23.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/4


Appell ippreżentat fil-11 ta’ April 2012 minn Verenigde Douaneagenten BV kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-10 ta’ Frar 2012 fil-Kawża T-32/11, Verenigde Douaneagenten vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-173/12 P)

2012/C 184/07

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellanti: Verenigde Douaneagenten BV (rappreżentant: S.H.L. Moolenaar, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza skont l-aggravvji mressqa f’dan l-appell;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

(1)

L- ewwel żewġ aggravji huma bbażati fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-appellata kkonkludiet ġustament li ċ-ċertifikati EUR.1 kienu nħarġu abbażi ta’ espożizzjoni żbaljata tal-fatti min-naħa tal-esportatur.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq diversi ittri, mibgħuta lid-Departement van Economische Zaken (it-Taqsima kompetenti għall-kwistjonijiet ekonomiċi), ittri li jistgħu jiġu interpretati b’modi differenti u b’dati ta’ iktar minn sentejn u nofs qabel it-trasport effettiv, kif ukoll fuq applikazzjoni żbaljata tas-sistema tal-aggregazzjoni, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni li dan jirriżulta kumplikat ukoll għall-istess awtoritajiet.

Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni li l-awtoritajiet doganali Olandiżi, matul il-proċeduri quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam, iddikkjaraw li ma kinux f’pożizzjoni li juru li l-ħruġ taċ-ċertifikati inkwistjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni EUR.1 kien dovut għall-espożizzjoni żbaljata tal-fatti min-naħa tal-esportatur.

(2)

It- tielet, ir-raba’ u l-ħames aggravju huma bbażati fuq żball ta’ liġi safejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-awtoritajiet doganali ta’ Curaçao, fil-mument meta nħarġu ċ-ċertifikati EUR.1 la kienu jafu u lanqas ma kellhom ikunu jafu li l-merkanzija inkwistjoni ma setgħetx tgawdi minn trattament preferenzjali.

L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha li d-Departement van Economische Zaken ta’ Curaçao, qabel ma ħarġet iċ-ċertifikati EUR.1, kienet wettqet tal-anqas kontroll wieħed fl-istabbiliment tal-esportatur. L-imsemmija Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni li l-awtoritajiet doganali ta’ Curaçao, meta joħorġu ċ-ċertifikat EUR.1, jikkontrollaw l-oriġini taz-zokkor inkwistjoni fir-rigward tal-ipproċessar tiegħu sabiex tiġi kkontrollata l-iskema magħżula.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni li l-awtoritajiet doganali joħorġu ċ-ċertifikati EUR.1 abbażi ta’ ċertifikati tal-oriġini, il-mudell A (iktar ’il quddiem il-“Mudell A”), li skonthom ma jistgħux jinħarġu ċ-ċertifikati EUR.1.

Dawn l-istess awtoritajiet doganali jirċievu l-Mudell A meta tasal il-materja prima f’Curaçao. L-appellanti ma tistax tinżamm responsabbli għall-fatt li preċiżament dawn il-Mudelli A intilfu minħabba nar li ħakem l-arkivji tal-awtoritajiet doganali ta’ Curaçao. Peress li l-arkivji nqerdu, ma huwiex possibbli li jiġi eżaminat liema dokumenti kienu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet doganali.

Skont l-appellanti, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-amministratur kien jagħti dawn id-dokumenti lill-membri tad-delegazzjoni ta’ kontroll tal-appellata li kieku dawn kienu effettivament jinsabu għand l-amministrazzjoni hija infondata. Dan l-unika argument ma jistax iwassal għall-konklużjoni li l-mudelli A ma kienux eżistew, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq.