SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)
15 ta’ Jannar 2014
Kawża T‑95/12 P
Willem Stols
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2007 – Deċiżjoni li l-persuna interessata ma tiġix promossa fil-grad AST 11 – Paragun tal-merti – Stħarriġ mill-qorti tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni”
Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tat-13 ta’ Diċembru 2011, Stols vs Il-Kunsill (F-51/08 RENV), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. W. Stols għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-istanza preżenti.
Sommarju
1. Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)
2. Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni – Elementi oħra li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)
3. Uffiċjali – Promozzjoni – Kriterji – Merti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità fil-grad – Natura sussidjarja – Teħid inkunsiderazzjoni tal-konsistenza fit-tul tal-merti – Portata
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)
1. L-Awtorità tal-Ħatra għandha, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi, setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, f’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-proċeduri u tal-mezzi li l-amministrazzjoni tista’ tuża fl-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar aġixxietx fil-limiti li ma jistgħux jiġu kkontestati u ma użatx l-awtorità tagħha b’mod manifestament żbaljat. Il-qorti tal-Unjoni ma tistax għalhekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ta’ klassifikazzjonijiet u ta’ merti tal-uffiċjali għal dik tal-Awtorità tal-Ħatra.
F’dan ir-rigward, sabiex tippreżerva l-effettività tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur ried jagħti lill-Awtorità tal-Ħatra fil-qasam tal-promozzjoni, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tannulla deċiżjoni għas-sempliċi raġuni li tqis li tkun sabet fatti li jqajmu dubji plawżibbli fir-rigward tal-evalwazzjoni mwettqa mill-imsemmija awtorità, li jwassal għal żball ta’ evalwazzjoni.
Il-Qorti tal-Unjoni għaldaqstant ma hijiex mistennija li twettaq eżami mill-ġdid iddettaljat tal-fajls kollha tal-kandidati li jistgħu jiġu promossi sabiex tiżgura ruħa li taqbel mal-konklużjoni li tkun għaliha waslet l-Awtorità tal-Ħatra, għaliex, kieku kellha twettaq dan l-eżerċizzju, hija toħroġ mill-kuntest ta’ stħarriġ ta’ legalità tagħha, u tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-merti tal-kandidati li jistgħu jiġu promossi mill-Awtorità tal-Ħatra bl-evalwazzjoni tagħha.
Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta f’dan is-sens lill-Awtorità tal-Ħatra hija limitata mill-ħtieġa li jsir eżami komparattiv tal-kandidaturi b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u inkonformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsir fuq bażi ugwali u abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ta’ dettalji komparabbli.
(ara l-punti 29 sa 32)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ April 1983, Ragusa vs Il-Kummissjoni, 282/81, Il-Ġabra p. 1245, punti 9 u 13; 3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C-277/01 P. Il-Ġabra, p. I-3019, punt 35
Il-Qorti Ġenerali 15: ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T-132/03, Il-ĠabraFP, p. I-A-253 u II-1169, punti 52 u 53
2. L-obbligu tal-Awtorità tal-Ħatra sabiex twettaq eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali li huma eliġibbli għall-promozzjoni, previst fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa l-espressjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali u tal-prospetti għall-karriera tagħhom, fejn il-kriterju deċiżiv huwa l-evalwazzjoni tal-merti tagħhom. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti, l-Awtorità tal-Ħatra tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rapporti dwar l-uffiċjali, l-użu tal-lingwi fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tagħhom, għajr il-lingwa li għaliha pproduċew evidenza ta’ għarfien sew u, jekk ikun il-każ, il-livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitat minnhom. Din id-dispożizzjoni tagħti ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Awtorità tal-Ħatra dwar l-importanza li din tal-aħħar trid tagħti lil kull wieħed mit-tliet kriterji msemmija waqt l-eżami komparattiv tal-merti, fl-osservanza madankollu tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
L-Awtorità tal-Ħatra tista’, sussidjarjament, f’każ ta’ ugwaljanza fil-merti bejn l-uffiċjali li huma eliġibbli għall-promozzjoni abbażi tat-tliet kriterji msemmija espressament fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, tieħu elementi oħra inkunsiderazzjoni, bħal eżempju l-età tal-uffiċjali u l-anzjanità tagħhom fil-grad jew fis-servizz, liema kriterji jistgħu jikkostitwixxu fattur deċiżiv fl-għażla tagħha.
(ara l-punti 33 u 34)
Referenza:
Il-Qorti Ġenerali: 16 ta’ Mejju 2013, Canga Fano vs Il-Kunsill T-281/11 P, punti 43 u 44, u l-ġurisprudenza ċċitata
3. L-anzjanità fil-grad u fis-servizz tista’ tintuża bħala kriterju għall-promozzjoni biss sussidjarjament, fil-każ ta’ merti ugwali stabbiliti fuq il-bażi, b’mod partikolari, tat-tliet kriterji msemmija espressament fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ legalment tipproċedi għall-evalwazzjoni komparattiva tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni billi tibbaża ruħha fuq il-konsistenza fit-tul tal-merti rispettivi tagħhom.
F’dan ir-rigward, il-kriterju tal-konsistenza fit-tul tal-merti ma jikkostitwixxix kriterju separat mit-tliet kriterji elenkati fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda huwa direttament kopert mill-ewwel fost dawn il-kriterji, jiġifieri huwa bbażat fuq ir-rapporti dwar l-uffiċjali. B’mod iktar speċifiku, dan l-element ta’ evalwazzjoni jippermetti teħid inkunsiderazzjoni aħjar tal-merti kollha tal-uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni, evalwati abbażi tal-ewwel kriterju.
Madankollu, l-użu tal-plural, fl-espressjoni “r-rapporti dwar l-uffiċjali” fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jindika li l-Awtorità tal-Ħatra hija bħala regola ġenerali obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni r-rapporti kollha dwar l-uffiċjali minn meta daħlu f’dak il-grad, fatt li neċessarjament jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterju bħal dak tal-konsistenza fit-tul tal-merti.
Fil-fatt, li kieku l-imsemmija awtorità tieħu biss inkunsiderazzjoni r-rapport jew ir-rapporti l-iktar reċenti, l-eżami komparattiv ikun distort jew, minn tal-inqas, inkomplet, peress li din l-awtorità ma tkunx qed tikkunsidra l-merti kollha tal-uffiċjali kollha eliġibbli għall-promozzjoni, u b’mod partikolari ta’ dawk li ilhom iktar minn sentejn fil-grad.
Iktar minn hekk, il-kriterju tal-konsistenza fit-tul tal-merti ma jistax sempliċement jintroduċi mill-ġdid fl-eżami komparattiv, li jsir abbażi tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kriterju ta’ anzjanità, peress li anzjanità kunsiderevoli tista’ ma tkunx kompatibbli mal-merti għolja li kienu konsistenti matul iż-żmien, hekk li ż-żewġ kriterji ma humiex bl-ebda mod l-istess, minkejja l-fatt li teżisti ċertu rabta bejniethom.
Fl-aħħar nett, il-kriterju tal-konsistenza fit-tul tal-merti jippermetti fir-realtà lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex issib l-ekwilibriju ekwu bejn l-għan li jiżgura progress rapidu fil-karriera lill-uffiċjali eċċellenti b’rendiment għoli ħafna u dak li jiżgura karriera normali għall-uffiċjali b’rendiment konsistenti matul perijodu twil ta’ żmien.
(ara l-punti 40 sa 45)