26.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 26/33


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fl-14 ta’ Novembru 2012 — UAB 4finance vs Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba u Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

(Kawża C-515/12)

2013/C 26/62

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UAB 4finance

Konvenuti: Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba; Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

Domandi preliminari

(1)

Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li tiġi stabbilita, operata jew promossa skema promozzjonali piramidali għandu jitqies bħala prattika kummerċjali li f’kull ċirkustanza hija qarrieqa biss meta l-konsumatur ikun meħtieġ iħallas kontribuzzjoni għall-opportunità li jirċievi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħra fl-iskema minflok mill-bejgħ jew mill-konsum ta’ prodotti?

(2)

Jekk ikun meħtieġ li l-konsumatur iħallas kontribuzzjoni għall-opportunità li jirċievi kumpens, l-ammont tal-kontribuzzjoni mħallsa mill-konsumatur inkambju għall-opportunità li jiriċeivi kumpens derivat primarjament mill-introduzzjoni ta’ konsumaturi oħra fl-iskema pjuttost milli mill-bejgħ jew mill-konsum ta’ prodotti għandu impatt fuq il-klassifikazzjoni tal-iskema promozzjonali piramidali bħala prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva? Kontribuzzjonijiet imħallsa mill-konsumaturi li jkunu ta’ ammont purament simboliku u li jitħallsu sabiex il-konsumaturi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kontribuzzjonijiet inkambju għall-opportunità li jirċievu kumpens fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva?

(3)

Il-punt 14 tal-Anness 1 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex skema promozzjonali piramidali titqies bħala prattika kummerċjali qarrieqa, huwa importanti biss li l-kumpens jitħallas lill-konsumatur li jkun diġà rreġistrat essenzjalment talli jintroduċi konsumaturi oħra fl-iskema pjuttost milli għall-bejgħ jew il-konsum ta’ prodotti jew inkella hija importanti wkoll il-kwistjoni ta’ sa fejn il-kumpens imħallas lill-parteċipanti f’din l-iskema talli introduċew konsumaturi ġodda ikun iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-membri l-ġodda? F’dan il-każ, il-kumpens imħallas lill-parteċipanti fl-iskema promozzjonali piramidali diġà rreġistrati għandu jkun, kompletament jew fil-parti l-kbira tiegħu, iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-membri introdotti reċentement f’din l-iskema?


(1)  ĠU L 149, p. 22; rettifika fil-ĠU L 114, 27.4.2006, p. 86.