2.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/10


Appell ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2012 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl-20 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-169/08, DEI vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-553/12 P)

2013/C 32/14

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Th. Christoforou, u A. Antoniadis u A. Oikonomou, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), ir-Repubblika Ellenika, Energeiaki Thessalonikis AE u Elliniki Energeia kai Anaptyxi AE (H.E & D.S.A)

Talbiet tal-appellanti

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-169/08;

tiddeċiedi b’mod definittiv il-kawża, jekk l-istat tal-proċess ikun jippermetti dan;

tikkundanna lil DEI għall-ispejjeż kif ukoll għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, għaż-żewġ gradi tal-ġudizzju.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel aggravju għal annullament il-Kummissjoni ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE, kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat dawn iż-żewġ artikoli għall-fatti tal-kawża inkwistjoni, u dan iwassal ukoll għal klassifikazzjoni żbaljata u għal interpretazzjoni ħażina tal-provi kif ukoll għal interpretazzjoni żbaljata tal-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li barra minn hekk huma wkoll ibbażati fuq motivazzjoni mhux preċiża, mimlija lakuni u insuffiċjenti, jgħawwġu u jinterpretaw b’mod żbaljat il-provi u jiżnaturaw il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, għaliex, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbiliet li l-miżuri tal-Istat inkwistjoni adottati mir-Repubblika Ellenika affetwaw l-istruttura tas-suq u wasslu għal nuqqas ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet fis-suq tal-linjite, fatt li ppermetta li DEI, li hija impriża pubblika, tkabbar il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq sekondarju tal-provvista bl-ingross tal-enerġija elettrika fil-Greċja, u b’hekk caħħdet lil kompetituri ġodda milli jidħlu fis-suq.

Skont il-Kummissjoni, is-sentenza appellata hija wkoll ivvizzjata bi żbalji peress li assolutament ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbiliet li l-effett tal-aċċess privileġġjat ta’ DEI għal-linjite, li nżamm bis-saħħa tal-miżuri tal-Istat inkwistjoni anki wara l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-Greċja u wara l-ħolqien ta’ suq għall-provvista bl-ingross tal-elettriku f’Mejju 2005, kien li jaffettwa l-istruttura tas-suq minħabba nuqqas ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet, u dan wassal għal sitwazzjoni fejn DEI, minħabba l-fatt li hija kella drittijiet kważi monopolistiċi fuq l-isfruttament tal-linjite, kienet f’pożizzjoni li tkabbar il-pożizzjoni dominanti tagħha, mis-suq primarju lejn is-suq sekondarju. B’dan il-mod, DEI ġiet indotta tadotta aġir abbużiv fl-imsemmi suq sekondarju, billi rrestrinġiet jew billi eskludiet l-aċċess ta’ kompetituri ġodda (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Raso, GB-Inno-BM, Connect Austria, Dusseldorp, CBEM u MOTOE). L-estensjoni u ż-żamma tal-pożizzjoni dominanti ta’ DEI mis-suq primarju lejn is-suq sekondarju, kif ukoll il-vantaġġ kompetittiv inkontestabbli li minnu kienet tgawdi DEI sabiex tipproduċi l-elettriku minħabba l-prezz baxx tal-linjite, li kien jippermettilha li tipprovdi l-elettriku fin-netwerk interkonness Grieg bi prezzijiet baxxi, fi kwantitajiet ikbar u għal perijodu itwal, kollha huma għaldaqstant elementi li jindikaw aġir abbużiv (għalkemm il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teżiġix li jiġi stabbilit aġir ta’ dan it-tip, fid-dawl tal-fatti speċifiċi tal-kawża inkwistjoni).

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kompetituri ta’ DEI kellhom bżonn ta’ firxa diversifikata ta’ sorsi, inkluż aċċess għal kwantitajiet suffiċjenti ta’ linjite, sabiex ikunu jistgħu jaċċedu, jibqgħu joperaw b’mod sostenibbli fit-tul u jipparteċipaw b’mod effikaċi fil-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku. Dan l-element kien neċessarjament magħruf kemm mir-Repubblika Ellenika, li ma tatx awtorizzazjonijiet ta’ sfruttament tad-depożiti sfruttabbli ta’ linjite lill-kompetituri potenzjali ta’ DEI, kif ukoll minn DEI nnifisha, meta kienet timplementa d-drittijiet kważi monopolistiċi tagħha, billi tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq primarju tal-linjite bħala lieva sabiex tkabbar u żżomm il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq sekondarju tal-provvista bl-ingross tal-elettriku, u dan ostakola jew eskluda lill-kompetituri potenzjali ġodda milli jaċċedu għall-imsemmi suq sekondarju.