7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/9


Appell ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2012 min-Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-6 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T453/10 — Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-248/12 P)

2012/C 200/17

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development (rappreżentanti: K.J. Brown, Departmental Solicitor’s office, D. Wyatt QC, V. Wakefield, Barristers)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali;

tiddikjara ammissibbli r-rikors għall-annullament tad-Department of Agriculture and Rural Development (iktar ’il quddiem id-“DARD”) u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tkun tista’ teżamina l-fondatezza tar-rikors għal annullament tad-DARD;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tad-DARD f’dawn il-proċeduri u dawk sostenuti fl-ewwel istanza fir-rigward tat-talba ta’ inammissibbiltà; u

tirriżerva l-kumplament tal-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tidentifika u tapplika t-test legali xieraq, jiġifieri li Piraiki-Patraiki u Dreyfus huma biss eżempji ta’ prinċipju iktar wiesgħa tal-liġi, jiġifieri li miżura tal-Unjoni tiġi ttrattata bħala li għandha interess dirett għal dawk li taffettwa s-sitwazzjoni legali tagħhom fejn l-implementazzjoni tagħha b’dan il-mod hija “konklużjoni predeterminata”, jew kull possibbiltà oħra hija “purament teoretika”, jew huwa “ovvju” li kull setgħa diskrezzjonali tiġi eżerċitata b’ċertu mod. Dan il-prinċipju għandu jiġi applikat għall-fatti ta’ kull kawża.

It-tieni aggravju, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, u aġixxiet bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fit-tentattivi tagħha li tillimita l-applikazzjoni ta’ Piraiki-Patraiki u Dreyfus (b’mod partikolari billi tillimita l-ewwel waħda għal każijiet li fihom il-miżura tal-Unjoni tiġi adottata bi tweġiba għal talba minn Stat Membru, u billi tillimita din tal-aħħar għal każijiet b’“kuntest fattwali speċifiku ħafna”).

It-tielet aggravju, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrestrinġiet l-eżami għall-applikazzjoni tal-Artikolu 263. Dan imur kontra interpretazzjoni xierqa tal-Artikolu 263 kif emendat bit-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari b’riferiment għall-għan tiegħu u għall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Ir-raba’ aggravju, li kieku l-Qorti Ġenerali kienet applikat il-prinċipji legali korretti għal din il-kawża, id-DARD kien jinstab li huwa “direttament ikkonċernat”. B’mod partikolari, il-pożizzjoni kostituzzjonali fir-Renju Unit hija li l-awtorità amministrattiva — f’dan il-każ id-DARD — hija direttament responsabbli għall-ispejjeż ta’ rifjut. Ir-rabta kawżali hija diretta u awtomatika. Ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ poter fir-Renju Unit huma stabbiliti sew (ara s-sentenza Horvath, C-428/07, Ġabra p. I-6355) u kwalunkwe argument li l-applikazzjoni tagħhom ma tammontax għal “konklużjoni predeterminata” ma għandux jintlaqa’.