|
12.1.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 9/27 |
Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2012 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-338/08 — Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-404/12 P)
2013/C 9/45
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Moore u K. Michoel)
Partijiet oħra fil-proċedura: Stichting Natuur en Milieu, Pesticide Action Network Europe, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet tal-appellant
|
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-338/08; |
|
— |
tiċħad kompletament ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza; |
|
— |
tikkundanna in solidum lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-Kunsill f’din il-kawża. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Fil-fehma tal-Kunsill, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża msemmija iktar ’il fuq fiha żball ta’ liġi. Għalkemm il-Kunsill ma huwiex qiegħed jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kinitx involuta fil-kawża ineżami bħala leġiżlatur, huwa xorta waħda tal-fehma li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza magħrufa bħala “Nakajima” (1) u “Fediol” (2). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-legalità tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (3) setgħet tiġi mistħarrġa fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Århus (4).
Barra minn hekk, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-għażla magħmula mil-leġiżlatur fir-Regolament Nru 1367/2006 hija fi kwalunkwe każ konformi mal-Konvenzjoni ta’ Århus. F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus mill-Qorti Ġenerali ma hijiex korretta sa fejn ma tieħux inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Konvenzjoni tirrikonoxxi lill-partijiet firmatarji tagħha.
Għaldaqstant, il-Kunsill jitlob li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża msemmija iktar ’il fuq u li tingħata deċiżjoni dwar il-mertu tal-kawża billi jiġi miċħud kompletament ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza.
(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill (C-69/89, Ġabra p. I-2069).
(2) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, Ġabra p. 1781).
(3) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).
(4) Konvenzjoni ta’ Århus, tal-25 ta’ Ġunju 1998, dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).