SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

11 ta’ Diċembru 2013

Alvaro Sesma Merino

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rapport ta’ evalwazzjoni — Għanijiet 2011/2012 — Att li ma jikkawżax preġudizzju — Rikors inammissibbli”

Suġġett:

Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li bih A. Sesma Merino jitlob l-annullament tal-għanijiet li ġew stabbiliti fir-rigward tiegħu mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012, kif ukoll il-kundanna tal-UASI sabiex iħallsu kumpens ta’ ammont xieraq, fid-diskrezzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħala kumpens għad-danni morali u immaterjali li sofra.

Deċiżjoni:

Ir-rikors huwa miċħud. A. Sesma Merino għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni).

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju – Stabbiliment formali ta’ għanijiet għas-sena li ġejja waqt ir-redazzjoni ta’ rapport ta’ evalwazzjoni – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

Id-deċiżjoni li tistabbilixxi rapport ta’ evalwazzjoni fil-verżjoni definittiva tiegħu tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, meta l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal evalwat iqis li fl-evalwazzjoni tiegħu kien hemm illegalità minħabba evalwazzjonijiet sfavorevoli mhux iġġustifikati. Tali deċiżjoni tista’ taffettwa l-istatus amministrattiv u l-karriera tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat sa fejn hija tista’ teżerċita influwenza negattiva fuq il-prospetti tal-karriera tiegħu. Konsegwentement, il-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ tagħti effettivament il-perspettiva tagħha dwar il-provi li tressqu kontriha sabiex jiġġustifikaw l-imsemmija deċiżjoni.

Madankollu, l-istabbiliment ta’ għanijiet magħmula għas-sena li ġejja jikkostitwixxi element essenzjali fl-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal għas-sena li ġejja u fl-evalwazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu dwar dawn l-għanijiet. Konsegwentement, fil-kuntest ta’ eżerċizzju ta’ evalwazzjoni tal-merti, huwa biss fil-mument meta jiġi redatt ir-rapport tiegħu ta’ evalwazzjoni dwar il-perijodu li għalih ġew stabbiliti l-għanijiet li d-deċiżjoni li tistabbilixxi dawn l-għanijiet tista’ tipproduċi effetti ġuridiċi tali li jaffettwaw l-interessi tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal, billi tibdel b’mod sostanzjali, il-pożizzjoni ġuridika tiegħu, peress li huwa biss f’dan il-mument li l-amministrazzjoni tista’ tadotta l-pożizzjoni finali tagħha dwar it-twettiq jew le tal-għanijiet dwar dan il-perijodu u tislet il-konsegwenzi eventwali għall-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tar-rikorrent fir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu.

Minn dan isegwi li l-istabbiliment ta’ għanijiet jikkostitwixxi biss miżura preparatorja, li tippreċedi u li hija neċessarja għad-deċiżjoni finali adottata matul l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni segwenti.

(ara l-punti 24 sa 26 u 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 12 ta’ Lulju 2005, De Bry vs Il-Kummissjoni, T‑157/04, punt 81

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il-Parlament, F‑71/08, punt 51