2.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 157/6


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ April 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-165/12)

2012/C 157/10

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouquet u E. Paasivirta, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-partijiet rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 19/2012/UE (1), tas-16 ta’ Diċembru 2011, dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża, peress li hija bbażata fuq l-Artikolu 218(6)(b) TFUE flimkien mal-Artikolu 43(3) TFUE;

iżżomm l-effetti tad-deċiżjoni annullata sad-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni ġdida adottata, f’terminu raġonevoli, fuq il-bażi legali xierqa, jiġifieri l-Artikolu 218(6)(a) TFUE flimkien l-Artikolu 43(2) TFUE, jew, f’każ ta’ rifjut tal-Parlament li tagħti l-approvazzjoni tiegħu, sal-iskadenza ta’ terminu qasir raġonevoli wara d-deċiżjoni tal-Parlament li tiċħad l-approvazzjoni, u

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni titlob l-annullament, biż-żamma fis-seħħ tal-effetti sal-adozzjoni ta’ att ġdid, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 19/2012/UE, sa fejn l-għażla tal-bażi legali ma tiddevjax b’mod fundamentali minn dik proposta mill-Kummissjoni, jiġifieri l-Artikolu 218(6)(a) (flimkien mal-Artikolu 43) TFUE, bl-approvazzjoni tal-Parlament.

Il-Kummissjoni ssostni li billi aġixxa hekk, il-Kunsill wettaq żball, u kellu d-dmir, skont il-proposta tal-Kummissjoni, li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament qabel ma jadotta l-att inkwistjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq tliet motivi: l-ewwel motiv, maqsum fi tliet partijiet, huwa bbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 218(6)(a), u l-Artikolu 43(2) TFUE, inkwantu l-Kunsill stabbilixxa fil-punt (b tal-Artikolu 218(6), u l-Artikolu 43(3) TFUE bħala l-bażi legali tal-att ikkontestat, u minn naħa oħra, fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, peress li l-Kunsill immotiva l-għażla tiegħu tal-bażi legali b’mod kontradittorju.

It-tieni motiv, li jirriżulta mill-ewwel, huwa wkoll ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 218(6)(a) TFUE, inkwantu l-Kunsill injora l-prerogattivi istituzzjonali tal-Parlament Ewropew billi ma kisibx l-approvazzjoni tiegħu minkejja li din hija meħtieġa mill-artikolu inkwistjoni.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 17 TUE u tal-Artikolu 218(6) TFUE, inkwantu l-Kunsill żnatura l-proposta tal-Kummissjoni.


(1)  ĠU 2012, L 6, p. 8.