10.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 343/8


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2012 minn Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-13 ta’ Ġunju 2012 fil-Kawża T-534/10 — Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-393/12 P)

2012/C 343/09

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias (rappreżentanti: C. Milbradt u A. Schwarz, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tal-appellant

tannulla d-deċiżjoni tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Ġunju 2012 (T-534/10);

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell qed jiġi ppreżentat kontra s-sentenza tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2012, li permezz tagħha ġie miċħud ir-rikors tal-appellanti kontra d-deċiżjoni tar-Raba Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), tal-20 ta’ Settembru 2010, dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Organismos Kypriakis Galaktokomikis Viomichanias u Garmo AG dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komuntarja “Hellim”.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem l-aggravji li ġejjin:

 

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (1), peress li b’mod żbaljat eskludiet kull xebh viżwali u fonetiku bejn is-sinjali “hellim” u “halloumi”. Il-Qorti Generali qalet b’mod korrett li t-trade marks għandhom l-istess karatteristici komuni fir-rigward tal-ewwel ittra, l-ittri “ll” u l-aħħar ittri “i” u “m”(iżda f’ordni differenti). Madankollu, hija kompliet billi qalet li, ġeneralment, ma seta’ jiġi aċċettat ebda xebh viżwali. Din il-konklużjoni hija kontradittorja. Peress li l-Qorti Ġenerali tikkonferma li hemm ċertu xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, ma jistax jiġi konkluż minn dan li ma hemm ebda xebh viżwali.

 

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina fid-dettall il-karattru distintiv tat-trade mark, minkejja li d-determinazzjoni tal-karattru distintiv kienet neċessarja u kellha rwol deċiżiv fil-kuntest tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Hawnhekk il-Qorti Generali segwiet id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u, mingħajr ma għamlet eżami ieħor, imxiet fuq is-suppożizzjoni li din it-trade mark hija deskrittiva ta’ ġobon li ġej minn reġjun partikolari ta’ Ċipru. Issa, din il-kwistjoni hija kruċjali. Peress li l-karatteristiċi partikolari ta’ trade mark kollettiva huma intiżi preċiżament sabiex, sa ċertu punt, isiru eċċezzjonijiet għar-regola li tipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ elementi deskrittivi ta’ trade mark, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jwassal indirettament għall-konklużjoni li trade mark kollettiva awtomatikament għandha biss karattru distintiv dgħajjef. Din l-ipoteżi ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 207/2009. Anki jekk “Halloumi” hija trade mark kollettiva, dan il-fatt waħdu ma jindika xejn dwar il-karattru distintiv tat-trade mark. Din il-kwistjoni kien imissha ġiet eżaminata b’mod separat u fid-dettall. Halloumi huwa l-isem ta’ ġobon prodott b’mod partikolari minn din il-kollettiva u mhux informazzjoni deskrittiva ġenerali għal ġobon, ġobon artab jew simili. Holloumi għalhekk ma jistax pereżempju jiġi pparagunat ma’ “Mozzarella”.

 

Fl-aħħar nett, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li ebda xebh viżwali jew fonetiku ma jista’ jiġi aċċettat, minkejja l-konferma tagħha tal-eżistenza ta’ karatteristiċi komuni, u r-raġunament tagħha li l-karattru distintiv tat-trade mark kien, mingħajr ebda evalwazzjoni ddettaljata, ikkunsidrat bħala dgħajjef, irriżultat f’evalwazzjoni u f’esklużjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni li huma żbaljati fil-liġi.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).