16.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 79/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall) fis-7 ta’ Diċembru 2012 — Centro Hospitalar de Setúbal, EPE, Serviço de Utilização Comum dos Hospitais (SUCH) vs Eurest Portugal — Sociedade Europeia de Restaurantes Lda

(Kawża C-574/12)

2013/C 79/09

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Supremo Tribunal Administrativo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Centro Hospitalar de Setúbal, EPE, Serviço de Utilização Comum dos Hospitais (SUCH)

Konvenuta: Eurest Portugal — Sociedade Europeia de Restaurantes Lda

Domandi preliminari

(1)

Il-fatt li sptar pubbliku jagħti, mingħajr ma jsegwi l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti prevista bil-liġi għall-kuntratt inkwistjoni, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li magħha dan huwa assoċjat u li l-għan tagħha huwa t-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku fil-qasam tas-saħħa sabiex titjieb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-imsieħba tagħha, kuntratt għas-servizzi relattivi għall-ikel f’ambjent ta’ sptar li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha, u b’hekk jittrasferixxi lil dik l-assoċjazzjoni r-responsabbiltà tal-funzjonijiet tiegħu f’dan il-qasam, huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-qasam tal-għoti intern ta’ kuntratti jekk, skont l-istatuti, din l-assoċjazzjoni jista’ jkollha bħala msieħba mhux biss entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku, iżda wkoll għas-settur soċjali u fid-data tal-għoti tal-kuntratt, l-entitajiet tas-settur soċjali kienu rrappreżentati minn 23 istituzzjoni privata ta’ solidarjetà soċjali (IPSS), kollha kemm huma mingħajr skop ta’ lukru, fosthom istituzzjonijiet karitattivi, minn total ta’ 88 membru?

(2)

Jista’ jitqies li, għad-deċiżjonijiet tiegħu, dak li ngħata l-kuntratt jinsab f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni meta mqabbel mal-imsieħba pubbliċi, sa fejn dawn tal-aħħar jeżerċitaw, b’mod iżolat jew b’mod konġunt, kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw għad-dipartimenti tagħhom stess jekk, b’konformità mal-istatuti, dak li jingħata l-kuntratt għandu jiżgura li l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot jappartjenu lill-imsieħba li jagħmlu parti u li huma soġġetti għas-setgħa ta’ direzzjoni, ta’ superviżjoni u ta’ tutela tal-membru tal-gvern inkarigat mill-qasam tas-saħħa u li l-Bord tal-Amministrazzjoni tiegħu ukoll ikun kompost, fil-maġġor parti tiegħu, minn imsieħba pubbliċi?

(3)

Il-kundizzjoni dwar il-“kontroll analogu” tista’ titqies bħala sodisfatta fid-dawl tal-ġurisprudenza Komunitarja li tikkonċerna l-għoti intern ta’ kuntratti meta, b’konformità mal-istatuti, dak li jingħata l-kuntratt huwa suġġett għas-setgħat ta’ tutela tal-membru tal-gvern inkarigat mill-qasam tas-saħħa li għandu jinnomina l-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Amministrazzjoni, japprova d-deliberazzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali dwar is-self li jinvolvi dejn nett ta’ 75 % jew iktar tal-kapital tiegħu irreġistrat għas-sena preċedenti, japprova d-deliberazzjonijiet dwar l-emendi tal-istatuti, japprova d-deliberazzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali dwar ix-xoljiment ta’ dak li jingħata l-kuntratt, kif ukoll jiddetermina d-destinazzjoni tal-beni tiegħu f’każ ta’ xoljiment?

(4)

Il-fatt li dak li jingħata l-kuntratt huwa organizzazzjoni ta’ daqs kbir u kumplessa, li taġixxi fit-territorju Portugiż kollu u li għandha bħala msieħba d-dipartimenti u l-istituzzjonjiet kollha tas-Serviço Nacional de Saúde, inklużi l-ikbar sptarijiet tal-pajjiż, li għandha dħul mill-bejgħ previst ta’ madwar EUR 90 miljun, li għandha attività li tkopri diversi oqsma ta’ attività kumplessi, li għandha indikaturi ta’ attivitajiet kbar ħafna, u li għandha iktar minn 3 300 impjegat, li tipparteċipa f’żewġ gruppi addizzjonali ta’ impriżi u f’żewġ kumpanniji kummerċjali, jippermetti li tikklasifika r-relazzjoni bejnha u bejn l-imsieħba pubbliċi tagħha bħala għoti purament intern jew “in-house”?

(5)

Il-fatt li dak li jingħata l-kuntratt jista’, b’konformità mal-istatuti, jipprovdi servizzi, fuq bażi kompetittiva, lil entitajiet pubbliċi li ma humiex imsieħba jew lil entitajiet privati, nazzjonali jew barranin (i) ladarba dan ma jikkawża ebda preġudizzju lill-imsieħba, kemm fuq il-livell ekonomiku kif ukoll fil-qasam ta’ arrikkiment u ta’ valorizzazzjoni teknoloġika u ii) ladarba l-provvista ta’ dawn is-servizzi ma tirrappreżentax volum ta’ ħruġ ta’ fatturi ta’ iktar minn 20 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha annwali globali tas-sena preċedenti, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar l-għoti intern, b’mod partikolari l-kundizzjoni dwar l-“iskop essenzjali tal-attività” meħtieġa mill-Artikolu 5(2)(b) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, hija sodisfatta?

(6)

Jekk ir-risposta għal kwalunkwe waħda minn dawn id-domandi ta’ hawn fuq ma hijiex, fiha nnifisha, biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi humiex sodisfatti jew le fid-dawl tal-ġurisprudenza Komunitarja dwar l-għoti intern ta’ kuntratti, l-evalwazzjoni konġunta ta’ dawn ir-risposti tippermetti li jiġi konkluż li jeżisti dan it-tip ta’ għoti?