10.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 343/8 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Asylgerichtshof (l-Awstrija) fis-27 ta’ Awwissu 2012 — Shamso Abdullahi
(Kawża C-394/12)
2012/C 343/10
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Asylgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Shamso Abdullahi
Konvenut: Bundesasylamt
Domandi preliminari
(1) |
Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 19 u tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 343/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li Stat Membru jieħu inkarigu ta’ persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil ifisser li dan l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjoni fis-sens tas-sentenza introduttorja tal-Artikolu 16(1) tar-regolament imsemmi jew il-korp nazzjonali tal-appell għandu, skont id-dritt tal-Unjoni, meta, fil-kuntest tal-eżami ta’ appell jew ta’ reviżjoni mressqa skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, irrispettivament mill-fatt li l-Istat Membru jkun ħa dan l-inkarigu, jasal għall-konklużjoni li, skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 343/2003, huwa Stat Membru ieħor li għandu jkun l-Istat Membru responsabbli (anki meta dan l-Istat Membru l-ieħor ma tkunx saritlu talba sabiex jieħu l-inkarigu jew meta dan l-Istat Membru l-ieħor ma jaċċettax tali inkarigu), jikkonstata b’mod vinkolanti fil-kuntest tal-proċedura dwar l-eżami tal-appell jew tar-reviżjoni inkwistjoni li huwa dan l-Istat Membru l-ieħor li huwa responsabbli? F’dan id-dawl, jeżistu drittijiet suġġettivi għal kull persuna li tkun qiegħda tfittex ażil fis-sens li l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru partikolari responsabbli inkonformità mal-kriterji ta’ kompetenza msemmija iktar ’il fuq? |
(2) |
L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih persuna li tkun qiegħda tfittex l-ażil tkun daħlet b’mod illegali għall-ewwel darba (l-ewwel Stat Membru) għandu jaċċetta r-responsabbiltà tiegħu sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ippreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz meta jkunu preżenti l-fatti segwenti: Ċittadin ta’ pajjiż terz jidħol b’mod illegali fl-ewwel Stat Membru inkwistjoni minn pajjiż terz. Dan iċ-ċittadin ma jippreżentax applikazzjoni għall-ażil f’dan l-Istat Membru u sussegwentement jitlaq mit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni sabiex imur f’pajjiż terz. F’inqas minn tliet xhur wara, dan iċ-ċittadin jidħol b’mod illegali fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea minn pajjiż terz (it-tieni Stat Membru). Dan iċ-ċittadin, imbagħad, imur direttament minn dan it-tieni Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (it-tielet Stat Membru) fejn jippreżenta l-ewwel applikazzjoni għall-ażil tiegħu. B’kollox, mid-dħul illegali tiegħu fl-ewwel Stat Membru, ikunu għaddew inqas minn 12-il xahar. |
(3) |
Irrispettivament mir-risposta għat-tieni domanda, meta l-Istat Membru deskritt f’dik id-domanda bħala l-“ewwel Stat Membru” jkun Stat Membru li s-sistema tal-ażil tiegħu hija kkaratterizzata minn nuqqasijiet strutturali ekwivalenti għal dawk deskritti fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-21 ta’ Jannar 2011 fil-kawża M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (rikors 30 696/09), hija meħtieġa evalwazzjoni oħra tal-Istat Membru li normalment ikun responsabbli fis-sens tar-Regolament Nru 343/2003, irrispettivament mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2011 fil-Kawżi (magħquda) C-411/10 u C-493/10? B’mod partikolari, jista’ jiġi kkunsidrat li residenza f’tali Stat Membru ma hijiex a priori element ta’ natura tali li jista’ jservi ta’ bażi għar-responsabbiltà ta’ Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 343/2003? |