22.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Cosenza (l-Italja) fid-19 ta’ Ottubru 2012 — CCIAA di Cosenza vs Fallimento CIESSE SRL

(Kawża C-468/12)

2012/C 399/24

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Cosenza

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura (CCIAA) di Cosenza

Konvenuta: Fallimento CIESSE SRL

Domanda preliminari

Il-leġiżlazzjoni Taljana li tikkonċerna l-metodu tal-kalkolu tat-tariffa annwali li huma suġġetti għaliha l-persuni kollha li jeżerċitaw attività ekonomika, sa fejn hija tipprevedi li n-negozjanti individwali għandhom iħallsu tariffa annwali ta’ natura fissa (EUR 200 jekk ikunu mniżżla fit-taqsima ordinarja jew inkella EUR 88 jekk ikunu mniżżla fit-taqsima speċjali); li l-soċjetajiet ċivili agrikoli għandhom iħallsu tariffa annwali ta’ natura fissa ta’ EUR 100 (minbarra EUR 20 għal kull unità lokali); li l-unitajiet lokali u/jew sedi sekondarji ta’ impriżi li jkollhom is-sede tagħhom barra mill-pajjiż iħallsu ammont fiss ta’ EUR 110; li s-soċjetajiet ċivili li jkollhom għan soċjali mhux agrikolu jħallsu ammont fiss ta’ EUR 200; li s-soċjetajiet ta’ avukati jħallsu ammont fiss ta’ EUR 200, filwaqt li s-suġġetti ekonomiċi kollettivi l-oħra (kumpanniji, konsorzja, eċċ.) huma obbligati għall-ħlas ta’ “tariffi li jkunu jikorrispondu għall-dħul mill-bejgħ tas-sena preċedenti” (u b’hekk jistgħu jaslu li jħallsu sa EUR 40 000), tmur kontra l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/7/KE (1), tat-12 ta’ Frar 2008, safejn hija timponi obbligu iktar oneruż għall-eżerċizzju tal-attività kummerċjali mwettqa minn kumpannija b’kapital azzjonarju (frażi li hija intiża fis-sens wiesa’ tagħha kif huwa l-każ fl-imsemmija direttiva Komunitarja) meta mqabbel ma’ dak impost fuq l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ impriża mwettqa minn impriża individwali?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-2 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 46, p. 11)