26.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 26/20


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (li kienet Fővárosi Bíróság) (l-Ungerija) fis-22 ta’ Ottubru 2012 — UPC DTH Sárl vs Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnökhelyettese

(Kawża C-475/12)

2013/C 26/38

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék (li kienet Fővárosi Bíróság) (l-Ungerija)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UPC DTH Sárl

Konvenuta: Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnökhelyettese

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Kwadru, jiġifieri d-Direttiva 2002/21/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li wieħed jista’ jikkwalifika bħala servizz ta’ komunikazzjoni elettronika s-servizz li fil-kuntest tiegħu l-fornitur tas-servizzi jipprovdi, bi ħlas, aċċess taħt kundizzjonijiet għal pakkett ta’ programmi trażmess bis-satellita, li jinkludi servizzi ta’ xandir radjofoniku u televiżiv?

(2)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-Istati Membri jestendi għas-servizz imsemmi fl-ewwel domanda sa fejn dan huwa servizz ipprovdut mil-Lussemburgu fit-territorju tal-Ungerija?

(3)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ servizz kif imsemmi fl-ewwel domanda, il-pajjiż ta’ destinazzjoni li għalih ikun intiż is-servizz, għandu d-dritt li jirrestrinġi l-provvista ta’ tali servizzi permezz ta’ ħtieġa ta’ reġistrazzjoni obbligatorja tas-servizz fl-Istat Membru u l-istabbiliment ta’ fergħa jew ta’ entità ġuridika separata, filwaqt li tinsisti li tali servizz ma jistax jiġi pprovdut jekk mhux permezz ta’ fergħa jew ta’ entità separata?

(4)

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċeduri relatati mas-servizzi msemmija fl-ewwel domanda jaqgħu taħt l-awtorità tal-Istat Membru territorjalment kompetenti fir-rigward tal-post fejn is-servizz jiġi pprovdut — indipendentement mill-Istat Membru fejn topera jew hija rreġistrata l-impriża li tipprovdi s-servizz?

(5)

L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002 (Direttiva Qafas) għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz imsemmi fl-ewwel domanda huwa servizz ta’ komunikazzjoni elettronika jew li s-servizz deskritt fl-ewwel domanda huwa servizz ta’ aċċess taħt kundizzjonijiet ipprovdut permezz ta’ sistema ta’ aċċess taħt kundizzjonijiet imfisser fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva Qafas?

(6)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dispożizzjonijiet rilevanti għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fornitur tas-servizz imsemmi fl-ewwel domanda huwa fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Komunitarja?


(1)  Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349).

(2)  Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 337, tat-18 ta’ Diċembru 2009, p. 37).