8.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 273/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší správní soud (ir-Repubblika Ċeka) fl-24 ta’ Mejju 2012 — J. S. vs Česká správa socialního zabezpečení

(Kawża C-253/12)

2012/C 273/02

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Nejvyšší správní soud

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: J. S.

Konvenuta: Česká správa socialního zabezpečení

Domandi preliminari

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (1) (Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (2)) jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu ċittadin tar-Repubblika Ċeka li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, kien, qabel l-1 ta’ Jannar 1993, suġġett għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kontribuzzjoni għall-pensjoni ta’ Stat li ma għadux jeżisti (ir-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka), peress li dan il-perijodu kontributorju kien, skont l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali konkluża bejn ir-Repubblika Ċeka u dik Slovakka, fid-29 ta’ Ottubru 1992, u li tidher fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 (fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), ikkunsidrat bħala perijodu kontributorju mħallas fir-Repubblika Slovakka u, skont id-dispożizzjoni nazzjonali stabbilita mill-Ústavní soud tar-Repubblika Ċeka, anki bħala perijodu kontributorju mħallas fir-Repubblika Ċeka?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

(2)

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 18 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 (jekk ikun il-każ tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) jipprekludu lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċeka milli, f’ċirkustanza bħal dawk tal-kawża prinċipali, ikunu jistgħu jagħtu trattament preferenzjali (suppliment tal-benefiċċji tax-xjuħija jekk l-ammont ta’ dan il-benefiċċju mogħti skont l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni dwar s-sigurtà soċjali ekonkluża bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka, fid-29 ta’ Ottubru 1992, u skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 (Regolament Nru 883/2004) huwa iżgħar mill-benefiċċju li kien jinkiseb li kieku l-pensjoni tal-irtirar kienet ġiet ikkalkulata skont il-liġi Ċeka) liċ-ċittadini tar-Repubblika Ċeka biss, minħabba li tali trattament joħroġ mid-dritt fundamentali għas-sigurtà fix-xjuħija, hekk kif interpretat mill-Ústavní soud tar-Repubblika Ċeka speċifikament fir-rigward tal-perijodi kontributorji mħallsa fit-territorju ta’ dik li qabel kienet magħrufa bħala r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka u hekk kif huwa pperċepit bħala element li jifforma parti mill-identità nazzjonali, u peress li dan it-trattament ma huwiex tali li jippreġudika d-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema bħala dritt fundamentali tal-Unjoni, meta jiġi kkunsidrat ir-riskju kbir għall-ekwilibriju finanzjarju tal-iskema tal-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni tar-Repubblika Ċeka li jkun jirrappreżenta l-għoti ta’ trattament simili liċ-ċittadini l-oħra kollha tal-Istati Membri tal-Unjoni li jkunu bl-istess mod ħallsu perijodi kontributorji simili fit-territorju ta’ dik li qabel kienet magħrufa bħala r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka?

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

(3)

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi lill-qorti suprema Ċeka fil-qasam tal-kontenzjuż amministrattivi, fejn ma hemmx possibbiltà ta’ appell mid-deċiżjonijiet tagħha, milli tkun, skont id-dritt nazzjonali, marbuta mill-kunsiderazzjoni legali magħmula mill-Ústavní soud tar-Repubblika Ċeka, jekk ikun jidher li din il-kunsiderazzjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja?


(1)  JO L 149, p. 2.

(2)  JO L 166, p. 1.