30.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 194/9 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Salzburg (l-Awstrija) fit-30 ta’ Marzu 2012 — GREP GmbH
(Kawża C-156/12)
2012/C 194/14
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Landesgericht Salzburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Freistaat Bayern
Konvenuta: GREP GmbH
Intervenjent: Revisor beim Landesgericht Salzburg
Domandi preliminari
(1) |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li proċedura għall-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru, skont l-Artikoli 38 et seq tar-Regolament (KE) Nru 44/2004 (1), taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Karta? |
(2a) |
Jekk iva, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jinkludi d-dritt ta’ eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-proċeduri, u b’mod partikolari mid-dritt ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa mal-preżentata ta’ rikors, u/jew onorarji dovuti għall-ksib tal-assistenza ta’ avukat fil-proċedura msemmija fil-punt 1? |
(2b) |
Dan japplika wkoll għal proċedura għall-infurzar li għandha titwettaq taħt id-dritt nazzjonali, jew minn tal-inqas, għal proċeduri ta’ appell simultanji li jikkonċernaw id-deċiżjoni li tawtorizza l-infurzar, jekk il-qorti tkun iddeċidiet fuq it-talba għall-infurzar u fuq l-awtorizzazzjoni tal-infurzar konġuntament fl-istess digriet? |
(3) |
Jekk ikun hemm talba għall-għajnuna legali (għajnuna għall-ispejjeż tal-proċeduri) fis-sens indikat hawn fuq, dan jirriżulta minn tal-inqas sussidjarjament mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 u/jew mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, meta d-dritt nazzjonali jobbliga lill-partijiet ikunu rrappreżentati minn avukat sabiex jippreżentaw ir-rikors previst? |
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).