OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentata fid-9 ta’ Lulju 2012 1 ( 1 )

Kawża C-278/12 PPU

A. Adil

vs

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja — Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen — Verifiki assimilati għal verifiki fuq il-fruntiera”

1. 

A. Adil, persuna li toriġina mill-Afganistan, ġie interrogat, fit-28 ta’ Marzu 2012, mill-Koninklijke Marechaussee ( 2 ) fil-kuntest tal-kontroll mobbli tas-sigurtà (“Mobiel Toezicht Veiligheid”, iktar ’il quddiem il-“kontroll MTV”) meta kien abbord karozza tal-linja li kienet ġejja mill-Ġermanja, fiż-żona li kienet testendi sa 20 kilometru lil hinn mill-fruntiera tal-art tal-Pajjiżi l-Baxxi mal-Ġermanja. Il-passiġġieri l-oħra ġew interrogati wkoll. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dakinhar kien sar kontroll wieħed jew iktar f’siegħa li matulha żewġ vetturi, u għalhekk proporzjon minimu biss tal-mezzi ta’ trasport li kienu għaddejjin effettivament twaqqfu.

2. 

L-awtoritajiet Olandiżi wettqu dan il-kontroll MTV abbażi tal-Artikolu 50 tal-Liġi dwar il-barranin tal-2000 (“Vreemdelingenwet 2000”, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”) u, kif jikkonstata l-proċess verbali tat-28 ta’ Marzu 2012, skont l-Artikolu 4.17a tad-Digriet dwar il-barranin tal-2000 (“Vreemdelingenbesluit 2000”, iktar ’il quddiem il-“Vb 2000”) ( 3 ). B’deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2012, A. Adil tqiegħed taħt detenzjoni ( 4 ). Mill-proċess nazzjonali jirriżulta li, fil-mument tal-interrogazzjoni tiegħu, A. Adil informa lill-Koninklijke Marechaussee bl-intenzjoni tiegħu li jressaq talba għal ażil. Informazzjoni dwar it-talbiet għall-ażil u l-immigrazzjoni illegali, iġġenerata mid-database “Eurodac” ( 5 ), indikat rabta bejn A. Adil u n-Norveġja. Għaldaqstant, fil-5 ta’ April 2012 it-talba għal ażil tiegħu ntbagħtet lill-awtoritajiet Norveġiżi fejn għadha qed tiġi ttrattata.

3. 

A. Adil ikkontesta r-regolarità tad-detenzjoni tiegħu minħabba li l-kontroll MTV, li ġie suġġett għalih, kien jikkorrispondi għal verifika fuq il-fruntiera u li għaldaqstant kien imur kontra r-Regolament (KE) Nru 562/2006 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”) ( 6 ) dwar moviment fit-territorji tal-Istati li huma partijiet għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Schengen”) ( 7 ).

4. 

Fis-16 ta’ April 2012, ir-Rechtbank’s-Gravenhage ddikjarat li r-rikors ippreżentat minn A. Adil kontra d-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2012 kien infondat u ċaħdet it-talba tiegħu għal kumpens. Sussegwentement, A. Adil ippreżenta appell mill-imsemmija sentenza quddiem is-sezzjoni tal-kontenzjuż amministrattiv tar-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn sostna li r-rechtbank’s-Gravenhage kkunsidrat b’mod żbaljat li l-interrogazzjoni kienet legali u ma kkunsidratx il-fatt li, fil-mument tal-kontroll MTV, ma kienx hemm preżunzjoni raġonevoli ta’ residenza irregolari.

5. 

Il-kwistjoni mqajma f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State hija essenzjalment dik dwar jekk l-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ verifiki assimilati għal verifiki fuq il-fruntiera, jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontrolli MTV. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-interpretazzjoni li hija tat fis-sentenza Melki u Abdeli ( 8 ).

6. 

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, sabiex tkun sodisfatta l-imsemmija dispożizzjoni, “leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kompetenza lill-awtoritajiet tal-pulizija sabiex jagħmlu kontrolli ta’ identità, kompetenza li hija, minn naħa, limitata għaż-żona tal-fruntiera tal-Istat Membru ma’ Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, indipendenti mill-aġir tal-persuna kkontrollata u miċ-ċirkustanzi partikolari li joħolqu riskju ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku, għandha tipprevedi l-limiti neċessarji tal-kompetenza mogħtija lil dawn l-awtoritajiet sabiex, b’mod partikolari, tidderieġi s-setgħa diskrezzjonali li għandhom dawn tal-aħħar fl-applikazzjoni fil-prattika tal-imsemmija kompetenza” ( 9 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-limitu neċessarju “għandu jiggarantixxi li l-eżerċizzju fil-prattika tal-imsemmija kompetenza li tikkonsisti fil-kontrolli ta’ identità ma jkollux effett ekwivalenti għal dak tal-kontrolli fil-fruntieri [verifiki fuq il-fruntiera], hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, miċ-ċirkustanzi li jinsabu fit-tieni fażi [sentenza] tal-Artikolu 21(a) [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen]” ( 10 ).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

It-Trattati

7.

L-Artikolu 3(2) TUE jipprevedi:

“2.   L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.”

8.

Skont l-Artikolu 67 TFUE:

“1.   L-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta’ l-Istati Membri.

2.   L-Unjoni għandha tassigura li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u għandha tiżviluppa politika komuni dwar l-asil, l-immigrazzjoni u l-kontroll fil-fruntieri esterni ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, li tkun ġusta lejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Għall-finijiet ta’ dan it-titolu, persuni apolidi għandhom jiġu trattati bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

[…]”

9.

L-Artikolu 72 TFUE jipprovdi:

“Dan it-titolu [dwar iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja] m’għandux jolqot l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet ta’ l-Istati Membri rigward iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna.”

10.

Skont l-Artikolu 77 TFUE:

“1.   L-Unjoni għandha tiżviluppa politika bil-għan li:

a)

tassigura li ma jkun hemm l-ebda kontroll fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, meta jaqsmu l-fruntieri interni;

[…]”

11.

L-Artikolu 79(1) TFUE jipprovdi:

“L-Unjoni għandha tiżviluppa politika komuni ta’ immigrazzjoni maħsuba sabiex tassigura, fl-istadji kollha, l-amministrazzjoni effikaċi tal-flussi tal-migrazzjoni, it-trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fl-Istati Membri, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġlieda b’ saħħa kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.”

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

12.

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment bejn il-fruntieri tal-acquis ta’ Schengen integrat b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni Schengen ( 11 ) u l-Manwal Komuni tiegħu ( 12 ).

13.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-imsemmi regolament “jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea”.

14.

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijet ta’ dan ir-Regolament:

1)

‘fruntieri interni’ tfisser:

a)

il-fruntieri ta’ l-art komuni, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, ta’ l-Istati Membri;

b)

l-ajruporti ta’ l-Istati Membri għal titjiriet interni;

ċ)

il-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi ta’ l-Istati Membri għal kollegamenti regolari bi traġitt;

2)

‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri ta’ l-art ta’ l-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni;

[…]

9)

‘kontroll fuq il-fruntiera’ tfisser l-attività mwettqa fuq fruntiera, skond u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;

10)

‘verifiki fuq il-fruntiera’ tfisser il-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri jew jitilqu minnu;

11)

‘sorveljanza fuq il-fruntiera’ tfisser is-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera u s-sorveljanza ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera barra mill-ħinijiet stabbiliti ta’ ftuħ, sabiex persuni ma jitħallewx jevitaw il-verifiki fuq il-fruntiera;

[…]”

15.

L-Artikolu 3 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi li dan “għandu japplika għal kull persuna li taqsam il-fruntieri interni jew esterni ta’ l-Istati Membri”.

16.

L-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Qsim tal-fruntieri interni”, jipprovdi:

“Fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.”

17.

L-Artikolu 21 tal-istess regolament intitolat “Verifiki fit-territorju” jipprovdi:

“It-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

a)

l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Fis-sens ta’ l-ewwel sentenza l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax, b’mod partikolari, ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

(i)

ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera,

(ii)

ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità trans-konfini,

(iii)

huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni,

(iv)

huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji;

(b)

il-verifiki [kontrolli] ta’ sigurtà fuq persuni mwettqa f’portijiet u ajruporti mill-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi ta’ kull Stat Membru, minn uffiċjali tal-port jew ajruport jew trasportaturi, basta li tali verifiki [kontrolli] jitwettqu wkoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi Stat Membru;

(ċ)

il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti;

(d)

l-obbligu ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrapportaw il-preżenza tagħhom fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru […]”.

Il-leġiżlazzjoni Olandiża

18.

L-Artikolu 50 tal-Vw 2000 jipprovdi:

“1.   L-uffiċjali responsabbli mis-sorveljanza fuq il-fruntiera u l-uffiċjali responsabbli mill-kontroll tal-barranin għandhom kompetenza, jew abbażi tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li, skont kriterji oġġettivi, iwasslu għal preżunzjoni raġonevoli ta’ residenza illegali, jew għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-residenza illegali wara l-qsim tal-fruntiera, li jinterrogaw persuni sabiex jistabbilixxu l-identità, in-nazzjonalità u d-dritt ta’ residenza tagħhom. […] B’miżura amministrattiva ġenerali, għandhom jiġu indikati d-dokumenti li barrani għandu jkollu sabiex jistabbilixxi l-identità, in-nazzjonalità u d-dritt ta’ residenza tiegħu.

[...]”

19.

Skont l-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000:

“1.   Il-kompetenza, prevista fl-Artikolu 50(1) tal-Liġi, li jiġu interrogati persuni sabiex jiġu stabbiliti l-identità, in-nazzjonalità u d-dritt ta’ residenza tagħhom, fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-residenza illegali wara qsim ta’ fruntiera, għandha tiġi esklużivament eżerċitata fil-kuntest tal-kontroll tal-barranin:

a.

fl-ajruporti, mal-wasla tat-titjiriet li jkunu ġejjin mit-territorju ta’ Schengen;

b.

fil-ferroviji, matul mhux iktar minn 30 minuta wara l-qsim tal-fruntiera komuni mal-Belġju jew mal-Ġermanja jew sat-tieni stazzjon tal-ferroviji u wara l-qsim tal-fruntiera, jekk dan ma jkunx intlaħaq matul dan il-perijodu ta’ żmien.

c.

fuq ir-rotot u l-passaġġi tal-ilma, f’żona ta’ 20 kilometru mill-fruntiera komuni mal-Belġju jew mal-Ġermanja.

2.   Il-kontroll previst fil-paragrafu 1 għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni jew esperjenzi marbuta mar-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera. Il-kontroll jista’ jsir ukoll, b’mod limitat, sabiex tinkiseb informazzjoni dwar din it-tip ta’ residenza illegali.

3.   Il-kontroll previst fil-paragrafu 1(a) għandu jsir mhux iktar minn seba’ darbiet fil-ġimgħa fuq it-titjiriet tal-istess […] linja tal-ajru, b’mhux iktar minn terz tan-numru totali ta’ titjiriet previsti fix-xahar fuq din il-linja tal-ajru. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, parti biss mill-passiġġieri ta’ titjira għandhom jiġu interrogati.

4.   Il-kontroll previst fil-paragrafu 1(b) għandu jsir, għal kull jum, mhux iktar minn f’żewġ ferroviji għal kull vjaġġ, u b’kollox f’mhux iktar minn tmien ferroviji u, għal kull ferrovija, f’mhux iktar minn żewġ kompartimenti.

5.   Il-kontroll previst fil-paragrafu 1(c) għandu jsir fuq l-istess rotta jew passaġġ tal-ilma, għal mhux iktar minn 90 siegħa fix-xahar u sitt sigħat għal kull jum. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, parti biss mill-mezzi ta’ trasport li jkunu għaddejjin għandhom jitwaqqfu.”

20.

Skont l-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-istess dispożizzjoni ( 13 ):

“Din l-emenda tad-Digriet dwar il-barranin għandha l-għan li tiggarantixxi li l-kontroll tal-barranin fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera (iktar ’il quddiem: il-kontrolli mobbli) ma jkollux effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fuq il-fruntiera fis-sens tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Għaldaqstant, għandu jingħata effett għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2010 (sentenza Melki u Abdeli) u għad-deċiżjoni tar-Raad van State tat-28 ta’ Diċembru 2010 u l-kontroll mobbli għandu jkun konformi mal-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.”

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari

21.

Din il-kawża tagħmel parti minn numru ta’ kawżi fejn ir-Raad van State, bħala l-Qorti Amministrattiva Suprema, kif ukoll qrati amministrattivi u kriminali oħrajn tal-Istat Membru kkonċernat indirizzaw il-kwistjoni dwar jekk is-sistema ta’ kontroll li ġiet stabbilita bl-Artikolu 50(1) tal-Vw 2000 kif ġie implementat fl-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000 tinvolvix garanziji suffiċjenti sabiex ikun evitat li l-kontrolli kkonċernati jitqiesu li huma verifika fuq il-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew verifika assimilata għal verifika fuq il-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 21(a) tal-istess regolament.

22.

Skont ir-Raad van State, l-Artikolu 4.17a ġie inserit fil-Vb 2000 wara d-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Diċembru 2010 li kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Olandiża fis-seħħ dak iż-żmien fir-rigward tal-kontrolli MTV kienet tipprevedi kompetenza li l-eżerċizzju fil-prattika tagħha seta’ jkollu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifika fuq il-fruntiera.

23.

Ir-Raad van State sussegwentement iddeċidiet, diversi drabi, li l-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000 kien konformi mal-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq. B’hekk, fid-deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2011, ir-Raad van State kkunsidrat li minn din is-sentenza ma jirriżultax li l-Artikolu 4.17a kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-aġir tal-parti kkonċernata u ċ-ċirkustanzi partikolari li jistabbilixxu riskju ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku. Fid-deċiżjoni tagħha tal-5 ta’ Marzu 2012, ir-Raad van State ċaħdet, fid-dawl tal-kliem “ma jistax, b’mod partikolari” fl-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li tgħid li l-poteri ta’ pulizija kkonċernati huma limitati għal sitwazzjonijiet fejn ikunu involuti raġunijiet ta’ ordni pubbliku. F’dik l-istess deċiżjoni, ir-Raad van State kkonkludiet ukoll li ma kienx determinanti li jkun magħruf jekk l-individwu kienx jikkonċepixxi l-verifika bħala verifika fuq il-fruntiera. Min-naħa l-oħra, in-numru ferm limitat ta’ vetturi fit-toroq u ta’ ferroviji li jiġu tabilħaqq ikkontrollati jista’ jitqies li huwa indikazzjoni rilevanti.

24.

Minkejja din il-ġurisprudenza, fl-20 ta’ Frar 2012, ir-Rechtbank Roermond (settur kriminali) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni partikolari ta’ jekk l-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludux is-sistema ta’ kontrolli MTV stabbilita bl-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000 ( 14 ). Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju tar-Raad van State jirriżulta li, b’deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2012, il-Gerechtshof’s-Hertogenbosch (settur kriminali) ikkunsidrat ukoll li kontroll MTV, anki jekk imwettaq skont l-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000, għandu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fuq il-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, f’każ li:

il-kompetenza ma tkunx ibbażata fuq fatti konkreti u fuq ċirkustanzi li jwasslu għal preżunzjoni ta’ residenza irregolari;

il-kompetenza tal-kontroll tiġi esklużivament eżerċitata b’reazzjoni għall-intenzjoni ta’ qsim ta’ fruntiera jew għall-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera;

il-kontroll ikollu l-għan li jistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet sabiex persuna tiġi awtorizzata tidħol fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew biex titlaq minnu jkunux ġew sodisfatti.

25.

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza diverġenti fi ħdan il-qrati Olandiżi, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-eżerċizzju ta’ kompetenza nazzjonali, bħal dik mogħtija mill-Artikolu 50 tal-[Vw 2000] u implementata fl-Artikolu 4.17a tal-[Vb 2000], li tippermetti li jsiru kontrolli fuq persuni fuq il-fruntieri interni sabiex jiġi vverifikat jekk dawn il-persuni jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ residenza legali applikabbli fl-Istat Membru?

2)

a)

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludi li kontrolli nazzjonali, bħal dawk previsti fl-Artikolu 50 tal-[Vw 2000], ikunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali u esperjenza dwar ir-residenza illegali ta’ persuni fuq il-post tal-kontroll, fis-sens tal-Artikolu 4.17a(2) tal-[Vb 2000], jew waqt l-eżekuzzjoni ta’ tali kontrolli tkun meħtieġa l-eżistenza ta’ elementi konkreti li jindikaw li individwu jkun qiegħed jirrisjedi illegalment fl-Istat Membru kkonċernat?

(b)

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ dan it-tip ta’ kontroll li għandu l-għan li jikseb informazzjoni ġenerali u esperjenza dwar ir-residenza illegali fis-sens tal-punt (a), jekk dan il-kontroll isir b’mod limitat?

3)

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li l-limitazzjoni tal-kompetenza ta’ kontroll kif inhi deskritta f’dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik tal-Artikolu 4.17a tal-[Vb 2000] hija suffiċjenti sabiex tiggarantixxi li l-eżerċizzju fil-prattika ta’ kontroll ma jistax ikollu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fuq il-fruntiera pprojbiti mill-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.

Bit-talba tagħha tal-4 ta’ Ġunju 2012, ir-Raad van State talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni f’din il-kawża skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (iktar ’il quddiem il-“PPU”) prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura.

27.

Ir-Raad van State mmotivat din it-talba billi sostniet li l-kawża tqajjem kwistjonijiet li jikkonċernaw il-qasam tal-politiki tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u li r-risposti għad-domandi huma rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar id-detenzjoni ta’ A. Adil. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħmel l-ebda riferiment għat-talba għal ażil ta’ A. Adil ( 15 ).

28.

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, it-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-11 ta’ Ġunju 2012, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju u tagħti bidu għall-PPU.

29.

Il-Gvern Olandiż, il-Kummissjoni Ewropea u r-rappreżentant ta’ A. Adil ilkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet, flimkien mal-Gvern Ċek, mal-Gvern Ġermaniż u mal-Gvern Franċiż kienu rrappreżentati waqt is-seduta tal-5 ta’ Lulju 2012.

30.

Waqt is-seduta, il-kuntest fattwali fir-rigward tad-detenzjoni ta’ A. Adil, u b’mod partikolari l-kawża tagħha, sar iktar komplut u b’hekk iktar ċar. Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż jirriżulta li A. Adil tqiegħed taħt detenzjoni minħabba li ressaq talba għal ażil u minħabba l-possibbiltà ta’ riskju li jipprova jaħrab mill-kontrolli tal-awtoritajiet matul it-trattament tat-talba tiegħu kieku ma tqiegħedx taħt detenzjoni. Peress li l-kustodja ta’ A. Adil tiddependi mhux mil-legalità tal-interrogazzjoni tiegħu, iżda mid-dehra sempliċement mit-trattament tat-talba għal ażil tiegħu, l-effetti tar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari fuq il-kustodja tiegħu ma għadhomx iktar evidenti.

31.

Din il-konstatazzjoni titlob l-osservazzjonijiet li ġejjin min-naħa tiegħi.

32.

Il-PPU ġiet stabbilita espressament u esklużivament sabiex twieġeb għan-neċessità imperattiva li jiġu ttrattati ċerti kategoriji ta’ kawżi — b’mod partikolari, dawk fejn il-legalità tal-kustodja ta’ persuna tiddependi mir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ser tagħti għad-domandi preliminari magħmula — “mill-aktar fis possibbli” ( 16 ). Din hija proċedura eċċezzjonali, li għandha tinbeda biss meta jkun tabilħaqq meħtieġ li l-kawżi jiġu solvuti b’mod urġenti. Fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-proċedura teħtieġ l-użu kkonċentrat ta’ riżorsi, kemm ġudizzjarji kif ukoll amministrattivi. Minħabba f’hekk, jekk il-proċedura tintalab ta’ spiss, din tfixkel it-trattament ta’ kawżi oħrajn li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Jidher ċar li tali proċedura ma għandhiex tintalab (pereżempju) bil-għan li tinkiseb risposta iktar malajr meta l-fatti sottostanti ma jiġġustifkawx dan.

33.

Għal dawn ir-raġunijiet, għandha ssir talba għall-PPU biss meta ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikawha jkunu tabilħaqq preżenti. Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha għandha tesponi l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha li jistabbilixxu l-urġenza u li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-PPU. Dan l-obbligu huwa l-kontroparti tal-prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ kooperazzjoni li jiġġestixxu r-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qorti nazzjonali ma għandhiex tonqos milli ssemmi elementi li jkunu rilevanti għall-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tan-neċessità li r-rinviju tagħha jiġi suġġett għal din il-proċedura eċċezzjonali.

Analiżi

Kummenti preliminari

34.

Id-domandi preliminari magħmula fid-deċiżjoni tar-rinviju jikkonċernaw biss l-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Madankollu, fid-dawl tar-rabta mill-qrib li hemm bejn l-imsemmija dispożizzjoni u l-Artikolu 20 tal-istess regolament, għandha tingħata risposta lil dawn id-domandi billi jiġi kkunsidrat anki dan tal-aħħar. Fil-fatt, l-Artikolu 21(a) huwa s-suppliment neċessarju tal-Artikolu 20, li jagħti l-possibbiltà li l-projbizzjoni tal-verifiki fuq il-fruntiera tkun waħda effikaċi. F’dan ir-rigward, nikkunsidra li l-evalwazzjoni hija simili għal dik li tippermetti, b’mod partikolari fil-kuntest tal-moviment liberu tal-merkanzija, li tiġi kkonstatata l-eżistenza jew ta’ restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni jew ta’ miżura b’effett ekwivalenti, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni każ b’każ l-effetti fil-prattika tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

35.

Il-kwistjoni li tqajjem din il-kawża hija essenzjalment dik dwar jekk l-Artikoli 20 u 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet kkonċernati l-kompetenza li jwettqu kontroll bħall-kontroll MTV. Fil-fehma tiegħi, it-tliet domandi preliminari għandhom jiġu indirizzati flimkien.

36.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kompetenza prevista fl-Artikolu 50(1) tal-Vw 2000 tippermetti li l-uffiċjali responsabbli mis-sorveljanza fuq il-fruntieri u l-uffiċjali responsabbli mill-kontroll tal-barranin, jiġifieri l-Koninklijke Marechaussee, jinterrogaw persuni sabiex jistabbilixxu l-identità, in-nazzjonalità u d-dritt ta’ residenza tagħhom b’reazzjoni għar-riskju ta’ residenza irregolari. Skont l-imsemmija dispożizzjoni, dan ir-riskju jista’, l-ewwel nett, jiġi identifikat abbażi tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li, skont kriterji oġġettivi, iwasslu għal preżunzjoni raġonevoli ta’ residenza irregolari. Waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż ikkonferma li, fil-prinċipju, kull interrogazzjoni fit-territorju ssir fuq din il-bażi.

37.

It-tieni nett, l-Artikolu 50(1) tal-Vw 2000 jipprevedi wkoll li tali interrogazzjoni tista’ titwettaq “għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-residenza illegali wara l-qsim tal-fruntiera”. Il-limitu previst fl-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000 jirreferi biss għal dan it-tip ta’ kontroll tal-aħħar, u d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw biss dan, fid-dawl tal-fatt li A. Adil ġie interrogat fil-kuntest ta’ kontroll MTV meta kien jinsab abbord karozza tal-linja fl-awtostrada A67/E34 ferm qrib tal-fruntiera. Għaldaqstant, l-analiżi tiegħi ser tiffoka fuq id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża marbuta ma’ tip ta’ kontroll ta’ din ix-xorta.

38.

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li qed jallega r-rappreżentant ta’ A. Adil, nikkunsidra li mill-kliem tal-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen jirriżulta b’mod ċar li dawn bl-ebda mod ma jillimitaw id-dritt tal-Istati Membri li jinnominaw l-awtoritajiet li għandhom is-setgħa jeżerċitaw poteri tal-pulizija. Bl-istess mod, huma għandhom ukoll l-għażla li jipprevedu l-bażi legali kif ukoll il-limitu tal-imsemmija kompetenza, jew fil-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni jew dwar il-barranin tagħhom jew fil-leġiżlazzjoni kriminali tagħhom. Huwa biss l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza li għandu josserva, jekk ikun il-każ, id-dritt tal-Unjoni.

It-tneħħija tal-verifiki fuq il-fruntiera u tal-miżuri ta’ pulizija b’effett ekwivalenti

39.

L-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jiżgura n-nuqqas ta’ kull kontroll fuq il-persuni meta dawn jaqsmu l-fruntieri interni kif ukoll l-istabbiliment ta’ spazju fejn il-moviment liberu tal-persuni huwa ggarantit. L-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li kull persuna, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħha, tista’ taqsam il-fruntieri interni bejn l-Istati Membri tal-acquis ta’ Schengen minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera ( 17 ).

40.

L-Artikolu 21 jikkonferma, fil-limiti previsti, id-dritt tal-Istati Membri li jeżerċitaw il-poteri ta’ pulizija tagħhom, li jwettqu kontrolli ta’ sigurtà fil-portijiet jew fl-ajruporti, li jipprevedu fid-dritt nazzjonali l-obbligu li wieħed ikollu fil-pussess tiegħu u li jġorr miegħu karti u dokumenti u li jobbligaw liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrapportaw il-preżenza tagħhom fit-territorju tagħhom.

41.

L-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa artikolat f’żewġ sentenzi. Skont l-ewwel sentenza, it-tneħħija tal-kontroll fuq il-fruntiera ma għandhiex taffettwa s-setgħa tal-Istati Membri li jeżerċitaw poteri ta’ pulizija fit-territorju tagħhom, inkluż fiż-żoni ta’ fruntiera, sakemm dan l-eżerċizzju ma jkollux effett ekwivalenti għal dak ta’ verifika fuq il-fruntiera. Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għaldaqstant jipprojbixxi mhux biss il-verifiki fuq il-fruntiera iżda anki miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għalihom.

42.

It-tieni sentenza li tinkludi “b’mod partikolari” il-punti (i) sa (iv), tirrappreżenta elaborazzjoni tal-prinċipju stabbilit fl-ewwel sentenza billi telenka ċ-ċirkustanzi fejn l-eżerċizzju fil-prattika tal-kompetenza mogħtija ma jistax ikollu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fuq il-fruntiera.

43.

Filwaqt li qed nibbaża ruħi fuq interpretazzjoni sempliċi tat-test, nikkunsidra li l-lista ta’ ċirkustanzi inserita fl-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen la hija limitattiva u lanqas kumulattiva.

44.

F’dan ir-rigward, jiena naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li miżura ta’ pulizija li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha inklużi fl-Artikolu 21(a)(i) sa (iv) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen probabbilment ma tistax tipproduċi effett ekwivalenti għal dak ta’ verifika fuq il-fruntiera. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li ma jiġux sodisfatti dawn il-kundizzjonijiet kollha mhux bilfors jipprekludi li l-eżerċizzju ta’ poteri ta’ pulizija jkun konformi mal-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, it-tieni sentenza tal-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tidher espliċita f’dan ir-rigward, peress li qabel l-elenkar taċ-ċirkustanzi hemm il-kliem “b’mod partikolari”. Il-kundizzjoni fil-punt (i) madankollu jidhirli li hija fundamentali. Fil-fehma tiegħi, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li miżura ta’ pulizija li l-għan tagħha jikkorrispondi għal dak ta’ verifika fuq il-fruntiera ma tkunx ipprojbita mill-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

45.

Jekk il-leġiżlatur ippreveda li l-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera (Artikolu 20) jew mingħajr ma jitwettqu miżuri b’effett ekwivalenti (Artikolu 21), la l-Artikolu 20 u lanqas l-Artikolu 21 ma jiggarantixxu li kull persuna li tkun qasmet fruntiera interna issa tkun tista’ tiċċaqlaq fit-territorju ta’ Stat Membru u tirrisjedi fih mingħajr ma jitwettqu miżuri ta’ pulizija fil-konfront tagħha. B’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistax jiġi estiż sa tali punt li jipprojbixxi li Stat Membru jeżerċita kompetenzi ta’ pulizija fit-territorju tiegħu.

46.

Il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fis-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ domanda dwar il-konformità ta’ leġiżlazzjoni Franċiża mad-dritt tal-Unjoni. Din il-leġiżlazzjoni kienet tippermetti li l-awtoritajiet tal-pulizija jikkontrollaw, b’mod partikolari f’żona ta’ 20 kilometru mill-fruntiera tal-art ta’ Franza mal-Istati partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Schengen, l-identità ta’ kull persuna. Il-kompetenza inkwistjoni f’dawn il-kawżi kellha bħala għan li tivverifika jekk kinux qed jitwettqu l-obbligi ta’ pussess, ta’ ġarr u ta’ preżentazzjoni ta’ karti u ta’ dokumenti previsti mid-dritt nazzjonali.

47.

Għaldaqstant, x’kienet l-interpretazzjoni li tat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-imsemmija dispożizzjonijiet?

48.

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni stretta tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Jekk element wieħed jew iktar mid-definizzjoni ta’ “verifika fuq il-fruntiera”, jiġifieri l-att inkwistjoni, il-punt tal-kontroll, il-mument tal-kontroll u l-għan tiegħu, ma jiġux sodisfatti, allura l-kontroll ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

49.

F’dan il-każ, l-għan tal-kontroll inkwistjoni ma jikkorrispondix għal dak ta’ verifika fuq il-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 2(9) sa (11) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ( 18 ) u l-kontroll ma twettaqx fil-mument li nqasmet il-fruntiera iżda kien jikkostitwixxi verifika fit-territorju ta’ Stat Membru ( 19 ). Għaldaqstant, il-kontroll inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20.

50.

Jiena naqbel kompletament ma’ dan l-approċċ.

51.

Nammetti li, fil-prinċipju, tali interpretazzjoni formali tista’ tinvolvi r-riskju li l-Istati Membri jevitaw il-projbizzjoni tal-verifiki fuq il-fruntieri interni billi jċaqilqu, pereżempju, il-punt tal-kontrolli ftit kilometri wara l-fruntiera. Madankollu, l-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jistax jinqara separatament mill-kuntest immedjat tiegħu, jiġifieri l-Artikolu 21 tal-istess regolament li jipprovdi li t-tneħħija tal-verifiki fuq il-fruntieri interni ma taffettwax, fil-prinċipju, l-eżerċizzju tal-poteri ta’ pulizija fit-territorju sakemm l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi ma jkollux effett ekwivalenti għal dak ta’ verifika fuq il-fruntiera u, konsegwentement, ma jikkompromettix il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 20. L-Artikolu 21(a) jiżgura b’mod partikolari l-effikaċja tal-prinċipju previst fl-Artikolu 20. Jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’, jinħoloq riskju mhux biss li jiġi mmodifikat il-kliem tal-Artikolu 2(10) (definizzjoni ta’ “verifiki fuq il-fruntiera”) iżda wkoll li l-Artikolu 20 jinterferixxi mal-Artikolu 21(a).

52.

Barra minn hekk, interpretazzjoni iktar wiesgħa timplika li, abbażi tal-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, l-Istati Membri jkunu preklużi milli jużaw miżuri ta’ pulizija fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-residenza irregolari fuq parti mit-territorju tagħhom, jiġifieri ż-żoni ta’ fruntiera, fejn, jidhirli, tali miżuri jistgħu jkunu kemm neċessarji kif ukoll effikaċi.

53.

It-tieni nett, fis-sentenza Melki u Abdeli tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li jekk il-kontroll inkwistjoni ma jikkorrispondix għal verifika fuq il-fruntiera fis-sens tal-Artikolu 20 u tad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(9) sa (11) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, madankollu hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-poteri ta’ pulizija, kif ġiet limitata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tinvolvix ir-riskju li l-eżerċizzju tagħha jikkomprometti l-prinċipju previst fl-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fi kliem ieħor, dan il-kontroll kien verifika fuq il-fruntiera moħbija u, għaldaqstant, ipprojbit mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen?

54.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, sa fejn dawn kienu kontrolli, pereżempju, f’awtostrada bil-pedaġġi, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali seta’ jikkostitwixxi indiċi għall-eżistenza ta’ tali effett ekwivalenti ( 20 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-teżi li l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali kien limitat għal żona ta’ fruntiera kien suffiċjenti fih innifsu sabiex jiġi kkonstatat l-effett ekwivalenti tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza.

55.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat bir-reqqa t-test tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk dan kienx jinkludi xi indikazzjonijiet li jipprovaw li hemm riskju li l-eżerċizzju tal-poteri ta’ pulizija jipproduċi effett ekwivalenti għal dak ta’ verifika fuq il-fruntiera. Hija kkonkludiet li kien hemm tali riskju billi l-kompetenza, minn naħa, kienet limitata għaż-żona ta’ fruntiera u, mill-oħra, setgħet tiġi eżerċitata indipendentement mill-aġir tal-persuna kkontrollata u miċ-ċirkustanzi speċifiċi li jistabbilixxu riskju ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku.

56.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jeżiġi li d-dritt nazzjonali “jillimita” l-kompetenza mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali: li jipprevedi preċiżazzjonijiet u limitazzjonijiet tal-kompetenza mogħtija sabiex tkun imwarrba l-possibbiltà li l-imsemmija kompetenza tiġi eżerċitata b’mod li tipproduċi effett ta’ din ix-xorta. Il-limitu neċessarju “għandu jiggarantixxi li l-eżerċizzju fil-prattika tal-imsemmija kompetenza li tikkonsisti fil-kontrolli ta’ identità ma jkollux effett ekwivalenti għal dak tal-kontrolli fil-fruntieri [verifiki fuq il-fruntiera], hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, miċ-ċirkustanzi li jinsabu fit-tieni [sentenza] tal-Artikolu 21(a) [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen]” ( 21 ). Fl-imsemmija kawżi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali la kienet tinkludi preċiżazzjonijiet u lanqas limitazzjonijiet tal-kompetenza diskrezzjonali ( 22 ). Għaldaqstant, l-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludu tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rabta bejn ir-rekwiżit ta’ limitu, minn naħa u, “b’mod partikolari, [iċ]-ċirkustanzi li jinsabu fit-tieni [sentenza] tal-Artikolu 21(a) [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’Schengen]”, min-naħa l-oħra. B’hekk, filwaqt li adottat b’mod espliċitu t-teżi tal-Avukat Ġenerali fl-opinjoni tiegħu fl-imsemmija kawżi — jiġifieri li “dawn l-erba’ ċirkustanzi huma msemmija biss bħala eżempju” u li l-kwistjoni “għandha tiġi eżaminata każ b’każ” ( 23 ) — il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tali ċirkustanzi kienu partikolarment rilevanti anki jekk huma ma kinux l-uniċi elementi li setgħu jikkostitwixxu tali limitu.

58.

Fid-dawl tar-riflessjonijiet preċedenti, issa ser nindirizza l-każ speċifiku ta’ kontroll bħall-kontroll MTV meta pparagunat mal-karatteristiċi ta’ dan tal-aħħar kif ġew ippreżentati fid-deċiżjoni tar-rinviju.

Kontroll bħall-kontroll MTV jikkostitwixxi verifika fuq il-fruntiera jew miżura ta’ pulizija b’effett ekwivalenti?

59.

Il-kontroll MTV huwa parti mill-ġlieda kontra r-residenza irregolari u jikkonċerna b’mod partikolari ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà jkunu daħlu fiż-żona Schengen u irrispettivament minn jekk dan id-dħul kienx regolari jew klandestin, ma għandhomx dritt jew għad ma għandhomx dritt ta’ residenza fit-territorju Olandiż. L-imsemmi kontroll jiġi eżerċitat fit-toroq f’żona li testendi sa 20 kilometru lil hinn mill-fruntiera tal-art tal-Pajjiżi l-Baxxi mal-Ġermanja u mal-Belġju. Huwa għandu l-għan li jiżgura li l-persuni interrogati jkunu awtorizzati jibqgħu fit-territorju, u mhux li jiddeċiedi jekk huma għandhomx jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju jew jitilqu minnu. Minn dan isegwi li l-kontroll MTV la jsir fuq il-fruntiera u lanqas fil-mument tal-qsim tagħha, u li l-għan tiegħu ma huwiex dak tal-verifiki fuq il-fruntiera.

60.

Għaldaqstant, il-kontroll MTV ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

61.

Madankollu, jekk il-kompetenza prevista fl-Artikolu 50(1) tal-Vw 2000 ma hijiex suġġetta għall-kundizzjonijiet supplimentari inklużi fl-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000, hija tinvolvi tabilħaqq riskju kbir li l-eżerċizzju tagħha, fil-prattika, jista’ jikkomprometti l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

62.

Il-kontroll isir speċifikament fit-toroq qrib il-fruntiera. Jidhirli li huwa raġonevoli li jiġi preżunt li, iktar ma d-distanza bejn il-punt ta’ kontroll u dak tal-fruntiera tkun qasira, iktar ikun hemm riskju li l-kontroll ikun ekwivalenti, fil-prattika, għal verifika fuq il-fruntiera. Madankollu, il-viċinanza ta’ fruntiera minnha nnifisha ma tistax tiddetermina l-effett tal-kontroll. Il-kontroll ta’ persuna li tkun miexja fiċ-ċentru tal-belt ta’ Venlo — belt Olandiża qrib il-fruntiera mal-Ġermanja — mhux bilfors ikun simili għall-interrogazzjoni ta’ passiġġier abbord karozza tal-linja li tkun ġejja mill-Ġermanja fil-mument li din il-karozza tal-linja tkun għaddejja fl-awtostrada internazzjonali u tkun għadha ma ngħaqditx mat-traffiku lokali sabiex tasal f’Venlo.

63.

Il-verifika tal-identità, tan-nazzjonalità u tad-dritt ta’ residenza ta’ persuna huwa att li huwa assoċjat ukoll mal-verifika fuq il-fruntiera. Sabiex ikun żgurat li persuna tkun awtorizzata tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa normali li jiġu kkontrollati l-identità u n-nazzjonalità tagħha u li jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet għad-dħul ikunux ġew sodisfatti, elementi preliminari essenzjali biex dik il-persuna tingħata dritt ta’ residenza.

64.

Madankollu, l-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000 jipprevedi limitu pjuttost dettaljat għall-kompetenzi mogħtija mill-Artikolu 50(1) tal-Vw 2000. Dan il-limitu huwa suffiċjenti sabiex il-kontrolli MTV jsiru konformi mad-dritt tal-Unjoni?

65.

Fl-opinjoni tiegħi, it-tweġiba għandha tkun “iva”.

66.

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-miżuri ta’ pulizija awtorizzati mill-Artikolu 50(1) tal-Vw 2000 u mill-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000 ma għandhomx bħala għan il-kontroll fuq il-fruntiera. L-għan ta’ kontroll bħall-kontroll MTV huwa li jiġu identifikati l-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni irregolari u, bl-istess eżistenza tiegħu, li jiskoraġġixxi l-immigrazzjoni illegali minkejja n-nuqqas ta’ kontrolli fuq il-fruntiera.

67.

Il-kontroll inkwistjoni ma huwiex ir-riżultat tal-intenzjoni ta’ qsim ta’ fruntiera jew tal-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera indipendentement minn kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra, iżda huwa reazzjoni għar-realtà taċ-ċirkustanzi: ma jistax jiġi miċħud li ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew jidħlu fiż-żona Schengen mingħajr ma jkollhom id-dritt jagħmlu dan jew jibqgħu fiha mingħajr ma jkollhom id-dritt ta’ residenza. Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 50(1) tal-Vw 2000 jawtorizza interrogazzjonijiet fit-territorju kollu, inkluż fiż-żoni ta’ fruntiera.

68.

L-għan ta’ verifika fuq il-fruntiera huwa dak li fit-territorju ma jiġux ammessi persuni li ma jkollhomx id-dritt ta’ dħul. Min-naħa l-oħra, kontroll bħall-kontroll MTV għandu l-għan li jidentifika l-persuni li, indipendentement mil-legalità tad-dħul tagħhom fiż-żona Schengen, ma għandhomx (jew għad ma għandhomx) id-dritt ta’ residenza. Wara interrogazzjoni ta’ din ix-xorta, eventwalment ikun hemm lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar, inter alia, il-verifika tal-eżistenza ta’ residenza irregolari, it-trattament tal-immigranti u r-ritorn ta’ tali persuni. Sa fejn dawn l-oqsma jiġu affettwati mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma obbligati jifformulaw il-leġiżlazzjoni tagħhom b’tali mod li jiżguraw li dan jiġi osservat ( 24 ). Effetti ta’ din ix-xorta ta’ kontroll fit-territorju ta’ Stat Membru, inkluż f’żona ta’ fruntiera, huma ferm differenti minn dawk ta’ verifika fuq il-fruntiera.

69.

It-tieni nett, l-Artikolu 4.17a(2) tal-Vb 2000 jispeċifika li l-interrogazzjonijiet awtorizzati mill-Artikolu 50 tal-Vw 2000 huma bbażati fuq informazzjoni jew fuq esperjenza marbuta ma’ residenza irregolari wara qsim tal-fruntiera. Sa ċertu punt, xorta jistgħu jsiru kontrolli sabiex tinkiseb informazzjoni dwar ir-residenza irregolari wara l-qsim tal-fruntiera.

70.

Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż jirriżulta li l-kontrolli jsiru abbażi ta’ profili msejsa fuq informazzjoni jew fuq data li turi riskju kbir, minn naħa, ta’ kriminalità transkonfinali f’ċerti toroq u, mill-oħra, ta’ preżenza ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari fir-rigward tad-dritt ta’ residenza tagħhom ( 25 ), f’ċerti mumenti kif ukoll skont it-tip u l-kulur tal-vettura. Din l-informazzjoni hija evalwata l-ħin kollu. It-toroq, it-tip u l-kulur tal-vetturi, il-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tagħhom kif ukoll il-mumenti tal-kontroll u l-mumenti tal-qsim ivarjaw skont l-informazzjoni miġbura dwar l-impatt tar-riskji ta’ residenza irregolari ( 26 ).

71.

Nikkunsidra li din il-proċedura tissodisfa l-Artikolu 21(a)(ii) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

72.

Il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod speċifiku l-użu tat-termini “b’mod partikolari” u r-riferiment tagħha għall-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” ma teskludix li l-informazzjoni u l-esperjenza miġbura jistgħu jirrigwardaw mhux biss il-kriminalità fuq il-fruntieri iżda anki r-residenza irregolari kif ukoll l-immigrazzjoni illegali. Għal darba oħra għandu jiġi enfasizzat li, fil-fehma tiegħi, huwa determinanti li l-għan tal-kontroll inkwistjoni ma jikkorrispondix għal dak ta’ kontroll fuq il-fruntiera. Ħlief għal din il-limitazzjoni, l-Artikolu 21(a) ma jippreskrivix l-għanijiet li jawtorizzaw lill-Istati Membri jistabbilixxu poteri ta’ pulizija.

73.

Kuntrarjament għal dak li qed jallega r-rappreżentant ta’ A. Adil, nikkunsidra li l-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jipprekludix li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tippermetti kontrolli mingħajr ma dawn ikunu r-riżultat tal-aġir tal-parti kkonċernata jew ta’ ċirkustanzi speċifiċi li jistabbilixxu riskju li jiġi ppreġudikat l-ordni pubbliku. Jidhirli li din hija wkoll il-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Melki u Abdeli ( 27 ).

74.

L-Artikolu 21(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jinkludix norma li tipprovdi li Stat Membru għandu jeżerċita l-poteri ta’ pulizija tiegħu b’mod uniformi fuq it-territorju kollu tiegħu. Il-kliem tal-Artikolu 21(a) — kuntrarjament għal dik tal-Artikolu 21(b) — ma tikkostitwixxi l-ebda bażi għal paralleliżmu strett ta’ din ix-xorta bejn il-kontrolli fiż-żoni ta’ fruntiera u dawk fil-bqija tat-territorju ( 28 ).

75.

Għaldaqstant, nikkunsidra li huwa għalkollox leġittimu li l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ poteri ta’ pulizija jkunu adattati għall-karatteristiċi ta’ theddid jew ta’ riskji eventwali li jiġġustifikawha. Jekk Stat Membru jikkonstata probabbiltà kbira li jidentifika persuni li jkunu residenti irregolari f’żoni ta’ fruntiera, l-Artikolu 21(a) ma jipprekludix li jkun hemm reazzjoni xierqa għal dan sakemm dan ma jwassalx għal effett ekwivalenti għal dak ta’ verifika fuq il-fruntiera.

76.

L-Artikolu 4.17a(2) tal-Vb 2000 jipprevedi wkoll li l-kontrolli jistgħu jkunu r-riżultat, fil-limiti previsti fl-imsemmija dispożizzjoni, tal-bżonn li tinkiseb informazzjoni dwar ir-residenza irregolari wara l-qsim tal-fruntiera. L-għan tagħhom, jiġifieri dak li jiġu identifikati prattiki ġodda u rotot ġodda u li tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-informazzjoni miġbura qabel, jeħtieġ li dawn il-kontrolli (l-istess bħall-kontrolli l-oħra) jitwettqu improviżament u b’hekk skont l-Artikolu 21(a)(iv) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ssuġġerixxiet ukoll, mingħajr ma dan ġie kkontestat minn partijiet oħrajn, li n-numru ta’ kontrolli sabiex tinkiseb informazzjoni ma jistax jaqbeż dak tal-kontrolli li jsiru abbażi tal-informazzjoni jew tal-esperjenzi marbuta mar-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera.

77.

It-tielet nett, skont l-Artikolu 4.17a(5) tal-Vb 2000, it-tul tal-perijodi li matulhom jistgħu jitwettqu kontrolli MTV, irrispettivament mill-bażi tagħhom, fl-istess triq ma jistax jaqbeż id-90 siegħa fix-xahar u s-sitt sigħat għal kull jum.

78.

Nikkunsidra li tali limitazzjoni ma hijiex suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tikkostitwixxi limitu xieraq, għaliex hija ma tipprekludix li, waqt dawn il-perijodi, titwaqqaf kull vettura u tiġi interrogata kull persuna. Madankollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 4.17a(5) tal-Vb 2000 tispeċifika li parti biss mill-mezzi ta’ trasport li jkunu għaddejjin jistgħu jitwaqqfu. Din id-dispożizzjoni tipprekludi b’mod ċar li l-awtoritajiet iwaqqfu kull vettura. Min-naħa l-oħra, hija ma tiggarantixxix kontrolli selettivi, billi, teoretikament, hija tawtorizza li jitwaqqfu 99 % tal-vetturi kollha. Madankollu, il-parti l-kbira tal-vetturi ma għandhomx jitwaqqfu billi, skont l-Artikolu 4.17a(2) tal-Vb 2000, il-kontrolli MTV għandhom jitwettqu abbażi tal-informazzjoni jew tal-esperjenza marbuta mar-residenza irregolari u dawn jiġġustifikaw biss interrogazzjonijiet selettivi ( 29 ).

79.

Għaldaqstant jidher li l-limitu previst fl-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000 jiggarantixxi li, fil-fatt, in-numru ta’ vetturi u ta’ persuni kkontrollati waqt il-perijodi speċifikati fl-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000 ikun wieħed limitat u varjat u li l-kontrolli jsiru b’mod mhux sistematiku.

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nikkunsidra li limitu bħal dak previst fl-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000 jissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 21(a)(i) sa (iv) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u jiggarantixxi li l-eżerċizzju fil-prattika ta’ kompetenza bħal dik mogħtija mill-Artikolu 50(1) tal-Vw 2000 lill-Koninklijke Marechaussee ma jistax ikollu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fuq il-fruntiera.

Konklużjoni

81.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula kif ġej:

“L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li tippermetti li jiġu interrogati persuni li jkunu qegħdin f’vettura li tkun tinsab fi triq f’żona ta’ fruntiera sabiex tiġi vverifikata l-identità, in-nazzjonalità u d-dritt ta’ residenza regolari tagħhom, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tipprevedi limitu bħal dak previst fl-Artikolu 4.17a tad-Digriet dwar il-barranin tal-2000 (“Vreemdelingenbesluit 2000”) sabiex ikun evitat li tali interrogazzjonijiet jipproduċu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifika fuq il-fruntiera.

L-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li tali interrogazzjonijiet ikunu bbażati, jew fuq informazzjoni ġenerali u fuq esperjenza dwar ir-residenza irregolari, mingħajr ma dawn għandhom ikunu r-riżultat tal-aġir tal-parti kkonċernati jew ta’ ċirkustanzi speċifiċi li jistabbilixxu riskju li jiġi ppreġudikat l-ordni pubbliku, jew fuq il-bżonn li tinkiseb informazzjoni dwar ir-residenza irregolari wara l-qsim tal-fruntiera.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż spjega li l-Koninklijke Marechaussee hija responsabbli b’mod partikolari għas-sorveljanza tal-familja rjali, tal-bank ċentrali, tal-fruntieri esterni u tal-barranin.

( 3 ) Bid-digriet tat-30 ta’ Mejju 2011, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2011, l-Artikolu 4.17a ġie inserit fil-Vb 2000. Dan tal-aħħar jippreċiża d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Vw 2000.

( 4 ) Abbażi tal-Artikolu 59(1)(b) tal-Vw 2000.

( 5 ) Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000, tal-11 ta’ Diċembru 2000, dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 26).

( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1).

( 7 ) Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9 ), kif emendata. L-Artikoli 2 sa 8 tal-Konvenzjoni Schengen tħassru bil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Ara l-Artikolu 39(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 8 ) Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667).

( 9 ) Sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74.

( 10 ) Sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74.

( 11 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

( 12 ) ĠU 2002 C 313, p. 97, kif emendat u finalment imħassar bil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Ara l-Artikolu 39(2)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

( 13 ) Espożizzjoni tal-motivi tad-digriet tat-30 ta’ Mejju 2011; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 14 ) Ara l-Kawża Jaoo (C-88/12, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja). F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju la talbet proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari u lanqas proċedura mħaffa.

( 15 ) Ara l-punt 2 iktar ’il fuq.

( 16 ) L-aħħar sentenza tal-Artikolu 267 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ċerti kategoriji oħrajn limitati ta’ kawżi (bħal dawk li jirrigwardaw il-ħtif tat-tfal) jistgħu jibbenefikaw leġittimament mill-PPU. Ara n-nota ta’ informazzjoni dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali (ĠU C 160, p. 1), “http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2011:160:0001:0005:MT:PDF”

( 17 ) Skont l-Artikolu 2(9) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, “kontroll fuq il-fruntiera” jinkludi “l-attività mwettqa fuq fruntiera, skond u għall-finijiet [tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen], bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra”, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u f’sorveljanza fuq il-fruntiera.

( 18 ) Sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71.

( 19 ) Sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68.

( 20 ) Sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72.

( 21 ) Sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74.

( 22 ) Sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73.

( 23 ) Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák ippreżentata fis-7 ta’ Ġunju 2010 fil-kawża Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44.

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian (C-329/11, Ġabra p. I-12695, punti 28 sa 33).

( 25 ) Għandu jiġi kkonstatat li l-limitu previst fl-Artikolu 4.17a tal-Vb 2000 jirrigwarda kull tip ta’ kontroll fit-toroq f’dawn iż-żoni ta’ fruntiera, u mhux biss dawk li jsiru fil-parti ta’ awtostrada internazzjonali li tikkollega l-fruntiera bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja jew il-Belġju mal-ewwel punt fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi fejn it-traffiku internazzjonali jingħaqad mat-traffiku nazzjonali.

( 26 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż ikkonferma li, meta seħħew il-fatt u anki bħalissa, tali informazzjoni ma tiġix mill-kameras li jirreġistraw il-pjanċa ta’ reġistrazzjoni ta’ kull vettura li tgħaddi, li huma installati fit-toroq fiż-żoni ta’ fruntiera. Mingħajr ma jiena ser nagħti opinjoni dwar l-eventwali konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-użu ta’ tali metodu sabiex tinġabar l-informazzjoni, jidhirli li dan il-metodu ma għandu l-ebda rilevanza għall-kwistjoni dwar jekk kontroll bħall-kontroll MTV jipproduċix effett ekwivalenti għal dak ta’ verifika fuq il-fruntiera. Dak li huwa rilevanti ma hijiex ir-reġistrazzjoni tad-data bħala tali, iżda l-limitu għall-kontrolli awtorizzati. L-eżistenza ta’ netwerk ta’ kameras fiha nnfisiha ma għandha l-ebda impatt fuq il-kwistjoni dwar jekk teżistix verifika fuq il-fruntiera.

( 27 ) Ara s-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 u 74.

( 28 ) Fil-fatt, il-proposta tal-Kummissjoni li jiġi introdott tali paralleliżmu ġiet miċħuda mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Ara l-Artikolu 19(a) tal-Proposta għal regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw iċ-ċaqliq ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri [COM(2004) 391 finali].

( 29 ) Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż afferma li n-numru ta’ awtoritajiet innominati sabiex iwettqu dawn il-kontrolli, kif ukoll il-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom, huma limitati.