22.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/27


Appell ippreżentat fis-16 ta’ Lulju 2012 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ April 2012 fil-Kawża T-509/10, Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il-Kunsill

(Kawża C-348/12 P)

2012/C 287/53

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bishop u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), tal-25 ta’ April 2012, fil-Kawża T-509/10;

tiddeċiedi l-kwistjoni b’mod definittiv u tiċħad bħala inammissibbli r-rikors ta’ Kala Naft kontra l-atti inkwistjoni tal-Kunsill jew, sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lil Kala Naft għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fl-ewwel istanza u fil-kuntest ta’ dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kunsill iqis li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq hija vvizzjata b’żewġ żbalji ta’ liġi u li konsegwentement din is-sentenza għandha tiġi annullata.

L-ewwel nett, il-Kunsill jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ċaħditx bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat mill-kumpannija Kala Naft, minkejja l-fatt li din il-kumpannija tikkostitwixxi, skont il-Kunsill, entità governattiva Iranjana.

It-tieni nett, il-Kunsill iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li wieħed mill-motivi magħżula sabiex jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi kontra Kala Naft ma kienx suffiċjenti biex jissodifa l-obbligu ta’ motivazzjoni u li l-Kunsill kien obbligat jipproduċi provi sabiex isostni ieħor minn dawn il-motivi. Il-Kunsill isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li element tal-motivazzjoni li jgħid li l-kumpannija Kala Naft kienet tikkummerċjalizza tagħmir għas-setturi taż-żejt u tal-gass li seta jintuża għall-programm nukleari Iranjan ma setax jiġi kkunsidrat bħala li “jipprovdu appoġġ” għall-proliferazzjoni nukleari, mingħajr ma rabtet dan l-element mal-elementi l-oħra tal-motivazzjoni.