9.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/6


Appell ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2012 mill-Koninklijke Wegenbouw Stevin BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-27 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-357/06, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-586/12 P)

2013/C 71/11

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellanti: Koninklijke Wegenbouw Stevin BV (rappreżentant: E. Pijnacker Hordijk, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla parzjalment is-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali, f’din is-sentenza, qieset li l-Kummissjoni kienet uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li KWS kellha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju li ġie pprovat mill-Kummissjoni;

tannulla parzjalment l-Artikolu 1(j) tad-deċiżjoni (1) kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni imponiet fuq KWS multa ta’ EUR 27.36 miljun;

li l-multa imposta fuq KWS tiġi stabbilita mill-ġdid għal Formula miljun

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas parti mill-ispejjeż sostnuti mill-KWS fl-ewwel istanza u fil-proċeduri tal-appell, li għandha tiġi stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju

Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ma osservatx ir-rekwiżiti essenzjali fil-qasam tal-koerenza tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, meta ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod kontradittorju, fis-sentenza appellata l-istess provi mingħajr ebda motivazzjoni, u iktar u iktar mingħajr motivazzjoni konvinċenti, fir-rigward tal-appellanti korrispondenti KWS u Shell Nederland BV Verkoop Maatschappij B.V. (iktar ’il quddiem, “SNV”) (ir-rikors ta’ SNV huwa s-suġġett tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Kawża T-343/06), għalkemm, skont id-deċiżjoni kkontestata, KWS u SNV kellhom flimkien l-istess rwol fl-akkordju.

L-evalwazzjoni tal-allegat rwol ta’ instigatur u ta’ mexxej ta’ KWS u ta’ SNV mill-Qorti Ġenerali għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tagħha: Il-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni tagħha, li KWS u SNV flimkien kienu l-forza li instigat l-akkordju.

Is-valur probatorju ta’ serje ta’ provi prodotti mill-Kummissjoni kontra KWS u SNV ġie evalwat mill-Qorti Ġenerali b’mod kontrtadittorju u insostenibbli fid-dritt.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi sostnut li KWS biss kellha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju ta’ fornituri ta’ bitum u ta’ impriżi ta’ kostruzzjoni tat-toroq.

It-tieni aggravju

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-projbizzjoni ta’ arbitrarjetà, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ddeċidiet, fis-sentenza appellata, li tista’ tinżamm iż-żieda ta’ 50 % tal-multa imposta mill-Kummissjoni fuq KWS, minħabba l-allegat rwol ta’ instigatur u ta’ mexxej, għalkemm hija kkonstatat li ma kien hemm l-ebda raġuni suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li kien jeżisti tali rwol ta’ mexxej.

Minħabba li ma tistax tinżamm il-kunsiderazzjoni li KWS biss tista’ tiġi attribwita r-rwol ta’ mexxej, lanqas tista’ tinżamm iż-żieda fil-multa.

Permezz taż-żamma taż-żieda fil-multa imposta mill-Kummissjoni, minkejja li hija ma pproduċiet l-ebda prova suffiċjenti sabiex turi waħda miż-żewġ ċirkustanzi li jiġġustifikaw iż-żieda fil-multa, il-Qorti Ġenerali “ppremjat” lill-Kummissjoni talli għamlet kunsiderazzjonijiet negliġenti fid-deċiżjoni kkontestata.

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludu lill-Qorti Ġenerali milli żżomm iż-żieda fil-multa imposta fuq KWS b’50 % (speċjalment kollha kemm hi), meta hija annullata kompletament fil-proċeduri paralleli fil-Kawża T-343/06, kontra SNV et.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma tistax tinżamm iż-żieda fil-multa kif ġiet imposta fuq KWS.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni, C(2006) 4090 finali, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] [Każ COMP/F/38.456 — Bitum (Il-Pajjiżi l-Baxxi)]