|
6.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/12 |
Appell ippreżentat fil-11 ta' Ġunju 2012 minn You-Q BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fid-29 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-369/10 — You-Q BV vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-294/12 P)
2012/C 303/22
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: You-Q BV (rappreżentanti: G.S.C.M. van Roeyen, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Apple Corps Limited
Talbiet tal-appellanti
|
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Marzu 2011 fil-Kawża T-369/10; |
|
— |
tilqa’ t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata; |
|
— |
sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid; |
|
— |
tikkundanna lill-UASI u lil Apple Corps Limited għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fl-ewwel istanza. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Fl-ewwel aggravju tagħha l-appellanti ssostni li ċerti partijiet tar-riproduzzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-isfond tat-tilwima, b’mod iktar speċifiku, ċerti partijiet mill-punti 9, 12, 14, 17 u 53 huma stabbiliti b’mod inkorrett u b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (1). L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta sostniet li t-trade marks preċedenti li fuqhom Apple Corps tibbaża ruħha jinkludu trade mark li għandha reputazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx dan l-istatus u iktar minn hekk ma żvelatx liema trade mark preċedenti għandha titqies bħala trade mark b’reputazzjoni. Dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma żbaljati u jiksru l-prinċipju ta’ kjarezza. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett “in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade marks kunfliġġenti huma rreġistrati rispettivament, inkluż il-grad ta’ xebh jew ta’ nuqqas ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew servizzi kif ukoll il-pubbliku kkonċernat” kif meħtieġ skont is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation (C-252/07, Ġabra 2008, p. ECR I-8823).
Fit-tieni aggravju tagħha l-appellanti tissottometti disa’ lmenti kontra s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali, kollha bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. L-ewwel nett, l-appellanti tilmenta dwar il-konstatazzjonijiet żbaljati tal-Qorti Ġenerali fil-punti 24, 55, 56, 57 u 58 fir-rigward tan-nuqqas ta’ xebh tal-prodotti u servizzi u fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti. It-tieni nett, l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni fil-punt 26 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, iddeduċiet il-protezzjoni pprovduta mill-imsemmi artikolu mill-prodotti u s-servizzi li għalihom it-trade mark b’reputazzjoni hija rreġistrata u mir-rekwiżiti l-oħra għal protezzjoni tal-imsemmi artikolu (bi preġudizzju għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, preġudizzju għar-reputazzjoni ta’ din it-trade mark u vantaġġ inġust meħud mill-karattru distintiv tar-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark). It-tielet nett, l-appellanti tikkontesta l-konklużjoni li tinsab fil-punti 31 u 54 tas-sentenza appellata, li l-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kellhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-perċezzjoni pubblika tat-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, billi, fil-punt 39 tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, You-Q tinvoka li: “(g)ħandu jiġi nnotat barra minn hekk li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat ma ddefinixxiex — kif kien imissu — il-pubbliku li l-perċezzjoni tiegħu kellha tittieħdet inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Skont Intel dan għandu jkun il-konsumaturi tal-prodotti u s-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata.” Ir-raba’ nett, l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Bord tal-Appell sostna li l-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu t-trade marks preċedenti kellhom reputazzjoni kien jikkonsisti fil-pubbliku ġenerali. Il-ħames nett, l-appellanti tikkontesta il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li, skont You-Q, l-eżistenza ta’ reputazzjoni għandha tkun stabbilita b’riferiment għall-pubbliku kkonċernat mit-trade mark li saret applikazzjoni għaliha, jiġifieri pubbliku speċjalizzat u barra minn hekk tikkontesta kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, b’mod iktar partikolari sovrappożizzjonijiet fil-pubbliku rilevanti, li ma jistgħux ikunu fattur li jippermetti li tiġi stabbilita r-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti. Is-sitt nett, l-appellanti tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rekwiżiti li jippermettu li tiġi stabbilita reputazzjoni kbira u reputazzjoni sostanzjali ħafna għall-prodotti u s-servizzi kkonċernati. Is-seba’ nett, l-appellanti tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tax-xebh tas-sinjali. It-tmien nett, l-appellanti tikkontesta l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kriterju ta’ evalwazzjoni globali u l-fatturi rilevanti inklużi f’dan il-kriterju, sabiex tkun stabbilita r-rabta meħtieġa. Fl-aħħar nett, l-appellanti tikkontesta l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 li jipprovdu li għandu jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1