22.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/28


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-353/12)

2012/C 287/54

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Thomas, D. Grespan u B. Stromsky, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet

peress li ma adottatx, fit-termini stabbiliti, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra l-għajnuna mill-Istat li ġiet iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8123, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 59/2007 (ex N 127/2006 u NN 13/2006) li l-Italja implementat favur Ixfin SpA (notifikata fid-29 ta’ Ottubru 2009 u ppubblikata fil-ĠU L 167, 1.7.2010, p. 39), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni u tat-TFUE.

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors tal-Kummissjoni għandu bħala s-suġġett in-nuqqas ta’ implementazzjoni mir-Repubblika Taljana tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanzija mogħtija mill-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku biex tkopri self li ħadet Ixfin mill-Banca Apulia SpA.

Il-Kummissjoni tosserva li l-Italja kellha tiżgura l-implementazzjoni tal-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna sal-1 ta’ Marzu 2010 u, barra minn hekk, kellha tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri adottati sabiex tiġi implementata d-deċiżjoni, sad-29 ta’ Diċembru 2009.

Sad-data li fiha ġie ppreżentat dan ir-rikors, il-konvenuta kienet għadha ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex twettaq tali obbligi.