SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/204/10 — Selezzjoni bbażata fuq kwalifiki — Eliminazzjoni ta’ kandidati mingħajr eżami konkret tad-diplomi u l-esperjenza professjonali tagħhom”

Fil-Kawżi magħquda F‑23/12 u F‑30/12,

li għandhom bħala suġġett rikorsi ppreżentati taħt l-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Jérôme Glantenay, ex membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni Ewropea, residenti fi Brussell (il-Belġju) u tmien uffiċjali oħra, membri tal-persunal, ex membri tal-persunal u esperti nazzjonali kkollokati, ta’ jew mal-Kummissjoni Ewropea, li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness,

rikorrenti fil-kawża F‑23/12,

u

Marco Cecchetto, membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Rovigo (l-Italja),

rikorrent fil-kawża F‑30/12,

irrappreżentati minn C. Mourato, avukat,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u G. Gattinara, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

kompost minn M. I. Rofes i Pujol, President, I. Boruta (Relatur) u K. Bradley, Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2013,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz ta’ rikorsi li waslu fir-Reġistru tat-Tribunal fl-20 ta’ Frar 2012, bir-referenza F-23/12, minn J. Glantenay u tmien rikorrenti oħra, li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness u fil-5 ta’ Marzu 2012, bir-referenza F-30/12, minn M. Cecchetto, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/204/10 li jiċħdu l-kandidatura rispettiva tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Leġiżlazzjoni applikabbli għal kompetizzjoni

2

L-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali ta’ l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrita, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal‑Unjoni.

[…]”

3

L-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Qabel ma jimtela posizzjoni battala f’istituzzjoni, l‑Awtorità tal‑Ħatra għandha […]

[…]

u mbagħad jimxu mal-proċedura tal-kompetizzjonijiet, fuq il-bażi jew ta’ kwalifikazzjonijiet jew ta’ eżamijiet, jekk ta’ kwalifikazzjonijiet kif ukoll ta’ eżamijiet. L-Anness III jippreżenta l-proċedura tal-kompetizzjoni.

Il-proċedura tista’ l-istess tkun segwita għall-iskop biex tkun kostitwita riserva għall-reklutaġġ futur.”

4

Skont l-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-proċedura tal-kompetizzjoni:

“Wara li teżamina [il-fajls tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet stipulati imniżżla fl-Artikolu 28(a), (b) u (ċ) tar-Regolament tal-Persunal] il-Bord ta’ l-Għażla għandha tħejji lista ta’ kandidati, li jħarsu l-ħtiġiet ippreżentati [jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati] fl-avviż tal-kompetizzjoni.

Meta l-kompetizzjonijiet huma fuq il-bażi ta’ l-eżamijiet, il-kandidati kollha fuq il-lista jkunu ammessi għall-eżamijiet.

Meta l-kompetizzjoni hija bbażata fuq il-kwalifiki, wara li jistabbilixxi kif il-kwalifiki tal-kandidati għandu jkunu valutati, il-Bord ta’ l-Għażla għandu jikkunidra l-kwalifiki tal-kandidati li jidhru fuq il-lista pprovduta fl-ewwel paragrafu.

Meta l-kompetizzjonijiet huma bbażati kemm fuq l-eżamijiet kif ukoll fuq il-kwalifiki, il-Bord ta’ l-Għażla għandu jgħid min mill-kandidati fuq il-lista se jkunu ammessi għall-eżamijiet.

Meta jkunu lesti l-proċeduri tagħha, il-Bord ta’ l-Għażla għndha tħejji lista ta’ kandidati xierqa pprovduti fl-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal; kulmeta possibbli l-lista għandu jkun fiha mill-anqas [kandidati] id-doppju tan-numru tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew.

Il-Bord ta’ l-Għażla għandha tgħaddi din il-lista lill-awtorità tal-ħatra, flimkien ma’ rapport bir-raġunijiet mill-Bord ta’ l-Għażla, inklużi xi kummenti li l-membri tagħha jitgħu jixtieq jagħmlu.”

Dispożizzjonijiet tal-avviż ta ’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/204/10

5

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tat-28 ta’ Ottubru 2010 (ĠU C 292 A, p. 1), l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/204/10, li kien emendat (ĠU C 318 A, p. 1), intiż sabiex tinħoloq lista ta’ riżerva ta’ 40 kandidat, sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti ta’ amministraturi fi grad AD 6 fil-qasam tal-ġestjoni ta’ fondi strutturali/fond ta’ koeżjoni (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”).

6

It-Titolu IV, intitolat “A[mmissjoni għall-kompetizzjoni u stedina għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni]”, tal-avviż ta’ kompetizzjoni jsemmi:

“1.

Proċedura

L-eżaminazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi u l-għażla fuq il-bażi tal-kwalifiki l-ewwel isiru skont id-dikjarazzjonijiet li tkun għamilt fl-[applikazzjoni elettronika] tiegħek.

a)

It-tweġibiet tiegħek għall-mistoqsijiet relatati mal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi se jkunu pproċessati sabiex jiġi determinat jekk intix ser tagħmel parti mil-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni.

b)

Imbagħad, il-bord tal-għażla jipproċedi, għall-kandidati mniżżla f’din il-lista, għal għażla fuq il-bażi tal-kwalifiki sabiex jidentifika l-kandidati li għandhom il-kwalifiki l-iktar rilevanti (b’mod speċjali l-lawrji, l-esperjenza professjonali) meta mqabbla mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u l-kriterji tal-għażla deskritti fl-avviż tal-kompetizzjoni. Din l-għażla ssir f’żewġ stadji:

skont l-importanza mogħtija lil kull kriterju msemmi fl-Anness, il-bord tal-għażla jistabbilixxi l-piż (minn 1 sa 3) ta’ kull mistoqsija li tirriżulta minnu. L-ewwel għażla fuq il-bażi tal-kwalifiki ssir skont it-tweġibiet [pożittivi mogħtija] mmarkati fis-sezzjoni ‘evalwazzjoni tal-kapaċitajiet’ tal-applikazzjoni [elettronika] u l-piż ta’ kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet. L-applikazzjonijiet elettroniċi tal-kandidati li jiksbu l-ikbar numru ta’ punti jgħaddu minn tieni għażla. Matul it-tieni għażla, in-numru ta’ fajls eżaminati jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal 3 darbiet in-numru ta’ kandidati mistiedna għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni [jew f’dan il-każ għal 360],

matul it-[tieni] għażla, il-bord tal-għażla jeżamina t-tweġibiet tal-kandidati u jagħti, skont il-kwalifiki tagħhom, marka minn 0 sa 4 għal kull tweġiba u mbagħad din il-marka tiġi mmultiplikata bil-piż ta’ kull mistoqsija.

Wara dan il-bord tal-għażla jistabbilixxi klassifika tal-kandidati skont dawn il-marki. In-numru tal-kandidati mistiedna għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni jikkorrispondi għal 3 darbiet in-numru ta’ kandidati magħżula indikat f’dan l-avviż ta’ kompetizzjoni [jew f’dan il-każ għal 120].

2.

Verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati

Meta joħorġu r-riżultati taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni u fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, id-dikjarazzjonijiet li saru mill-kandidati fl-applikazzjoni elettronika tagħhom jiġu vverifikati mill-EPSO għall-kundizzjonijiet ġenerali u mill-bord tal-għażla għall-kundizzjonijiet speċifiċi u l-għażla fuq il-bażi tal-kwalifiki. Jekk matul din il-verifika jinstab li dawn id-dikjarazzjonijiet mhumiex ikkonfermati mid-dokumenti ta’ prova rilevanti, il-kandidati kkonċernati jkunu esklużi mill-kompetizzjoni.

[…]”

7

L-Anness tal-avviż ta’ kompetizzjoni jipprovdi:

“4.

Kriterji ta’ għażla

Fil-qafas tal-għażla fuq il-bażi tal-kwalifiki, il-bord tal-għażla se jikkunsidra dawn l-elementi li ġejjin:

[…]

2.

Taħriġ addizzjonali f’wieħed mill-oqsma li ġejjin:

l-iżvilupp reġjonali;

l-impjieg, it-taħriġ u l-edukazzjoni;

l-iżvilupp rurali u l-agrikoltura;

is-settur tas-sajd.

3.

Esperjenza professjonali rilevanti fil-qasam tal-ġestjoni, verifika u kontroll u evalwazzjoni tal-programmi u tal-proġetti sostnuti mill-fondi strutturali/fond ta’ koeżjoni, kif ukoll dawk sostnuti mill-FAEŻR u l-FES.

4.

Esperjenza professjonali kif imfissra fil-punt 3 hawn fuq, għajr it-3 snin mitluba.

5.

Esperjenza professjonali f’wieħed mill-oqsma ta’ interventi koperti mill-fondi kkonċernati, b’mod speċjali:

l-infrastrutturi tat-trasport, l-ambjent, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija;

l-addattament taż-żoni urbani u rurali;

l-investimenti produttivi;

ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija;

l-aċċess tal-intrapriżi għall-kreditu u l-inġinerija finanzjarja;

l-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni;

l-iżvilupp rurali u l-agrikoltura;

is-settur tas-sajd.

6.

Esperjenza ta’ negozjati f’organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali.

7.

Esperjenza fir-riċerka akkademika jew fit-tagħlim f’wieħed mill-oqsma li ġejjin:

l-iżvilupp reġjonali;

l-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni;

l-iżvilupp rurali u l-agrikoltura;

l-iżvilupp u r-rikonverżjoni tas-settur tas-sajd.

8.

Pubblikazzjonijiet f’wieħed jew f’diversi minn dawn l-oqsma li ġejjin:

l-iżvilupp reġjonali;

l-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni;

l-iżvilupp rurali u l-agrikoltura;

l-iżvilupp u r-rikonverżjoni tas-settur tas-sajd.

9.

Lawrija fil-livell ta’ master’s relatata mal-esperjenza professjonali kif deskritta fil-punt 3 hawn fuq.

10.

Dottorat relatat mal-esperjenza professjonali kif deskritta fil-punt 3 hawn fuq.”

8

L-applikazzjoni elettronika ta’ kandidatura għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/204/10 li l-kandidati kellhom jimlew b’mod obbligatorju sabiex japplikaw kienet tirreferi, fil-parti intitolata “[E]valwazzjoni tal-kapaċitajiet”, għal disa’ mistoqsijiet, kull waħda maqsuma f’żewġ partijiet, ifformulati kif ġej fil-lingwa Maltija:

“Mistoqsija 2 a:

Għandek taħriġ addizzjonali f’wieħed mill-oqsma li ġejjin: - l-iżvilupp reġjonali; -l-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni; - l-iżvilupp rurali u l-agrikoltura; - is-settur tas-sajd?

Mistoqsija 2 b:

Jekk iva, indika l-isem tal-istituzzjoni li tat it-taħriġ, il-qasam u t-tul ta’ dan it-taħriġ, it-titolu tad-diploma/ċertifikat miksub. Ipprovdi wkoll deskrizzjoni ddettaljata dwar il-kontenut tat-taħriġ.

Mistoqsija 3 a:

Għandek esperjenza professjonali rilevanti fil-qasam tal-ġestjoni, verifika u kontroll u evalwazzjoni tal-programmi u tal-proġetti sostnuti mill-fondi strutturali/fond ta’ koeżjoni, kif ukoll dawk sostnuti mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES)?

Mistoqsija 3 b:

Jekk iva, indika l-isem tal-persuna li timpjega u tat-tul tal-esperjenza. Ipprovdi deskrizzjoni ddettaljata ta’ din l-esperjenza kif ukoll tan-natura tad-dmirijiet tiegħek.

Mistoqsija 4 a:

Għandek esperjenza professjonali, bħal dik deskritta fil-punt 3 tal-Anness tal-avviż ta’ kompetizzjoni, ta’ iktar mit-tliet snin meħtieġa taħt dan il-paragrafu [, jiġifieri fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri amministrattivi, ta’ tfassil, ta’ ġestjoni u ta’ implementazzjoni ta’ programmi u/jew proġetti ta’ investiment iffinanzjati minn fondi pubbliċi jew privati jew b’self, akkwistata wara l-kisba ta’ diploma li tagħti aċċess għal kompetizzjoni]?

Mistoqsija 4 b:

Jekk iva, indika l-isem tal-persuna li timpjega u t-tul tal-esperjenza. Ipprovdi deskrizzjoni ddettaljata ta’ din l-esperjenza kif ukoll tan-natura tad-dmirijiet tiegħek.

Mistoqsija 5 a:

Għandek esperjenza professjonali f’wieħed mill-oqsma ta’ intervent imsemmija mill-fondi kkonċernati, b’mod partikolari: - l-infrastrutturi tat-trasport, l-ambjent, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija; - l-addattament taż-żoni urbani u rurali; - l-investimenti produttivi; - ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-trasferiment tat-teknoloġija; - l-aċċess tal-intrapriżi għall-kreditu u l-inġinerija finanzjarja; - l-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni; - l-iżvilupp rurali u l-agrikoltura; - is-settur tas-sajd? […]

Mistoqsija 5 b:

Jekk iva, indika l-isem tal-persuna li timpjega u t-tul tal-esperjenza. Ipprovdi wkoll deskrizzjoni ddettaljata ta’ din l-esperjenza kif ukoll tan-natura tal-dmirijiet tiegħek.

Mistoqsija 6 a:

Għandek esperjenza professjonali ta’ negozjati f’organizzazzjoni nazzjonali jew organizzazzjoni internazzjonali?

Mistoqsija 6 b:

Jekk iva, speċifika liema organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali rrappreżentajt, il-partijiet involuti, l-għan tan-negozjati kif ukoll l-irwol li inti kellek.

Mistoqsija 7 a:

Għandek esperjenza fir-riċerka akkademika jew fit-tagħlim f’wieħed mill-oqsma segwenti: l-iżvilupp reġjonali; - l-impjiegi, it-taħrig u l-edukazzjoni; - l-iżvilupp rurali u l-agrikoltura; - l-iżvilupp u r-rikonverżjoni tas-settur tas-sajd?

Mistoqsija 7 b:

Jekk iva, indika l-isem tal-istituzzjoni, it-tul kif ukoll is-suġġett tat-tagħlim jew riċerka tiegħek.

Mistoqsija 8 a:

Ippubblikajt f’wieħed jew iktar mill-oqsma li ġejjin: - l-iżvilupp reġjonali; - l-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni; - l-iżvilupp u r-rikonverżjoni tas-settur tas-sajd?

Mistoqsija 8 b:

Jekk iva, indika l-fora, id-dati, it-titoli u/jew is-sorsi rilevanti tal-pubblikazzjoni.

Mistoqsija 9 a:

Għandek master relatat mal-esperjenza professjonali deskritta fil-punt 3 tal-Anness tal-avviż ta’ kompetizzjoni?

Mistoqsija 9 b:

Jekk iva, indika t-titolu eżatt tad-diploma tiegħek, l-isem tal-istabbiliment li tahielek kif ukoll id-data li fiha ngħatat.

Mistoqsija 10 a:

Għandek dottorat relatat mal-esperjenza professjonali deskritta fil-punt 3 tal-Anness tal-avviż ta’ kompetizzjoni?

Mistoqsija 10 b:

Jekk iva, indika t-titolu eżatt tad-diploma tiegħek, l-isem tal-istabbiliment li tahielek kif ukoll id-data li fiha ngħatat.”

Dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kompetenza tal-EPSO u tal-Kummissjoni Ewropea

9

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew, tal-25 ta’ Lulju 2002, li tistabbilixxi l-Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46):

“1.   L-[EPSO] għandu jeserċita s-setgħa ta’ l-għażla mogħti lilu taħt l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u taħt l-Anness III tagħhom meta l-awtoritajiet tal-ħatra ta’ l-istituzzjonijiet jiffirmaw din id-deċiżjoni. […]”

10

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/620 dwar talbiet, ilmenti u appelli jipprovdi:

“Skond l-Artikolu 91a tar-Regolamenti tal-Persunal, talbiet u ilmenti li huma marbuta ma’ l-eżerċitazzjoni tal-poteri mogħtija fl-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-[EPSO]. Kull appell f’dawn l-oqsma għandu jitressaq kontra l-Kummissjoni.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

11

Ir-rikorrenti applikaw għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/204/10.

12

Fl-14 ta’ Diċembru 2010, l-EPSO nnominat bħala membri tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/204/10 (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Għażla”):

president, L. Nigri;

membri nnominati mill-amministrazzjoni, A. Serizier, D. Levieil u C. Combette;

membri nnominati mill-Kumitat tal-Persunal, D. Rapacciuolo, J.-Ph. Raoukt u C. Scano;

membri supplimentari nnominati mill-amministrazzjoni, M. Schelfhout u P. Nicolas;

membri supplimentari nnominati mill-Kumitat tal-Persunal, P. Stendera-Bzdela u L. Casanovas.

13

Fl-20 ta’ Jannar 2011, wara r-rinunzja ta’ P. Nicolas, E. Bokias kien innominat membru supplimentari tal-Bord tal-Għażla mill-amministrazzjoni.

14

Matul il-laqgħat miżmuma fis-7, 11, 14, 15, 16 u 24 ta’ Frar 2011 u tat-2 u 3 ta’ Marzu 2011, il-membri tal-Bord tal-Għażla stabbilixxew il-kunsiderazzjoni ta’ kull kriterju stabbilit mill-avviż ta’ kompetizzjoni u riprodotti bħala mistoqsijiet fil-parti “[E]valwazzjoni tal-kapaċitajiet” tal-applikazzjoni ta’ kandidatura (iktar ’il quddiem il-“laqgħat preparatorji”).

15

Fl-24 ta’ Jannar 2011, wara r-rinunzja ta’ C. Scano u L. Casanovas, F. J. Alvarez Hidalgo u M. F. Negru ġew innominati rispettivament membru u membru supplimentari mill-Kumitat tal-Persunal.

16

Fis-17 ta’ Marzu 2011, wara r-rinunzja ta’ A. Serizier u M. Schelfhout, C. Sauvaget u E. Rodriguez ġew innominati rispettivament membru u membru supplimentari mill-amministrazzjoni.

17

F’data indeterminata, bejn it-3 ta’ Marzu u t-13 ta’ April 2011, il-Bord tal-Għażla pproċeda bis-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki prevista fit-Titolu IV tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

18

Waqt l-ewwel stadju ta’ selezzjoni, il-Bord tal-Għażla ta għal kull tweġiba pożittiva mogħtija għall-ewwel parti ta’ kull waħda mid-disa’ mistoqsijiet li jinsabu fil-parti “[E]valwazzjoni tal-kapaċitajiet” tal-applikazzjoni ta’ kandidatura, in-numru ta’ punti li jikkorrispondu għall-kunsiderazzjoni ta’ din il-mistoqsija kif stabbilit waqt il-laqgħat preparatorji. Wara dan l-eżerċizzju, il-Bord tal-Għażla stabbilixxa l-livell ta’ punti sabiex jintgħażel numru ta’ kandidati l-eqreb possibbli għal 360, ċifra korrispondenti, kif imsemmi fl-avviż ta’ kompetizzjoni, għal tliet darbiet tan-numru ta’ kandidati mistiedna fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni. Fid-dawl tan-numru ta’ punti miksuba mill-kandidati, dan il-livell ġie stabbilit għal 16 li wassal sabiex jiġu ammessi 316 kandidat biss għat-tieni stadju ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki.

19

Waqt it-tieni stadju, wara eżami tar-rilevanza tad-diplomi u tal-esperjenza professjonali ppreżentati mill-kandidati bi tweġiba għat-tieni parti tad-disa’ mistoqsijiet tal-parti “[E]valwazzjoni tal-kapaċitajiet”, il-Bord tal-Għażla mmultiplika n-numru ta’ punti miksuba fl-ewwel stadju għal kull tweġiba pożittiva tal-kandidati, b’koeffiċjent bejn 0 u 4. Wara dan l-eżerċizzju, il-Bord tal-Għażla stieden fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni numru ta’ kandidati korrispondenti għal mhux iktar minn tliet darbiet tan-numru ta’ kandidati magħżula indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

20

Permezz ta’ ittri tat-13 ta’ April 2011, l-EPSO informa lil D. Bonagurio, M. Cecchetto, A. Gecse, J. Glantenay, B. Gorgol, A. Kalames u K. Skrobich kif ukoll lil I. Venckunaite u M. Załęska li peress li kisbu total ta’ punti inqas mil-livell ta’ 16-il punt stabbilit mill-Bord tal-Għażla waqt l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, għal kull kriterju li jinsab fl-Anness tal-avviż ta’ kompetizzjoni u wara kunsiderazzjoni, il-kandidaturi tagħhom kienu ġew miċħuda, mingħajr ma ġew eżaminati fil-kuntest tat-tieni stadju tas-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki prevista fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

21

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 2011, I. Cruceru kienet informata li isimha ma kienx inkluż fil-lista ta’ kandidati ammessi għall-eżamijiet fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, għaliex fit-tmiem taż-żewġ stadji ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, hija kienet kisbet biss 27 punt, jiġifieri inqas mill-34 punt mogħtija lill-aħħar kandidat mistieden fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni.

22

Fl-20 ta’ April 2011, peress li l-EPSO kkonstata li n-numru ta’ membri permanenti nnominati kien ogħla min-numru meħtieġ, D. Rapacciuolo aċċetta li jirrinunzja milli jkun parti mill-Bord tal-Għażla.

23

Fid-29 ta’ April 2011, l-EPSO nnomina “numru supplimentari ta’ membri mhux permanenti tal-Bord tal-Għażla”, jiġifieri, fil-kwalità ta’ membri nnominati mill-Kumitat tal-Persunal, G. Groppi u N. Pipiliagkas u fil-kwalità ta’ membri supplimentari nnominati mill-Kumitat tal-Persunal, M. Robert u J. Perez Escanilla. Skont il-Kummissjoni, dawn in-nominazzjonijiet ġodda kienu sussegwenti għar-rinunzja ta’ D. Rapacciuolo u J. Alvarez Hidalgo kif ukoll ta’ F. Negru u P. Stendera-Bzdela.

24

Fil-25 ta’ Mejju 2011, wara r-rinunzja ta’ J. Perez Escanilla, I. Sotirchos ġie nnominat membru supplimentari mill-Kumitat tal-Persunal.

25

Fis-27 ta’ Mejju 2011, ġiet ippubblikata l-lista tal-membri tal-Bord tal-Għażla.

26

Ir-rikorrenti, bl-eċċezzjoni ta’ A. Kalamees u M. Załęska, ippreżentaw talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li jiċħdu l-kandidatura rispettiva tagħhom, liema talbiet ġew kollha miċħuda.

27

Ir-rikorrenti kollha ppreżentaw ilment, abbażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tiċħad il-kandidatura tagħhom. Dawn l-ilmenti ġew miċħuda mill-Awtorità tal-Ħatra permezz ta’ deċiżjonijiet adottati bejn id-9 u l-25 ta’ Novembru 2011.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28

Fil-Kawża F‑23/12, ir-rikorrenti jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

permezz ta’ digriet interlokutorju, jordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-kalkoli kollha magħmula fil-laqgħat dwar il-kompetizzjoni EPSO/AD/204/10 mill-kapijiet tal-unità tal-EPSO u l-minuti kollha tal-laqgħat tal-Bord tal-Għażla, li nżammu bejn id-9 ta’ Diċembru 2010 u s-27 ta’ Mejju 2011;

jannulla d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla li jiċħdu l-kandidatura tagħhom;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29

Fil-Kawża F-30/12, ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

jordna li din il-Kawża tingħaqad mal-Kawża F-23/13, Glantenay et vs Il-Kummissjoni minħabba konnessjoni;

permezz ta’ digriet interlokutorju, jordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-kalkoli kollha magħmula fil-laqgħat dwar il-kompetizzjoni EPSO/AD/204/10 mill-kapijiet tal-unità tal-EPSO u l-minuti kollha tal-laqgħat tal-Bord tal-Għażla, dwar il-kompetizzjoni EPSO/AD/204/10, li nżammu bejn id-9 ta’ Diċembru 2010 u s-27 ta’ Mejju 2011;

jannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li tiċħad il-kandidatura tiegħu;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-22 ta’ Mejju 2012, il-Kawżi F‑23/12 u F‑30/12 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza finali.

31

Il-Kummissjoni ppreżentat risposta waħda, komuni għaż-żewġ kawżi. F’din ir-risposta, hija titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

jiċħad ir-rikorsi, bħala parzjalment manifestament inammissibbli, u bħala parzjalment infondati fid-dritt;

jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

32

Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrenti indikaw li riedu jressqu talba ġdida għall-annullament tar-riżultati kollha tal-kompetizzjoni jew tal-inqas jestendu t-talbiet tagħhom, peress li din it-talba kienet diġà tressqet fir-rikorsi tagħhom.

Dwar it-talba ta ’ miżuri interlokutorji

33

Fir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti talbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sabiex b’mod interlokutorju, jordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-kalkoli kollha magħmula fil-laqgħat dwar il-kompetizzjoni EPSO/AD/204/10 tal-kapijiet tal-unità tal-EPSO u l-minuti kollha tal-laqgħat tal-Bord tal-Għażla, li nżammu bejn id-9 ta’ Diċembru 2010 u s-27 ta’ Mejju 2011. Madankollu, fid-dawl tad-dokumenti annessi mill-partijiet mal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ġew ordnati, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li għandu informazzjoni biżżejjed sabiex jiddeċiedi dwar ir-rikors u ddeċieda li ma hemmx lok li jilqa’ din it-talba tar-rikorrenti.

Dwar it-talbiet għall-annullament tar-riżultati kollha tal-kompetizzjoni

34

Hemm lok li jiġi kkonstatat li skont l-Artikolu 35 tar-Regoli tal-Proċedura, huma biss it-talbiet esposti fir-rikors promotur li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni u li, għalhekk, ħlief sabiex tibdel is-suġġett tat-tilwima, fil-prinċipju, parti ma tistax, matul il-proċedura, tressaq talbiet ġodda jew testendi s-suġġett tat-talbiet eżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1965, Krawczynski vs Il-Kummissjoni, 83/63). Huwa biss fil-preżenza ta’ element ġdid li jista’ jaffettwa s-suġġett tar-rikors, bħal b’mod partikolari, l-adozzjoni matul il-kawża ta’ att li jħassar u jissostitwixxi dak attakkat, li rikorrent jista’ jadatta t-talbiet tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, 14/81, punt 8).

35

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li għalkemm ir-rikorrenti indikaw fl-espożizzjoni tal-motivi li jinsabu fir-rikorsi tagħhom li jidhrilhom li huwa neċessarju li jikkontestaw ir-riżultati kollha tal-kompetizzjoni, ma jistax jiġi dedott, għall-kuntrarju ta’ dak li huma qed jippretendu, li billi għamlu dan, huma esponew talbiet għall-annullament tar-riżultati kollha tal-kompetizzjoni fir-rikorsi tagħhom.

36

Għalhekk, u fil-kunsiderazzjoni barra minn hekk li hija ġurisprudenza stabbilita li s-suġġett tat-tilwima għandu jkun ċar u preċiż biżżejjed sabiex jippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu (digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-28 ta’ Settembru 2011, Kyriazi vs Il-Kummissjoni, F-66/06, punt 42), it-talbiet għall-annullament tar-riżultati kollha tal-kompetizzjoni għandhom jitqiesu li tressqu l-ewwel darba waqt is-seduta. Barra minn hekk, peress li l-preżentazzjoni tardiva tagħhom, matul il-kawża, ma hijiex immotivata billi seħħ element ġdid li jista’ jaffettwa s-suġġett tat-tilwima, dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

Dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla li jiċħdu l-kandidatura tar-rikorrenti

37

Insostenn tat-talbiet tagħhom kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla li jiċħdu l-kandidatura tagħhom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), ir-rikorrenti invokaw formalment tliet motivi, ippreżentati bħala bbażati fuq:

il-“ksur tal-forom proċedurali sostanzjali marbuta mad-data possibilment tardiva tal-kostituzzjoni tal-Bord tal-Għażla […] u t-tibdiliet sinjifikattivi tal-kompożizzjoni tiegħu matul iż-żmien”;

l-“eċċezzjoni tal-illegalità [tal-]ksur tal-Artikoli 27 u 29[1] tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-punt IV.1.b ab initio tal-avviż ta’ kompetizzjoni [, u tal-]iżball manifest ta’ evalwazzjoni konsegwenti”;

il-“ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati waqt is-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki”.

38

Għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-ewwel motiv, li r-rikorrenti qajmu tlett ilmenti li lkoll jirrigwardaw ir-regoli tal-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni. Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jinftiehem li huwa bbażat mhux biss fuq difett proċedurali, iżda b’mod iktar wiesa’ fuq il-ksur tar-regoli dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-Bord tal-Għażla.

39

Għal dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet motivi, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li bl-eċċezzjoni tal-ilment ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, dawn il-motivi għandhom jinftiehmu bħala li huma bbażati fuq l-illegalità, bħala eċċezzjoni, tal-avviż tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti insostenn ta’ dawn iż-żewġ motivi huma intiżi, essenzjalment, sabiex jikkontestaw il-legalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni sa fejn dan jipprovdi, matul l-ewwel stadju ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, għall-eliminazzjoni ta’ ċerti kandidati abbażi biss tan-numru ta’ tweġibiet pożittivi mogħtija fl-ewwel parti tad-disa’ mistoqsijiet previsti fil-parti “[E]valwazzjoni tal-kapaċitajiet” tal-applikazzjoni tal-kandidatura, mingħajr mal-Bord tal-Għażla jistħarreġ il-veraċità ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u jivverifika r-rilevanza tad-diplomi u l-kwalifiki professjonali tagħhom. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrenti kkonfermaw li t-tieni u t-tielet motiv jiffurmaw wieħed, ibbażat fuq l-eċċezzjoni tal-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

40

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti qajmu motiv ġdid, ibbażat fuq il-ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni peress li, filwaqt li l-avviż jipprovdi, fl-opinjoni tagħhom, li l-Bord tal-Għażla kellu jagħżel 360 kandidat sabiex jipparteċipaw fit-tieni fażi tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, huwa għażel biss 316. Għalhekk, u fid-dawl tal-kuntest ta’ din il-kawża, dan il-motiv ser jiġi eżaminat qabel dak ibbażat fuq l-eċċezzjoni tal-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

41

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motivi mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet għall-annullament għandhom jinftiehmu bħala li huma bbażati fuq:

il-ksur tar-regoli dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-Bord tal-Għażla;

l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni;

il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni;

l-eċċezzjoni tal-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-Bord tal-Għażla

42

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Bord tal-Għażla ma kienx ikkostitwit fil-bidu tas-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, u lanqas meta kienet deċiża l-kunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Bord tal-Għażla responsabbli mill-evalwazzjoni tal-kandidati ta’ kompetizzjoni għandu neċessarjament ikun ikkostitwit qabel ma tibda s-selezzjoni tal-kandidati, Bord tal-Għażla għandu jitqies li huwa kkostitwit meta l-membri kollha tiegħu jkunu nnominati mill-Awtorità tal-Ħatra għall-ewwel darba. Fil-fatt, jekk minħabba r-rinunzja ta’ ċerti membri tiegħu, il-kompożizzjoni ta’ dan il-Bord tal-Għażla tista’ tinbidel, din iċ-ċirkustanza ma jistax ikollha effett retroattiv fuq id-data li fih l-imsemmi Bord tal-Għażla għandu jitqies li huwa kkostitwit.

44

F’dan il-każ, mill-fajl jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra nnominat għall-ewwel darba l-membri kollha tal-Bord tal-Għażla fl-14 ta’ Diċembru 2010. Issa, il-kunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni ġiet stabbilita waqt il-laqgħat preparatorji u l-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki seħħet bejn it-3 ta’ Marzu u l-14 ta’ April 2011. Għalhekk, l-ewwel ilment imressaq mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat fil-fatt.

45

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti lmentaw li l-EPSO dam ma ppubblika l-kompożizzjoni definittiva tal-Bord tal-Għażla, peress li din saret wara li ġew adottati d-deċiżjonijiet ikkontestati.

46

Dwar dan il-punt, hemm lok li jiġi rrilevat li, jekk jiġi preżunt li l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li tippubblika l-kompożizzjoni ta’ kull Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni qabel il-bidu tal-eżamijiet, l-osservanza ta’ dan l-obbligu ma tikkostitwixxix forma proċedurali sostanzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jista’ jwassal għan-nullità tad-deċiżjonijiet meħuda minn Bord tal-Għażla, ħlief jekk tkun tali li jkollha effett fuq l-imsemmija deċiżjonijiet jew li tkun ċaħdet lill-kandidati minn garanzija. Minn naħa, il-konoxxenza tal-identità tal-membri ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni ma hijiex tali li taffettwa l-possibbiltà ta’ suċċess ta’ kandidat, peress li s-selezzjoni tal-kandidati titwettaq fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-avviż ta’ kompetizzjoni u mhux skont l-identità tal-membri tal-imsemmi Bord tal-Għażla. Min-naħa l-oħra, jekk il-pubblikazzjoni tal-lista tal-membri ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandha l-iskop li tippermetti lill-kandidati li jiżguraw in-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess fi ħdan xi wieħed mill-membri tal-Bord tal-Għażla li huma jidhru quddiemu, ir-rikorrenti ma jallegawx li tali kunflitt ta’ interess kien jeżisti f’dan il-każ. Barra minn hekk, b’mod iktar ġenerali, il-pubblikazzjoni tardiva tal-lista ta’ membri ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni ma tistax iċċaħħad lill-kandidati minn garanzija, ladarba huwa dejjem possibbli li huma jipprevalixxu ruħhom minn eventwali kunflitt ta’ interess permezz ta’ rikors ulterjuri magħmul kontra d-deċiżjoni tal-imsemmi Bord tal-Għażla li ma jinkludihomx fil-lista ta’ riżerva.

47

Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, sabiex jiġi miċħud it-tieni lment, li ma jirriżulta la mir-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas mill-avviż ta’ kompetizzjoni li l-EPSO kellu, f’dan il-każ, l-obbligu li jippubblika l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla.

48

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jiddikjaraw li, waqt is-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla ma kellhiex numru suffiċjenti ta’ membri jew, tal-inqas, ma kinitx stabbli.

49

F’dan ir-rigward, għalkemm ġie deċiż li sabiex tiġi ggarantita lill-kandidati, waqt l‑eżami orali, il-koerenza u l-oġġettività tal-evalwazzjonijiet, u fid-dawl tan-natura komparattiva ta’ kompetizzjoni, hija neċessarja l-preżenza tal-membri kollha tal‑Bord tal-Għażla, jew tal-inqas iż-żamma ta’ ċerta stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-29 ta’ Settembru 2010, Brune vs Il-Kummissjoni, F-5/08, punt 41 u Honnefelder vs Il-Kummissjoni, F-41/08, punt 36), hemm lok li jiġi enfasizzat li ż-żamma ta’ din l-istabbiltà ma tidhirx li hija neċessarja, sabiex tkun żgurata l‑osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, f’dak li jirrigwarda l‑eżamijiet bil-miktub. Fil-fatt, membru tal-Bord tal-Għażla li ma kienx preżenti meta l-membri l-oħra tal-Bord tal-Għażla eżaminaw l-applikazzjoni ta’ kandidat, jista’, jekk huwa jqis neċessarju, jeżamina a posteriori l-imsemmija applikazzjoni sabiex iqabbilha ma’ oħrajn u, konsegwentement, jipparteċipa b’mod attiv fl-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-26 ta’ Jannar 2005, Roccato vs Il-Kummissjoni, T-267/03, punt 38).

50

Peress li f’dan il-każ l-applikazzjonijiet elettroniċi ta’ kandidatura setgħu, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett a posteriori ta’ eżami minn membru tal-Bord tal-Għażla li kien assenti meta l-kollegi tiegħu eżaminawhom, għandu jiġi kkonstatat li ż-żamma ta’ ċerta stabbiltà fil-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, kif meħtieġ għall-eżamijiet orali, ma hijiex neċessarja. Konsegwentement, it-tielet ilment imressaq mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

51

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

52

Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi l-espożizzjoni tal-motivi u argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati. Fil-fatt, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex ilment ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess, sabiex il-parti konvenuta tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-10 ta’ Novembru 2011, Merhzaoui vs Il-Kunsill, F-18/09, punt 43). Issa, f’dan il-każ, minkejja li r-rikorrenti jirreferu għal żball manifest ta’ evalwazzjoni, dawn tal-aħħar ma ppreċiżawx madankollu f’liema rigward l-awtur ta’ dawn id-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri l-Bord tal-Għażla, ikkommetta tali vizzju ta’ legalità interna. Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ spjegazzjoni suffiċjenti.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni

53

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti qajmu motiv ġdid ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Għażla interpreta b’mod żbaljat l-avviż ta’ kompetizzjoni billi fit-tieni stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni aċċetta 316-il kandidat biss meta skont l-imsemmi avviż, dan in-numru kellu jkun 360.

54

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprojbixxi li jitqajmu motivi ġodda wara l-ewwel skambju ta’ noti, sakemm dawn ma jkunux ibbażati fuq punti li qamu matul il-proċedura (sentenza Merhzaoui vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Peress li f’dan il-każ, ir-rikorrenti bbażaw il-motiv tagħhom fuq punt li nkixef matul il-proċedura, jiġifieri li kienu biss 316-il kandidat li ġew ammessi sabiex jipparteċipaw fit-tieni fażi tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, dan il-motiv għandu jitqies li huwa ammissibbli.

55

Fir-rigward tal-fondatezza tal-motiv, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, għalkemm l-avviż ta’ kompetizzjoni jipprovdi li n-numru ta’ fajls eżaminati waqt it-tieni stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki jikkorrispondi għal tliet darbiet tan-numru ta’ kandidati mistiedna fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, huwa jippreċiża li din iċ-ċifra ma hijiex vinkolanti, iżda “approssimattiva”. Min-naħa l-oħra, mill-imsemmi avviż jirriżulta espressament li n-numru ta’ kandidati mistiedna fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, “jikkorrispondi għal 3 darbiet in-numru ta’ kandidati” indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni. B’hekk peress li n-numru ta’ fajls eżaminati fit-tieni stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki jiddependi min-numru ta’ kandidati li jistgħu jiġu mistiedna fiċ-ċentu ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-avviż ta’ kompetizzjoni b’mod impliċitu, iżda neċessarjament, ried jagħti numru ta’ fajls eżaminati waqt it-tieni stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni li ma huwiex vinkolanti.

56

Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk sostnuta mill-fatt li l-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki hija maħsuba b’tali mod li n-numru ta’ kandidati ammessi għat-tieni stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki jiddependi minn livell li ma jistax ikun iddeterminat b’mod preċiż qabel ma jkunu magħrufa l-kandidati kollha, peress li dan il-livell jiddependi fuq in-numru tagħhom u n-numru ta’ punti li dawn tal-aħħar jiksbu permezz tat-tweġibiet tagħhom għall-ewwel parti ta’ kull mistoqsija magħmula fil-parti “[E]valwazzjoni tal-kapaċitajiet” tal-applikazzjoni elettronika tal-kandidatura tagħhom.

57

Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eċċezzjoni tal-illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

58

Ir-rikorrenti jiddikjaraw essenzjalment li d-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni dwar l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki huma illegali, għaliex wasslu għall-eliminazzjoni ta’ kandidati abbażi tan-numru ta’ tweġibiet pożittivi mogħtija fil-parti “[E]valwazzjoni tal-kapaċitajiet” tal-applikazzjoni elettronika tal-kandidatura. Madankollu, l-eliminazzjoni tal-kandidati mingħajr eżami konkret tad-diplomi u kwalifiki tagħhom mill-Bord tal-Għażla huwa kuntrarju, fl-ewwel lok għall-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi li kompetizzjoni intiża għar-reklutaġġ ta’ persuni li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza u effiċjenza, kif ukoll għall-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, kif interpretat mill-ġurisprudenza, liema dispożizzjoni tipprovdi li l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandu jipproċedi bl-eżami konkret tad-diplomi tal-kandidati, fit-tieni lok, għat-taqsim tal-kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, kif jirriżulta mill-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u, fit-tielet lok, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-avviż ta’ kompetizzjoni jwasslu li l-kandidati li għandhom l-istess diplomi u l-istess esperjenzi bħal dawk ta’ kandidati oħra ammessi għat-tieni stadju jiġu eliminati fit-tmiem tal-ewwel stadju unikament minħabba l-fatt li, minħabba nuqqas ta’ kjarezza, dawn setgħu jqisu li ma jissodisfawx il-kriterji meħtieġa.

59

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-kriterji ta’ selezzjoni f’dawn il‑mistoqsijiet ma humiex ċari. Fil-fatt, l-applikazzjoni elettronika ta’ kandidatura tuża fil-verżjoni Ingliża tagħha l-kunċett ta’ “master”, filwaqt li fil-verżjoni Franċiża tagħha, hija tirreferi għall-kunċett ta’ “maîtrise”. Barra minn hekk, l‑imsemmija applikazzjoni tuża l-kunċetti ta’ “edukazzjoni” u ta’ “pubblikazzjonijiet”, meta dawn tal-aħħar huma ekwivoċi.

60

Bħala difiża, il-Kummissjoni tqis li l-motiv huwa inammissibbli kollu kemm hu għar-raġuni li, peress li r-rikorrenti ma kkontestawx l-avviż ta’ kompetizzjoni permezz ta’ azzjoni fit-termini, huma ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tiegħu bħala eċċezzjoni. Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li l-ilment dwar il-ksur ta’ qsim ta’ kompetenzi bejn il-Bord tal-Għażla u l-Awtorità tal-Ħatra huwa inammissibbli għar-raġuni li ma tqajjimx mir-rikorrenti fl-istadju prekontenzjuż. Fil-fatt, fl‑ilmenti tagħhom, ir-rikorrenti rreferew biss għall-ilmenti dwar il-legalità interna tad-deċiżjonijiet ikkontestati, bl-esklużjoni ta’ kull ilment dwar il-legalità esterna tal-imsemmija deċiżjonijiet, li hija l-kategorija li fiha jaqa’ l-ilment kontenzjuż, għaliex huwa marbut mal-kompetenza tal-Bord tal-Għażla.

61

Fuq il-mertu, il-Kummissjoni tfakkar, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-metodu ta’ selezzjoni huwa kuntrarju għall-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni. Issa, hija tqis li l-eliminazzjoni ta’ ċerti kandidati abbażi tan-numru ta’ tweġibiet pożittivi mogħtija għal mistoqsijiet dwar id-diplomi u esperjenzi professjonali tagħhom jikkostitwixxi metodu ta’ selezzjoni xieraq, għaliex jippermetti li ssir selezzjoni speċifika tal-kandidati, u dan f’qasam speċifiku ħafna. Barra minn hekk, l-użu ta’ dan il-metodu kien neċessarju f’dan il-każ, għaliex, ikkunsidrat in-numru kbir ta’ kandidati li applikaw għall-kompetizzjoni, ma setax ikun rikjest mill-Bord tal-Għażla li jeżamina mill-bidu tal-proċedura ta’ selezzjoni l-fajls kollha ta’ kandidatura. Huwa minnu li, essenzjalment, din il-proċedura ta’ selezzjoni tinkludi r-riskju li ċerti kandidati fost l-aħjar jiġu eliminati, għaliex naqsu milli jirrispondu b’mod pożittiv għal ċerti mistoqsijiet minkejja li kienu jissodisfaw il-kriterji mitluba. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-kandidati kienu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw jekk kellhomx jirrispondu b’mod pożittiv għal ċerti mistoqsijiet, peress li fi kwalunkwe każ, huma kellhom jinterpretaw bi flessibbiltà l-mistoqsijiet kif ukoll id-diplomi u l-esperjenzi professjonali tagħhom. Rigward iċ-ċirkustanza li l-Bord tal-Għażla ma jistħarriġx ir-rilevanza tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati ħlief fit-tieni stadju tas-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, il-Kummissjoni tqis li tali ċirkustanza ma għandhiex effett fuq il-legalità tal-metodu ta’ selezzjoni, peress li xorta jibqa’ l-fatt li grazzi għal dan l-istħarriġ, persuna li b’mod żbaljat irrispondiet pożittivament għal ċerti mistoqsijiet ma tistax tistenna li tkun mistiedna fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni. Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti dwar l-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mill-Bord tal-Għażla, il-Kummissjoni tenfasizza li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew effettivament adottati mill-Bord tal-Għażla u li dan tal-aħħar eżerċita l-kompetenza tiegħu billi ddeċieda kemm għandhom jingħataw piż il-mistoqsijiet u billi għadd it-tweġibiet mogħtija mill-kandidati.

62

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti rigward eventwali ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kummissjoni targumenta li dan l-ilment huwa infondat peress li, għall-kuntrarju tal-kandidati ammessi sabiex jipparteċipaw fit-tieni stadju, ir-rikorrenti ma jissodisfawx il-kriterji meħtieġa sabiex jagħmlu dan.

63

Rigward in-nuqqas ta’ ċarezza ta’ ċerti kriterji, il-Kummissjoni tikkontesta li dawn tal-aħħar huma ambigwi. Fil-fatt, jekk l-applikazzjoni elettroniku ta’ kandidatura tuża fil-verżjoni Franċiża tagħha t-terminu “maîtrise”, ma jista’ jkun hemm ebda ekwivoku, mill-qari tal-avviż ta’ kompetizzjoni, rigward il-fatt li dan it-terminu jirreferi għal diploma ta’ speċjalizzazzjoni miksuba minn studji postuniversitarji. L-istess japplika għat-terminu “edukazzjoni”. Fil-fatt, ir-rikorrenti setgħu jiddeduċu mill-fatt li l-applikazzjoni elettronika ta’ kandidatura ma tippreċiżax li din l-edukazzjoni kellha tkun akkademika, filwaqt li din il-preċiżjoni ngħatat għal dak li jirrigwarda l-esperjenza f’termini ta’ riċerka li kienet meħtieġa, li l-edukazzjoni intiża ma kinitx neċessarjament limitata għall-qasam universitarju. Fir-rigward tal-kriterju dwar il-pubblikazzjonijiet, ir-rikorrenti ma spjegawx kif kien hemm konfużjoni f’dan ir-rigward.

64

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li anki jekk jiġi preżunt li l-avviż ta’ kompetizzjoni huwa illegali, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma għandhomx jiġu annullati, peress li irregolarità proċedurali, li magħha hija marbuta din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, ma hijiex tali li tivvizzja dawn id-deċiżjonijiet ħlief jekk jiġi stabbilit li fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità l-imsemmija deċiżjonijiet seta’ kellhom kontenut differenti. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma urewx li kieku l-Bord tal-Għażla pproċeda b’eżami konkret tal-fajl tagħhom, huma kienu jiġu ammessi għat-tieni stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki.

– Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

65

Qabel xejn, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-motiv kollu dwar il-fatt li r-rikorrenti ma kkontestawx l-avviż ta’ kompetizzjoni fit-termini, huwa biżżejjed li jitfakkar, sabiex tiġi miċħuda, li rikorrent għandu dritt li jipprevalixxi ruħu, waqt rikors kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, mill-irregolaritajiet kollha mwettqa matul l‑iżvolġiment tal-kompetizzjoni, inkluż dawk li l-oriġini tagħhom jista’ jinstab fit‑test stess tal-avviż ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Noonan, C-448/93 P, punt 17). Fil-fatt, sakemm il-kandidaturi tar-rikorrenti ma kinux miċħuda mill-Bord tal-Għażla, l-interess ġuridiku tagħhom kontra l-avviż ta’ kompetizzjoni baqa’ inċert, b’tali mod li ma jistgħux jiġu kkritikati li ma kkontestawx l-imsemmi avviż fit-termini previsti fl-Artikolu 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

66

Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà magħmula kontra l-ilment ibbażat fuq li l-ewwel stadju tas-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki tikser ir-regoli tal-qsim ta’ kompetenzi bejn il-Bord tal-Għażla u l-Awtorità tal‑Ħatra, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-regola ta’ konkordanza tipprojbixxi li r‑rikors jibdel il-kawża tal-ilment, peress li dan l-aħħar kunċett ta’ “kawża” għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa. Fir-rigward tat-talbiet għal annullament, bil-“kawża tat‑tilwima” għandu jinftiehem il-kontestazzjoni mir-rikorrent tal-legalità interna tal-att ikkontestat jew alternattivament, il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament, F-45/07, punt 119).

67

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-ilment imsemmi iktar ’il fuq huwa inammissibbli peress li huwa bbażat fuq il-premessa li dan jirrigwarda problema ta’ inkompetenza tal-awtur tal-att u li, b’dan il-fatt, huwa jirrigwarda vizzju ta’ legalità esterna, filwaqt li l-vizzji mressqa mir-rikorrenti fl-ilmenti tagħhom jirrigwardaw unikament vizzji ta’ legalità interna.

68

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa li fuqha l-Kummissjoni tibbaża r-raġunament tagħha hija żbaljata. Fil-fatt ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-kompetenza tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni li tadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda jsostnu, essenzjalment, li l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tipprovdi metodu ta’ selezzjoni bbażat biss fuq in-numru ta’ tweġibiet pożittivi mogħtija mill-kandidati għall-mistoqsijiet dwar il-kwalifiki u l-esperjenzi professjonali tagħhom, mingħajr ma tipprovdi għall-eżami konkret mill-Bord tal-Għażla tar-rilevanza tal-imsemmija kwalifiki u esperjenzi professjonali. B’hekk, bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-ilment espost mir-rikorrenti jirrigwarda l-legalità interna, u mhux esterna, tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċċepita mill-Kummissjoni tista’ tkun miċħuda, peress li huwa stabbilit li r-rikorrenti qajmu fl-ilmenti tagħhom tal-inqas vizzju wieħed ta’ legalità interna, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat, għal kull wieħed mill-imsemmija lmenti, jekk dawn jinkludux ilment dwar il-legalità esterna tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

69

Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-motiv, hemm lok li jitfakkar li l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni għandha l-iskop li timla l-pożizzjonijiet li għadhom vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet u li, għalhekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 u mill-Artikolu 4 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tistabbilixxi l-avviż ta’ kompetizzjoni u għal dan il-għan li tiddeċiedi l-metodu ta’ selezzjoni tal-kandidati l-iktar xieraq, skont ir-rekwiżiti marbuta mal-pożizzjoni li trid timtela u, b’mod iktar ġenerali, mal-interess tas-servizz (ara, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Blackler vs Il-Parlament, T-420/04, punt 45).

70

Madankollu, għandu jkun enfasizzat li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali mill-Awtorità tal-Ħatra, ikun xi jkun in-numru ta’ persuni li jistgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjoni inkwistjoni, isib b’mod neċessarju l-limitu tiegħu fl-osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tad-dritt. Minn dan isegwi li l-metodu magħżul mill-Awtorità tal-Ħatra għandu, fl-ewwel lok, ikun intiż għar-reklutaġġ tal-persuni li għandhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza u effiċjenza, skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, fit-tieni lok, skont l-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa rriżervat għal Bord tal-Għażla indipendenti d-dmir li jevalwa, każ b’każ, jekk id-diplomi pprovduti jew l-esperjenza professjonali ta’ kull kandidat tikkorrispondix għal-livell meħtieġ mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-avviż ta’ kompetizzjoni (sentenza Blackler vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23) u fit-tielet lok, għandu jwassal għas-selezzjoni koerenti u oġġettiva tal-kandidati.

71

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-metodu ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki użat mill-Awtorità tal-Ħatra fl-avviż ta’ kompetizzjoni waqt l-ewwel stadju, jikkonsisti f’li r-rikorrenti jiġu mistoqsija, permezz ta’ kwestjonarju, jekk iqisux li huma jissodisfaw il-kriterji kollha relatati mal-edukazzjoni u l-esperjenzi professjonali tagħhom u mbagħad, skont it-tweġibiet kollha tal-kandidati, jiġi ddeterminat livell li jekk ma jintlaħaqx mill-kandidati, wara l-kunsiderazzjoni, numru suffiċjenti ta’ tweġibiet pożittivi, ikkalkolati taħt il-forma ta’ punti, huma jiġu eliminati. B’dan il-mod, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li tali metodu huwa kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll għall-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet.

72

Fil-fatt, mill-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li f’każ ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, għandu jkun il-Bord tal-Għażla li jeżamina jekk id-diplomi u l-esperjenzi professjonali tal-kandidati jissodisfawx il-kriterji stabbiliti mill-avviż ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-14 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Pachtitis, T-361/10, punt 43 u Il-Kummissjoni vs Vicente Carbajosa et, T-6/11 P, punt 58). Issa, il-metodu ta’ selezzjoni li jirregola l-ewwel stadju jagħti unikament lill-Bord tal-Għażla l-funzjoni li jistabbilixxi l-kunsiderazzjoni ta’ kull mistoqsija, imbagħad dik li jikkalkola n-numru ta’ punti miksuba minn kull kandidat u, fl-aħħar nett, dik li jiddetermina, skont in-numru ta’ persuni fil-lista fl-ewwel stadju kif ukoll in-numru ta’ punti miksuba minn dawn tal-aħħar, il-livell ta’ punti meħtieġ sabiex jiġu ammessi għat-tieni stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki.

73

Mill-banda l-oħra, dan il-metodu ta’ selezzjoni ma jipprovdi ebda stħarriġ mill-Bord tal-Għażla dwar ir-rilevanza tad-diplomi u kwalifiki professjonali li għandhom il-kandidati. Issa, tali metodu jimplika neċessarjament li l-imsemmija kandidati ma jintgħażlux skont ir-rilevanza tad-diplomi jew l-esperjenzi professjonali tagħhom, iżda skont l-idea li għandhom dawn il-kandidati, li ma tikkostitwixxix informazzjoni oġġettiva biżżejjed sabiex tkun iggarantita s-selezzjoni tal-aħjar kandidati, u lanqas il-koerenza tas-selezzjoni mwettqa.

74

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li skont il-metodu ta’ selezzjoni użat f’dan il-każ mill-EPSO, in-numru ta’ punti li kandidat kellu jikseb sabiex il-fajl tiegħu jiġi eżaminat waqt it-tieni stadju, kien jiddependi min-numru ta’ punti tal-kandidati l-oħra. Konsegwentement, kandidat seta’ jiġi eliminat unikament minħabba l-fatt li l-kandidati l-oħra jkunu wieġbu pożittivament għal ċerti mistoqsijiet wara interpretazzjoni li kienet eċċessivament favorevoli għalihom tal-kriterji meħtieġa, li jkunu fehmu ħażin il-mistoqsijiet jew li tkun saret evalwazzjoni ħażina tal-valur tad-diplomi jew esperjenzi professjonali tagħhom, peress li kull mistoqsija magħmula titlob evalwazzjoni suġġettiva ħafna min-naħa tal-kandidat dwar ir-rilevanza tad-diplomi u esperjenzi professjonali tiegħu (ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet iddettaljati li huma kultant neċessarji sabiex tiġi evalwata r-rilevanza ta’ diploma jew esperjenza professjonali, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-24 ta’ April 2013, CB vs Il-Kummissjoni, F-73/11, punti 50 sa 52). F’dan is-sens, għandu għalhekk ikun ikkonstatat ukoll li dan il-metodu ta’ selezzjoni ma jiggarantixxix b’mod suffiċjenti l-oġġettività u l-koerenza tal-evalwazzjoni.

75

Dwar dan il-punt, għandu jiġi enfasizzat li l-metodu ta’ selezzjoni użat f’dan il-każ mill-EPSO huwa distint minn dawk implementati f’kompetizzjonijiet oħra fejn il-qorti setgħet kienet adita u li ma ġewx annullati. Fil-fatt, għalkemm f’ċerti kompetizzjonijiet, għalkemm xi kandidati jiġu miċħuda qabel l-ewwel eżamijiet għal raġunijiet marbuta mar-rilevanza tad-diplomi u tal-esperjenzi professjonali msemmija, xorta jibqa’ l-fatt li f’dawn il-kompetizzjonijiet, id-deċiżjonijiet taċ-ċaħda ta’ ċerti kandidati huma adottati mill-Bord tal-Għażla wara li dan ikun eżamina b’mod konkret ir-rilevanza tad-diplomi u esperjenzi professjonali msemmija. Huwa minnu li, f’tali kompetizzjonijiet fejn il-veraċità tal-allegazzjonijiet tal-kandidati tiġi vverifikata biss fit-tmiem tal-kompetizzjoni, ċerti kandidati jistgħu wkoll jiġu ammessi għall-ewwel eżamijiet abbażi ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati, iżda għandu jiġi enfasizzat li f’dawn il-kompetizzjonijiet, in-numru ta’ kandidati li jistgħu jiġu ammessi għall-ewwel eżamijiet ma huwiex limitat b’tali mod li l-iżball jew il-frodi eventwali ta’ dawn il-kandidati jista’ jkollu biss impatt minimu fuq il-kandidati l-oħra, għall-kuntrarju tal-kompetizzjoni inkwistjoni.

76

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li billi jipprovdu għall-eliminazzjoni ta’ ċerti kandidati għar-raġuni li d-diplomi u esperjenzi professjonali tagħhom ma humiex rilevanti biżżejjed mingħajr ma din ir-rilevanza tiġi eżaminata b’mod konkret mill-Bord tal-Għażla, id-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni dwar l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki jirrestrinġi b’mod abbużiv il-prerogattivi tal-imsemmi Bord tal-Għażla u li, konsegwentement, għandhom jitqiesu li huma illegali.

77

Peress li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla li jiċħdu l-kandidaturi ta’ D. Bonagurio, M. Cecchetto, A. Gesce, J. Glantenay, B. Gorgol, A. Kalamees, K. Skrobich u ta’ I. Venckunaite u M. Załęska mill-proċedura ta’ kompetizzjoni kienu adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-avviż ta’ kompetizzjoni dwar l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki, għandhom jiġu annullati. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi l-Kummissjoni, l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ att li abbażi tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni jwassal, bħala konsegwenza, għall-illegalità tal-imsemmija deċiżjoni.

78

Huwa minnu li talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda, fil-każ fejn huwa manifest li f’każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni, deċiżjoni ġdida identika għall-ewwel waħda għandha neċessarjament tiġi adottata (sentenzi tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-4 ta’ Frar 2010, Wiame vs Il-Kummissjoni, F-15/08, punt 27 u b’analoġija, tad-29 ta’ Settembru 2011, Bowles et vs BCE, F-114/10, punt 64), iżda f’dan il-każ, xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li f’każ ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, deċiżjonijiet ġodda identiċi għal dawk tal-ewwel ser jiġu neċessarjament adottati. Fil-fatt, peress li b’mod partikolari l-livell ta’ punti li jrid jintlaħaq kien stabbilit b’kunsiderazzjoni tat-tweġibiet tal-kandidati l-oħra, ma jistax jiġi eskluż li, kieku l-Bord tal-Għażla eżamina, kif kellu jkun il-każ, ir-rilevanza tad-diplomi u esperjenzi professjonali li għandhom il-kandidati kollha, D. Bonagurio, M. Cecchetto, A. Gesce, J. Glantenay, B. Gorgol, A. Kalamees, K. Skrobich kif ukoll I. Venckunaite u M. Załęska kienu jiksbu numru ta’ punti superjuri għal-livell stabbilit.

79

Fir-rigward ta’ I. Cruceru, hemm lok li jiġi enfasizzat li din tal-aħħar ma ssostnix li l-illegalità tal-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki jew li n-nuqqas ta’ ċarezza ta’ ċerti kriterji ta’ selezzjoni kellhom effetti fuq il-possibbiltà ta’ suċċess fit-tieni stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni bbażata fuq kwalifiki. Barra minn hekk, mistoqsija dwar dan permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija indikat li l-uniku motiv inkwistjoni fir-rigward tagħha kien l-ewwel wieħed, jiġifieri l-ksur tar-regoli li jirregolaw l-istabbiliment u l-funzjonament tal-Bord tal-Għażla. Peress li dan il-motiv ġie miċħud, konsegwentement ir-rikors għandu jiġi miċħud fir-rigward tagħha.

80

Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li għalkemm ċerti kandidati setgħu, apposta, jirrispondu b’mod pożittiv għal xi mistoqsijiet minkejja li effettivament ma kinux jissodisfaw il-kriterji previsti, din iċ-ċirkustanza ma setax kellha effett fuq il-possibbiltà ta’ suċċess ta’ I. Cruceru, peress li, waqt it-tieni stadju, il-Bord tal-Għażla vverifika r-rilevanza tat-tweġibiet tal-kandidati u għalhekk seta’ jinnewtralizza l-eventwali żbalji magħmula mill-kandidati f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, jekk minħabba dan il-preżunt nuqqas ta’ ċarezza xi kandidati wieġbu b’mod negattiv għal ċerti mistoqsijiet minkejja li ma kinux jissodisfaw il-kriterji previsti, din iċ-ċirkustanza seta’ jkollha l-effett biss li tnaqqas in-numru ta’ punti miksuba mill-kandidati l-oħra u, għalhekk, li tniżżel il-livell ta’ punti neċessarju sabiex tkun mistiedna fiċ-ċentru ta’ evalwazzjoni. Peress li I. Cruceru ma ssostni mkien fir-rikors tagħha, u lanqas fl-ilment tagħha, li dan in-nuqqas ta’ ċarezza affettwa t-tweġibiet tagħha stess, għandu jiġi kkonstatat li dan in-nuqqas ta’ ċarezza preżunt ma setax ikun ta’ żvantaġġ għaliha.

81

Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li r-rikors ta’ D. Bonagurio, M. Cecchetto, A. Gesce, J. Glantenay, B. Gorgol, A. Kalamees u K. Skrobich, kif ukoll I. Venckunaite u M. Załęska għandu jiġi milqugħ, u dak ta’ I. Cruceru għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

82

Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont il-paragrafu (2) tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

83

Mir-raġunijiet stabbiliti hawn fuq jirriżulta li t-talbiet tar-rikorrenti ġew milqugħa unikament fir-rigward ta’ D. Bonagurio, M. Cecchetto, A. Gesce, J. Glantenay, B. Gorgol, A. Kalamees, K. Skrobich kif ukoll I. Venckunaite u M. Załęska, u ġew miċħuda għal dak li jirrigwarda lil I. Cruceru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni għandha tbati disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha, kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minn D. Bonagurio, M. Cecchetto, A. Gesce, J. Glantenay, B. Gorgol, A. Kalamees, K. Skrobich kif ukoll I. Venckunaite u M. Załęska, u I. Cruceru għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll parti waħda minn għaxra mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/204/10 li jiċħdu l-kandidaturi ta’ D. Bonagurio, M. Cecchetto, A. Gecse, J. Glantenay, B. Gorgol, A. Kalamees u K. Skrobich, kif ukoll ta’ I. Venckunaite u M. Załęska mill-proċedura ta’ kompetizzjoni, mingħajr ma ġew eżaminati fil-kuntest tat-tieni stadju tas-selezzjoni bbażata fuq kwalifiki previst fl-avviż ta’ kompetizzjoni, huma annullati.

 

2)

Il-kumplament tar-rikorsi fil-Kawżi F‑23/12 u F‑30/12 huwa miċħud.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati disa’ partijiet minn għaxra tal-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż sostnuti minn D. Bonagurio, M. Cecchetto, A. Gecse, J. Glantenay, B. Gorgol, A. Kalamees u K. Skrobich, kif ukoll minn I. Venckunaite u M. Załęska.

 

4)

I. Cruceru għandha tbati l-ispejjeż tagħha u parti waħda minn għaxra tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Rofes i Pujol

Boruta

Bradley

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Reġistratur

W. Hakenberg

President

M. I. Rofes i Pujol

ANNESS

Davide Bonagurio, membru tal-persunal bil-kuntratt, residenti fi Brussell (il-Belġju),

Irina Cruceru, espert nazzjonali kkollokat, residenti fi Brussell,

Attila Gecse, uffiċjal, residenti fi Brussell,

Błażej Gorgol, uffiċjal, residenti fi Brussell,

Alar Kalamees, membru tal-persunal temporanju, residenti f’Tallinn (l-Estonja),

Krzysztof Skrobich, membru tal-persunal temporanju, residenti fi Brussell,

Indre Venckunaite, membru tal-persunal bil-kuntratt, residenti fi Brussell,

Magdalena Załęska, espert nazzjonali kkollokat, residenti fi Brussell.


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.