29.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 295/22


Appell ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2012 minn Asa Sp. z o.o. kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Mejju 2012 fil-Kawża T-110/11 — Asa vs UASI — Merck (FEMIFERAL)

(Kawża C-354/12 P)

2012/C 295/40

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Asa Sp. z o.o. (rappreżentant: M. Chimiak, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Mejju 2012 fil-Kawża T-110/11;

tirrinvija l-kawża għal eżami mill-ġdid mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna l-UASI għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kriterji legali li għandhom effett fuq l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u wkoll billi wettqet żbalji manifesti fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-kriterji fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

Minbarra dan, l-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali ma applikatx korrettament l-interpretazzjoni relatata mal-kriterji tal-konsumatur medju, li niltaqgħu magħhom fiċ-ċirkustanzi fattwali ta’ din il-kawża. L-appellanti tissottometti wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-karattru distintiv intrinsiku tat-trade marks preċedenti Feminatal minkejja li l-appellanti kienet qajmet fir-rikors li l-Bord tal-Appell tal-UASI ma eżaminax din il-kwistjoni b’mod serju u eżawrjenti. L-appellanti hija wkoll tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni mhux preċiża tax-xebh tas-sinjali mill-aspett viżiv u kunċettwali. Fl-aħħar nett, hija tissottometti li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet evalwazzjoni mhux preċiża tar-riskju li l-konsumaturi medji jiġu persważi jwettqu żball.

Minbarra dan, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 9 tat-TFUE billi applikat kriterji legali oħra f’kawżi li jixxiebhu.