6.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/16


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Lulju 2012 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) mogħtija fl-4 ta’ Mejju 2012 fil-Kawża T-529/09: Sophie in ’t Veld vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-350/12 P)

2012/C 303/29

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Berman, B. Driessen, Cs. Fekete, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Sophie in ’t Veld, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali;

tagħti deċiżjoni finali dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell;

u

tikkundanna lir-rikorrenti fil-Kawża T-529/09 għall-ispejjeż tal-Kunsill li jirriżultaw minn dik il-kawża u minn dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali u għall-protezzjoni tal-pariri legali. Dawn l-eċċezzjonijiet huma stabbiliti rispettivament f’eċċezzjoni assoluta għad-dritt għall-aċċess pubbliku fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) u f’eċċezzjoni kkwalifikata għad-dritt ta’ aċċess pubbliku fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-regolament (1).

Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali, fl-interpretazzjoni tagħha tal-imsemmija eċċezzjonijiet, wettqet erba’ żbalji.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali hija żbaljata meta ssostni li nuqqas ta’ ftehim dwar l-għażla ta’ bażi legali ma jistax jippreġudika l-interessi tal-UE fir-relazzjonijiet internazzjonali (l-ewwel parti tal-ewwel motiv). Kwistjonijiet dwar il-kompetenza tal-Unjoni u dwar l-għażla tal-bażi legali bejn l-istituzzjonijiet huma marbuta mill-qrib mal-kunflitti dwar is-sustanza tal-ftehim internazzjonali. Kwistjonijiet dwar il-kompetenza bejn l-istituzzjonijiet jistgħu barra minn hekk ikollhom impatt fuq il-pożizzjoni ta’ nnegozjar tal-UE, u jaffettwaw ħażin il-kredibbiltà tagħha bħala sieħba negozjatriċi u jippreġudikaw ir-riżultat tan-negozjati.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali applikat l-istandard żbaljat ta’ reviżjoni u ssostitwiet l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar is-sinjifikat għar-relazzjonijiet internazzjonali tad-dokument ikkonċernat b’dik tagħha stess (it-tieni parti tal-ewwel motiv). Fir-rigward tal-protezzjoni tal-interess pubbliku fir-relazzjonijiet internazzjonali, l-istandard ta’ reviżjoni huwa dak li jagħti “diskrezzjoni wiesgħa” lill-istituzzjoni kkonċernata iktar milli jobbliga li tiġi ppruvata dannu “reali u speċifika”. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta għamlet reviżjoni sħiħa tar-raġunijiet tal-Kunsill bl-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-ħsara “attwali u speċifika”, u b’hekk issostitwiet l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-konsegwenzi tal-politika barranija tal-ħruġ pubbliku tad-dokument bl-evalwazzjoni tagħha stess.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkunsidra kemm il-kontenut sensittiv tal-opinjoni legali mitluba u ċ-ċirkustanzi speċifiċi prevalenti fiż-żmien li ntalab l-aċċess (l-ewwel parti tat-tieni motiv). Il-kwistjoni li ġiet ittrattata fl-opinjoni legali tirrigwarda negozjati internazzjonali sensittivi li kienu għadhom għaddejjin fil-mument tat-talba għall-aċċess, fejn interessi essenzjali u vitali fil-qasam tal-kooperazzjoni transatlantika dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu kienu involuti u fejn il-kwistjoni tal-għażla tal-bażi legali indirizzata fl-opinjoni legali kienet is-suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-istituzzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali injorat dawn il-karatteristiċi speċifiċi tal-parir legali.

L-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat assimilat l-innegozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali mal-attivitajiet leġiżlattivi tal-istituzzjonijiet għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-test tal-interess pubbliku superjuri (it-tieni parti tat-tieni motiv). B’hekk, il-Qorti Ġenerali injorat id-differenzi importanti bejn l-innegozjar ta’ ftehim internazzjonali, fejn il-parteċipazzjoni pubblika hija neċessarjament ristretta fid-dawl tal-interessi strateġiċi u tattiċi involuti, u l-konklużjoni u t-traspożizzjoni ta’ dawn il-ftehim.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331