|
23.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 184/7 |
Appell ippreżentat fid-9 ta’ Mejju 2012 minn Grazer Wechselseitige Versicherung AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-28 ta’ Frar 2012 fil-Kawża T-282/08 — Grazer Wechselseitige Versicherung AG vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-215/12 P)
2012/C 184/13
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Grazer Wechselseitige Versicherung AG (rappreżentant: H. Wollmann, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
— |
tannulla s-sentenza appellata; |
|
— |
tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, tiddikjara nulla u bla effett id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/719/KE, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/06 (ex NN 77/06) implimentata mill-Awstrija għall-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland (ĠU L 239, p. 32) u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja; |
|
— |
sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna t-tieni kap tat-talbiet u li l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa dirett kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 Frar 2012, fil-Kawża T-282/08 — Bank Burgenland. L-appellanti appellat mis-sentenza fl-intier tagħha. Minn naħa, is-sentenza appellata hija vvizzjata minn żbalji proċedurali li jaffettwaw l-interessi tal-appellanti. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni f’diversi aspetti. L-appellanti tinvoka l-aggravji li ġejjin:
|
|
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Grazer Versicherung AG invokat ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali kienet tal-fehma li, fil-kuntest tal-privatizzazzjoni, il-Land Burgenland ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni s-sistema ta’ garanzija (Ausfallhaftung) mil-Land għall-obbligi finanzjarji eżistenti tal-bank. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma żbaljati fid-dritt. Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju tal-investitur privat. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi l-fatt li s-sistema ta’ garanzija tal-Land Burgenland hija obbligu li l-Land kellu jassumi fil-kapaċità tiegħu bħala s-sid tal-bank. B’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-prattika tal-Qorti Ġenerali f’kawżi oħra, bħal pereżempju fil-kawża Ryanair (1), meta jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni garanzija mogħtija minn Stat Membru fil-kuntest tat-twettiq ta’ attività ekonomika. Barra minn hekk, l-opinjoni ġuridika tal-Qorti Ġenerali ma hijiex kompatibbli mal-effettività tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-għajnuna. Kif postulat mill-Qorti Ġenerali, matul il-privatizzazzjoni tal-banek, l-Istati Membri tal-UE ma għandhomx għalfejn jikkunsidraw il-fatt li x-xerrej jirrilaxxa lill-Istat Membru mill-garanziji tal-Istat eżistenti huwa ta’ natura li joħloq ostakoli sinjifikattivi għall-kontroll tal-kriżi finanzjarja u tad-dejn tal-Istat li attwalment jeżistu fl-Ewropa. |
|
|
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball proċedurali minħabba li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda kunsiderazzjoni min-naħa tagħha stess fir-rigward ta’ motiv essenzjali għar-rikors iżda minflok għamlet riferiment “ġenerali” għall-argumenti tal-Kummissjoni. Dan ir-riferiment jirrigwarda l-evalwazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni fis-sens li d-difetti li (allegatament) ivvizzjaw il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti tal-Land ma kellhom ebda effett fuq l-ammont tal-offerti magħmula. Barra minn hekk, minħabba li din l-evalwazzjoni ġuridika żbaljata ttieħdet inkunsiderazzjoni mingħajr ebda riflessjoni żejda, il-Qorti Ġenerali kienet hija stess kisret id-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali injorat li kundizzjonijiet ta’ sejħa għal offerti difettuzi jistgħu jwasslu sabiex l-offerenti jippreżentaw offerta ogħla minn dik f’sejħa għal offerti mingħajr kundizzjonijiet. Jidher li matul il-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland, il-konsorzju li kien eliminat kien offra prezz tax-xiri wisq għoli sabiex jikkumpensa għan-nuqqasijiet kwalitattivi tal-offerta tiegħu (jiġifieri r-riskju li fil-każ ta’ bejgħ lill-konsorzju, il-garanzija tal-Land kienet tidħol fis-seħħ). Jekk il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-kriterju kwalitattiv ta’ “eżenzjoni mill-garanzija” ma huwiex ammissibbli fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-għajnuna, fl-istess ħin ma kellhiex tqis li l-offerta tal-konsorzju pprovdiet valur tajjeb approssimativ tal-prezz tas-suq (mingħajr għajnuna) tal-Bank Burgenland. |
|
|
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka ksur tad-dritt tagħha għal smigħ. Il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx motiv sinjifikattiv. Ma kienx ikkontestat bejn il-partijiet li, anki fil-każ ta’ bejgħ lill-konsorzju, qabel il-privatizzazzjoni l-Bank Burgenland kien ħareġ bonds addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 320 miljun. Dawn il-bonds ibbenefikaw mis-sistema ta’ garanzija tal-Land. F’dan ir-rigward, l-appellanti fir-rikors tagħha tas-17 ta’ Lulju 2008 kienet indikat b’mod espliċitu li l-konsorzju kien ġie ffavorit minn din il-miżura b’mod sinjifikattiv fil-konfront tal-appellanti. Il-Kummissjoni ma ħaditx dan inkunsiderazzjoni meta qabblet iż-żewġ offerti. Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx dan il-motiv fis-sentenza appellata. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx b’mod definittiv fuq il-motivi mqajma mill-appellanti u ċaħdet lill-qorti Komunitarja mill-opportunità li teżerċita l-poteri tagħha ta’ stħarriġ. |
(1) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-196/04, Ġabra p. II-3643.