fil-proċedura.

96

Barra minn hekk u f’kull ipoteżi, hemm lok li jiġi rrilevat li din il-kawża tikkonċerna talba għal aċċess għal noti relatati ma’ proċedura ġudizzjarja li kienet magħluqa fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ din it-talba. Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet iċċitati fil-punt 93 iktar ’il fuq kienu saru fid-dawl tal-iżvelar ta’ sottomissjonijiet bil-miktub relatati ma’ proċeduri ġudizzjarji pendenti. Issa, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-portata tas-setgħa ta’ kull parti li tinfired liberament min-noti tagħha stess, sa fejn tippermetti lill-parti kkonċernata li topponi f’kull forma l-iżvelar tal-kontenut tan-noti tagħha stess, għandu jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, tali setgħa jkollha limiti, ladarba l-proċedura ġudizzjarja tkun magħluqa. Fil-fatt, wara l-għeluq tal-proċedura ġudizzjarja, l-argumenti li jinsabu f’dawn in-noti huma diġà fil-qasam pubbliku, tal-inqas taħt il-forma ta’ sunt, peress li l-kontenut tagħhom kien ġie eventwalment ittrattat matul seduta pubblika u, skont il-każ, ukoll ġie inkluż fis-sentenza li tagħlaq l-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2007:258, punt 106). Minbarra dan, il-kontenut tan-noti ta’ Stat Membru jista’ jiġi rifless fin-noti redatti minn istituzzjoni tal-Unjoni fid-dawl tal-istess proċedura, anki taħt il-forma ta’ sunt jew permezz tal-argumenti mqajma bħala tweġiba mill-istituzzjoni. Għalhekk, l-iżvelar eventwali, minn din tal-aħħar, tan-noti tagħha stess jagħti jekk ikun il-każ ċertu aċċess għall-kontenut tan-noti tal-Istat Membru kkonċernat.

97

Min-naħa l-oħra, fir-rigward, f’dan il-każ, ta’ noti redatti minn Stat Membru, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tiegħu. Skont il-ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni tagħti għaldaqstant lill-Istat Membru l-possibbiltà li jipparteċipa fid-deċiżjoni li l-istituzzjoni għandha tadotta u tistabbilixxi, għal dan il-għan, proċess deċiżjonali sabiex jiġi ddeterminat jekk l-eċċezzjonijiet materjali elenkati fl-Artikolu 4(1) sa (3) jipprekludux li jingħata aċċess għad-dokument ikkunsidrat (sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, Ġabra, EU:T:2012:75, punt 31; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2007:802, punti 76, 81, 83 u 93). Għalkemm huwa veru li din id-dispożizzjoni ma tagħtix lill-Istat Membru kkonċernat dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonat sabiex jopponi diskrezzjonalment l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu u li huma miżmuma minn istituzzjoni (sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2007:802, punt 75), xorta jibqa’ l-fatt li din tippermettilu li jagħmel parti mid-deċiżjoni li jingħata l-aċċess għad-dokument ikkunsidrat, inkluż meta dawn huma noti redatti fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja.

98

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li kemm ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE kif ukoll ir-regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għal dokumenti ġudizzjarji jkunu mingħajr sens u jiġu evitati jekk l-aċċess għan-noti redatti minn Stat Membru fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja kellu jiġi ammess. Fil-fatt, ikun għalhekk possibbli li l-Kummissjoni tiġi sistematikament mitluba l-aċċess għall-kopji tad-dokumenti kollha trażmessi lilha fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċedura ġudizzjarja, minkejja li l-qorti ma tkunx tista’ tagħti l-aċċess għalihom. Barra minn hekk, minbarra l-evażjoni ta’ regoli speċifiċi, l-eżistenza stess ta’ dritt ta’ aċċess għan-noti ta’ partijiet oħra tiddependi, f’kull każ, mill-parteċipazzjoni jew le tal-Kummissjoni fi proċedura ġudizzjarja, li jmur kontra s-sistema li tiggwida dawn id-dispożizzjonijiet.

99

L-ewwel nett, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-evażjoni ta’ regoli speċifiċi dwar l-aċċess għal dokumenti li jikkonċernaw il-proċeduri ġudizzjarji għandu jiġi miċħud.

100

F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jitfakkar li, ċertament, fir-rigward tan-noti tal-Kummissjoni, kien ġie deċiż li, sakemm il-proċedura ġudizzjarja kienet pendenti, l-żvelar ta’ dawn in-noti jikser il-karatteristiċi ta’ din il‑kategorija ta’ dokumenti u jwassal sabiex parti sostanzjali tal‑proċedura ġudizzjarja tkun suġġetta għall-prinċipju ta’ trasparenza, li jkollu bħala konsegwenza li l-esklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minn fost l‑istituzzjonijiet li għalihom japplika l-prinċipju ta’ trasparenza, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, titlef parti kbira mill-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 95). Ġie deċiż ukoll li la l-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni ma jipprovdu dritt ta’ aċċess lil terzi għan-noti ppreżentati quddiem il-qorti fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji (sentenza L-Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 99).

101

Madankollu, minn l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq ma humiex ta’ natura li jagħmlu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 inapplikabbli għal talba ta’ aċċess għan-noti relatati ma’ proċedura ġudizzjarja.

102

Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 100 iktar ’il fuq kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, hekk kif previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punti 94, 95, 99, 100 u 102), li jimplika neċessarjament li dawn bl-ebda mod ma jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-punti 72, 73 u 81 iktar ’il fuq, dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fil-kuntest ta’ talba għal aċċess għan-noti ta’ Stat Membru.

103

Minn naħa, għandu jitfakkar li, anki jekk ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet li huwa l-iktar wiesa’ possibbli, dan id-dritt huwa madankollu suġġett, fid-dawl tas-sistema ta’ eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, Ġabra, EU:C:2012:393, punt 111, u Il‑Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, Ġabra, EU:C:2012:394, punt 53). Minbarra dan, jirriżulta kemm mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE kif ukoll mir-Regolament Nru 1049/2001 li l-limitazzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza fir-rigward tal-attività ġudizzjarja jsegwu l-istess skop, jiġifieri dak li jiġi ggarantit li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet jiġi eżerċitat mingħajr ma jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 84).

104

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tista’, skont il-każ, tiġi żgurata bl-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li huwa ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza, fir-regoli speċifiċi relatati mal-qrati tal-Unjoni, ta’ dritt ta’ aċċess ta’ terzi għan-noti ppreżentati quddiem dawn il-qrati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L‑Isvezja et vs API u Il‑Kummissjoni, punt 15 iktar ’il fuq, EU:C:2010:541, punt 100).

105

Għalhekk, l-inklużjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, tar-regoli inkwistjoni ma għandhiex bħala effett li tippreġudika l-għan tar-regoli speċifiċi relatati mal-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-proċeduri ġudizzjarji.

106

Din il-konklużjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fl-applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta li jikkonċerna l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 1993, L 340, p. 41), li ma jistax jiġi dedott mid-dritt ta’ kull persuna għal smigħ ġust minn qorti indipendenti li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża hija neċessarjament l-unika li tista’ tagħti l-aċċess għall-atti proċedurali ġudizzjarji inkwistjoni, u dan tant li r-riskji ta’ ksur għall-indipendenza tal-qorti huma biżżejjed meħuda inkunsiderazzjoni minn dan il-kodiċi u mill-proċedura ġudizzjarja fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-atti tal-Kummissjoni li jagħtu l-aċċess għad-dokumenti li hija żżomm (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Il‑Pajjiżi l-Baxxi u van ver Wal vs Il‑Kummissjoni, C‑174/98 P u C‑189/98 P, Ġabra, EU:C:2000:1, punti 17 u 19). Għalhekk ma jistax jiġi ammess, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari previsti għal dan il-għan, li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 jista’ jiġi ristrett minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni ma jirregolawx l-aċċess ta’ terzi għal dokumenti (sentenza API vs Il‑Kummissjoni, punt 41 iktar ’il fuq, EU:T:2007:258, punt 89; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1999, Interporc vs Il‑Kummissjoni, T‑92/98, Ġabra, EU:T:1999:308, punti 37, 44 u 46).

107

Sussegwentement, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li din l-inklużjoni għandha bħala effett li tawtorizza talbet ta’ aċċess għad-dokumenti kollha mibgħuta lill-Kummissjoni mill-qrati tal-Unjoni, inkluż, minbarra n-noti kollha tal-partijiet kollha, il-proċessi verbali ta’ seduti, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konklużjoni, fil-punt 83 iktar ’il fuq, li n-noti ta’ Stat Membru, trażmessi lil istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, ma humiex mid-definizzjoni tagħhom esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, bl-ebda mod ma tippreġudika l-kwistjoni, differenti, dwar jekk atti stabbiliti mill-qorti stess u trażmessi lil istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja humiex ukoll koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Issa, peress li s-suġġett ta’ din it-tilwima huwa limitat għall-evalwazzjoni, fir-rigward tal-motiv uniku mqajjem mir-rikorrent, tal-legalità tar-rifjut, mill-Kummissjoni, li tagħtih l-aċċess għan-noti inkwistjoni, ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni, f’dan il-każ, fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament Nru 1049/2001 japplikax ukoll għal dokumenti oħra trażmessi lil istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja, bħal, b’mod partikolari, il-proċessi verbali ta’ seduti. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1962, Meroni vs L‑Awtorità Għolja, 46/59 u 47/59, Ġabra, EU:C:1962:44, p. 801, u tat-28 ta’ Ġunju 1972, Jamet vs Il‑Kummissjoni, 37/71, Ġabra, EU:C:1972:57, punt 12).

108

Minbarra dan, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-inklużjoni tan-noti ta’ partijiet oħra fil-proċedura ġudizzjarja fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha bħala effett li tiftaħ l-aċċess għad-dokumenti kollha tal-partijiet kollha fil-proċeduri u li tagħmel l-eżistenza stess ta’ tali dritt ta’ aċċess tiddependi fuq il-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari previsti għal dan il-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jiġi ristrett minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni ma jirregolawx id-dritt ta’ aċċess ta’ terzi għal dokumenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 107 iktar ’il fuq, tal-kwistjoni, differenti minn dik imqajma f’din il-kawża, tal-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ta’ kull nota redatta minn kull parti fil-kuntest ta’ kull proċedura ġudizzjarja, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li eventwali aċċess għal tali noti f’każ ta’ talba mressqa quddiem istituzzjoni jkun minħabba l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni ma jistax ikun ta’ natura li jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, din id-dipendenza hija biss il-konsegwenza tal-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw, quddiem il-qrati tal-Unjoni, l-aċċess ta’ terzi għan-noti redatti fid-dawl ta’ proċeduri ġudizzjarji.

109

Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ssostni li t-talbiet għal aċċess għan-noti ta’ Stat Membru għandhom jiġu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Istat Membru awtur ta’ dawn in-noti, minn naħa, hemm lok li jitfakkar, fir-rigward ta’ eventwali obbligu li lill-Qorti tal-Ġustizzja tiġi indirizzata talba ta’ aċċess għan-noti inkwistjoni, li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott mid-dritt ta’ kull persuna li jkollha smigħ ġust minn qorti indipendenti li l-qorti li quddiemha titressaq kawża hija neċessarjament l-unika li tista’ tagħti l-aċċess għall-atti proċedurali ġudizzjarji inkwistjoni. Issa, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, talba ta’ aċċess għal dokumenti tista’ tiġi indirizzata lill-Kummissjoni għal dokumenti li hija żżomm sa fejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jiġu ssodisfatti.

110

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ eventwali obbligu li tiġi ppreżentata talba lill-Istat Membru awtur tan-noti inkwistjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li, billi adotta r-Regolament Nru 1049/2001, il-leġiżlatur tal-Unjoni abolixxa r-regola tal-awtur li skont din, meta dokument miżmum minn istituzzjoni kellu lil terz bħala awtur, it-talba ta’ aċċess għal dokument kellha tiġi indirizzata direttament lill-awtur ta’ dan id-dokument (sentenzi L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2007:802, punt 56, u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2012:75, punt 28), ħaġa li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni.

111

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tosserva waqt is-seduta, tali obbligu li tiġi ppreżentata talba ta’ aċċess lill-Istat Membru awtur tan-noti inkwistjoni lanqas ma jista’ jirriżulta mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, li ma jistax, hekk kif dan jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 81 iktar ’il fuq, jiġi interpretat bħala li introduċa mill-ġdid, fir-rigward tal-aċċess għan-noti redatti fid-dawl ta’ proċedura ġudizzjarja, ir-regola tal-awtur. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din id-dispożizzjoni ma fiha ebda regola espliċita f’dan is-sens, jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 81 iktar ’il fuq li la din id-dispożizzjoni u lanqas in-natura tan-noti inkwistjoni ma jimponu li ssir distinzjoni, fid-dawl tal-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, bejn in-noti li joriġinaw mingħand il-Kummissjoni u dawk li joriġinaw minn Stat Membru.

112

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tosserva l-Kummissjoni u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrent f’dan ir-rigward, in-noti inkwistjoni ma jikkostitwixxux dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma, f’dan ir-rigward, esklużi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(3) TFUE, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, għaldaqstant, minn dak tar-Regolament Nru 1049/2001.

113

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoniet kollha li jippreċedu u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-konklużjonijiet ibbażati fuq il-punti 48 u 83 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li, meta kkunsidrat, fid-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, li n-noti inkwistjoni ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament.

114

Għalhekk, hemm lok li l-motiv uniku jiġi milqugħ u, għaldaqstant, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, sa fejn irrifjutat lir-rikorrent l-aċċess għan-noti inkwistjoni.

Fuq l-ispejjeż

115

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent u mill-Kummissjoni, l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li għal raġunijiet eċċezzjonali taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Minbarra dan, skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

116

F’dan il-każ, hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat iktar ’il fuq, għalkemm ir-rikors ma għadx għandu skop sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2012, dan kien intlaqa’ sa fejn huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012.

117

Madankollu, il-Kummissjoni talbet, waqt is-seduta, li, f’każ ta’ annullament parzjali tad-deċiżjoni tat-3 ta’ April 2012, ir-rikorrent jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess għal raġunijiet eċċezzjonali. Din it-talba hija mmotivata mill-pubblikazzjoni fis-sit tal-internet tar-rikorrent tar-risposta, tar-replika u tan-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Isvezja, kif ukoll ta’ skambju ta’ ittri li seħħ bejn il-Kummissjoni u r-rikorrent fir-rigward ta’ din il-pubblikazzjoni. Skont il-Kummissjoni, meta ppubblika dawn id-dokumenti relatati ma’ proċedura ġudizzjarja pendenti, ir-rikorrent kiser il-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

118

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont regoli li jirregolaw it-trattament tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet igawdu minn protezzjoni kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, T‑174/95, Ġabra, EU:T:1998:127, punt 135). Għalhekk, skont l-Artikolu 5(8) tal-istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, ebda terza persuna, privata jew pubblika, ma jista’ jkollha aċċess għall-proċess tal-kawża jew għall-atti proċedurali mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-President tal-Qorti Ġenerali jew, fil-każ ta’ kawża li għadha pendenti, tal-President tal-Kulleġġ ġudikanti li quddiemu tkun tressqet il-kawża, wara li jinstemgħu l-partijiet, filwaqt li huwa ppreċiżat li din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss fuq talba bil-miktub flimkien ma’ ġustifikazzjoni ddettaljata tal-interess leġittimu għall-konsultazzjoni tal-proċess.

119

Din id-dispożizzjoni tirrifletti prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li skont dan il-partijiet għandhom id-dritt li jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna, b’mod partikolari min-naħa tal-pubbliku (sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, punt 118 iktar ’il fuq, EU:T:1998:127, punt 136). Isegwi li parti li tingħata l-aċċess għall-atti proċedurali ta’ partijiet oħra tista’ tuża dan id-dritt unikament għall-finijiet tad-difiża tal-kawża tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kull għan ieħor, bħal dak li tqanqal kritika mill-pubbliku dwar l-argumenti mqajma mill-partijiet l-oħra fil-kawża (sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, punt 118 iktar ’il fuq, EU:T:1998:127, punt 137).

120

Skont il-ġurisprudenza, azzjoni li tmur kontra dan il-prinċipju tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt li tiegħu jista’ jittieħed kunsiderazzjoni fit-tqassim tal-ispejjeż fid-dawl ta’ raġunijiet eċċezzjonali, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, punt 118 iktar ’il fuq, EU:T:1998:127, punti 139 u 140).

121

F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrent ippubblika kemm ċerti sottomissjonijiet bil-miktub relatati ma’ din il-kawża, fosthom, b’mod partikolari, minbarra r-replika tiegħu, ir-risposta tal-Kummissjoni kif ukoll skambju ta’ ittri li seħħ bejn il-partijiet fir-rigward ta’ din il-pubblikazzjoni, jiġifieri ittra tal-Kummissjoni li talbitu li jirtira ż-żewġ noti msemmija iktar ’il fuq mis-sit tal-internet tiegħu u t-tweġiba tiegħu għal din l-ittra. Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent ippubblika wkoll in-nota ta’ intervent tar-Renju tal-Isvezja, ħaġa li r-rikorrent ma kkontestax.

122

Huwa paċifiku wkoll li dawn il-pubblikazzjonijiet kienu jinkludu xi kummenti min-naħa tar-rikorrent. Għalhekk, il-pubblikazzjoni tar-risposta u tar-replika huma miżjuda ma’ nota qasira li tindika li l-Kummissjoni tibqa’ dejjem tirrifjuta li tagħti lir-rikorrent l-aċċess għan-noti inkwistjoni. Ir-rikorrent kien, fir-replika tiegħu, “fela” l-argument tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Il-pubblikazzjoni tal-iskambju ta’ ittri li hemm riferiment għalih fil-punt 121 iktar ’il fuq tagħmel parti min-nota tar-rikorrent, intitolata “Il‑Kummissjoni tixtieq tipprojbixxi l-pubblikazzjoni fis-sit tal-internet tan-noti li jikkonċernaw il-konservazzjoni ta’ data”. Jista’ b’mod partikolari jinqara f’din in-nota, redatta f’lingwaġġ relattivament kritiku, li r-rifjut, mill-Kummissjoni, li tagħti lir-rikorrent l-aċċess għan-noti inkwstjoni hija f’“kontradizzjoni manifesta” mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġusizzja u li l-Kummissjoni topponi l-pubblikazzjoni tat-“tentattivi futili tagħha li jitħares is-sigriet”. Iż-żewġ noti jinkludu possibbiltà għall-utenti tal-internet li jippubblikaw kummenti, ħaġa li tat lok, fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tat-tieni nota msemmija iktar ’il fuq, għal xi kummenti kritiċi ħafna fir-rigward tal-Kummissjoni.

123

Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-pubblikazzjoni fin-netwerk tal-internet, mir-rikorrent, tar-risposta tal-Kummissjoni kif ukoll tal-iskambju ta’ ittri fir-rigward ta’ din il-pubblikazzjoni tikkostitwixxi użu mhux xieraq, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 118 iktar ’il fuq, tal-atti proċedurali trażmessi lir-rikorrent fil-kuntest ta’ din l-istanza.

124

Fil-fatt, meta pproċeda għal din il-pubblikazzjoni, ir-rikorrent uża d-dritt ta’ aċċess tiegħu għas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni relatati ma’ din l-istanza għal għanijiet differenti minn dak tad-difiża tal-kawża tiegħu biss fil-kuntest ta’ din l-istanza u għalhekk kiser id-dritt tal-Kummissjoni li tiddefendi l-pożizzjoni tagħha indipendentement minn kull influwenza esterna. Din l-aħħar kunsiderazzjoni hija rrikonoxxuta għaldaqstant iktar peress li, hekk kif dan jirriżulta mill-punt 122 iktar ’il fuq, din il-pubblikazzjoni tinkludi possibbiltà għall-utenti tal-internet li jippubblikaw kummenti u tat lok għal xi kummenti kritiċi fir-rigward tal-Kummissjoni.

125

Minbarra dan, wara l-ittra tal-Kummissjoni li talbet l-irtirar tan-noti mis-sit tal-internet tar-rikorrent, dan tal-aħħar żamm dawn id-dokumenti fis-sit tal-internet tiegħu.

126

Għaldaqstant, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-pubblikazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni fis-sit tal-internet, li tmur kontra l-prinċipji mfakkra fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt li tiegħu jista’ jittieħed kunsiderazzjoni fit-tqassim tal-ispejjeż fid-dawl ta’ raġunijiet eċċezzjonali, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

127

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs dawk sostnuti mir-rikorrent.

128

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti mill-intervenjenti, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura l-Istati Membri intervenjenti fit-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-3 ta’ April 2012 li tirrifjuta li tagħti lil Patrick Breyer l-aċċess sħiħ għad-dokumenti relatati mat-traspożizzjoni mir-Repubblika tal-Awstrija tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE, u għad-dokumenti relatati mal-kawża li tat lok għas-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑189/09), hija annullata sa fejn tirrigwarda r-rifjut ta’ aċċess għan-noti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ din il-kawża.

 

2)

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Marzu 2012, li tiċħad talba mressqa minn P. Breyer intiża sabiex jikseb l-aċċess għall-parir legali tagħha relatat mad-Direttiva 2006/24.

 

3)

Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż sostnuti minn P. Breyer.

 

4)

Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Frar 2015.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.