30.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 194/10


Appell ippreżentat fil-5 ta’ April 2012 minn EI du Pont de Nemours and Company kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-2 ta’ Frar 2012 fil-Kawża T-76/08: EI du Pont de Nemours and Company et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-172/12 P)

2012/C 194/16

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: EI du Pont de Nemours and Company (rappreżentanti: J. Boyce, A. Lyle-Smythe, Solicitors)

Partijiet l-oħra fil-proċedura: DuPont Performance Elastomers LLC, DuPont Performance Elastomers SA, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-76/08 sa fejn din ikkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-appellanti kienet ipparteċipat fil-ksur u għandha tħallas multa;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-aggravji tal-appellanti huma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-appellanti kienet responsabili għal ksur minn DuPont Dow Elastomers (“DDE”). Sa fejn dan l-aggravju tal-appellanti jiġi milqugħ, isegwi li:

fir-rigward tal-perijodu qabel l-istabbiliment ta’ DDE (meta n-negozju tal-gomma chloroprene kien il-proprjetà tal-appellanti) il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ddeċidietx li l-Kummissjoni kienet preskritta milli timponi multa fuq l-appellanti fir-rigward tal-parteċipazzjoni mis-sussidjarji tagħha, u

f’ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni kienet preskritta milli timponi multa u naqset milli turi interess leġittimu biex tagħti deċiżjoni kontra l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-appellanti kienet responsabbli għall-parteċipazzjoni mis-sussidjarji tagħha fil-perijodu qabel l-istabbiliment ta’ DDE.