20.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/4


Appell ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2012 minn MasterCard, Inc., MasterCard International, Inc., MasterCard Europe kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-24 ta’ Mejju 2012 fil-Kawża T-111/08, Mastercard, Inc. et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-382/12 P)

2012/C 319/05

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: MasterCard, Inc., MasterCard International, Inc., MasterCard Europe (rappreżentanti: V. Brophy, E. Barbier de La Serre, B. Amory, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Banco Santander, SA, Royal Bank of Scotland plc, HSBC Bank plc, Bank of Scotland plc, Lloyds TSB Bank plc, MBNA Europe Bank Ltd, Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, British Retail Consortium, EuroCommerce AISBL

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2012 fil-Kawża T-111/08, MasterCard, Inc. et vs Il-Kummissjoni Ewropea;

tannulla d-Deċiżjoni C(2007)6474 finali tad-9 ta’ Diċembru 2007 fil-Kawżi COMP/34.579 — MasterCard, COMP/36.518 — EuroCommerce, COMP/38.580 — Commercial Cards (1);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri, inklużi l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għall-aggravji li ġejjin:

 

L-ewwel aggravju : il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew immotivat b’mod insuffiċjenti l-evalwazzjoni tan-neċessità oġġettiva tal-allegata restrizzjoni tal-kompetizzjoni. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju stabbilit sew tan-neċessità oġġettiva. Minflok ma applikat il-kriterju xieraq li jipprovdi li restrizzjoni hija oġġettivament neċessarja jekk, fin-nuqqas tagħha, l-operazzjoni prinċipali tirriżulta impossibbli jew diffiċli sabiex titwettaq, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju inkomplet li jipprovdi li restrizzjoni hija neċessarja biss jekk, fin-nuqqas tagħha, l-operazzjoni prinċipali ma tistax tiffunzjona. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali i) naqset milli tevalwa l-allegata restrizzjoni, u għaldaqstant in-neċessità oġġettiva, fil-kuntest xieraq tagħha; ii) issostitwiet indebitament l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni; u iii) naqset milli tapplika l-kriterju korrett ta’ stħarriġ.

 

It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew immotivat b’mod insuffiċjenti l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk MasterCard hijiex assoċjazzjoni ta’ impriżi. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat l-allegata komunità ta’ interessi bejn il-banek u MasterCard u s-setgħa deċiżjonali residwali tal-banek qabel l-IPO, li ma għandha l-ebda rabta mad-Drittijiet multilaterali tal-interskambju (“DMI”), bħala suffiċjenti sabiex MasterCard tiġi kklassifikata bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi meta tieħu deċiżjonijiet li jikkonċernaw id-DMI. Fi kwalunkw każ, is-setgħa deċiżjonali tal-banek qabel l-IPO u l-allegata komunità ta’ interessi bejn il-banek u MasterCard huma irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk MasterCard hijiex assoċjazzjoni ta’ impriżi meta hija tieħu deċiżjonijiet li jikkonċernaw id-DMI.

 

It-tielet aggravju : il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi li jikkonċernaw l-ammissibbilta ta’ diversi annessi mar-rikorsi. Ma kien hemm l-ebda bażi legali li tippermetti lill-Qorti Ġenerali li tillimita b’dan il-mod id-dritt ta’ aċċess għall-qorti ta’ MasterCard. Barra minn hekk, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha tali setgħat, hija żbaljat meta qieset li din il-limitazzjoni għandha tiġi applikata f’dan il-każ.


(1)  Taqsira tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Diċembru 2007, ĠU C 264 tas-6 ta’ Novembru 2009, p. 8.