22.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/26


Appell ippreżentat fid-19 ta’ Lulju 2012 minn DMK Deutsches Milchkontor GmbH (li kienet Nordmilch AG) kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-22 ta’ Mejju 2012 fil-Kawża T-546/10 — Nordmilch AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-346/12 P)

2012/C 287/51

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: DMK Deutsches Milchkontor GmbH (li kienet Nordmilch AG) (rappreżentant: W. Berlit, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-dispożittiv Nru 1 u Nru 2 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2012 (Kawża T-546/10);

tilqa’ t-talbiet kollha li ġew ippreżentati fl-ewwel istanza;

tikkundanna lil Lactimilk, SA, għall-ispejjeż tal-appellanti fil-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi annullata minħabba li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta sabet xebh bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni mill-appellanti u t-trade marks ta’ Lactimilk SA u li għalhekk peress li waslet sabiex issib li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni, applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Minħabba illi l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ma qabblitx ma’ xulxin l-ispelling tat-trade marks kunfliġġenti li għalihom saret applikazzjoni jew li huma rreġistrati (jiġifieri, l-ittri kbar), iżda eżaminat il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks bi spelling differenti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kienet żnaturat il-fatti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ppreżumiet li l-enfasi taqa’ fuq it-tieni sillaba tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, minkejja li t-trade mark hija miktuba b’ittri kbar, sabiex, abbażi ta’ kif tinftiehem ukoll bl-Ispanjol, enfasi biss fuq it-tieni sillaba tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata.