18.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 250/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Laufen (il-Ġermanja) fit-18 ta’ Ġunju 2012 — Proċeduri kriminali kontra Gjoko Filev u Adnan Osmani

(Kawża C-297/12)

2012/C 250/19

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Laufen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Gjoko Filev, Adnan Osmani

Parti oħra fil-kawża: Staatsanwaltschaft Traunstein

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008 (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi lill-Istati Membri milli jissanzjonaw b’mod penali l-ksur kollu ta’ miżuri amministrattivi ta’ tkeċċija jew ta’ ritorn lejn il-fruntiera, meta l-miżura ta’ tkeċċija jew ta’ ritorn lejn il-fruntiera tippreċedi b’iktar minn ħames snin id-dħul il-ġdid?

(2)

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli tissanzjona b’mod penali l-ksur kollu ta’ miżuri amministrattivi ta’ tkeċċija jew ta’ ritorn lejn il-fruntiera li ġew adottati iktar minn ħames snin qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi Ġermaniża ta’ traspożizzjoni tat-22 ta’ Novembru 2011?

(3)

Dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li tipprovdi li l-effetti tal-miżuri ta’ tkeċċija u ta’ ritorn lejn il-fruntiera ma humiex, fil-prinċipju, limitati fiż-żmien, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx ressqet talba għal limitazzjoni fiż-żmien, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2008/115? Tali regola tissodisfa r-rekwiżiti tal-premessa 4 tal-imsemmija direttiva rigward politika ta’ migrazzjoni mmexxija tajjeb b’regoli ċari, trasparenti u xierqa?

(4)

Id-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi lill-Istati Membri milli jipprovdu li miżuri ta’ tkeċċija/ritorn lejn il-fruntiera li jippreċedu b’ħames snin jew iktar il-perijodu li matulu d-Direttiva ma kinitx trasposta jistgħu jerġgħu jservu ta’ bażi għal proċeduri kriminali, meta l-miżura ta’ tkeċċija/ritorn lejn il-fruntiera kienet ibbażata fuq kundanna kriminali?


(1)  Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).