9.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/13


Appell ippreżentat fis-27 ta’ Marzu 2012 minn Xeda International SA u Pace International LLC mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) mogħtija fid-19 ta’ Jannar 2012 fil-Kawża T-71/10: Xeda International SA u Pace International LLC vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-149/12 P)

2012/C 165/21

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Xeda International SA, Pace International LLC (rappreżentanti: K. Van Maldegem, C. Mereu, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-71/10; u

tannulla d-deċiżjoni li ma tiġix inkluża d-diphenylamine (“DPA”) fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1) u li tordna lill-Istati Membri jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-DPA sat-30 ta’ Mejju 2010; jew

sussidjarjament, tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors tal-appellanti għal annullament; u

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż (inklużi l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti Ġenerali).

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jissottomettu li, billi ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tinkludix id-DPA fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/404/KEE u li tordna lill-Istati Membri jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-DPA sat-30 ta’ Mejju 2010, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkommettiet numru ta’ żbalji fl-interpretazzjoni tagħha tal-fatti u tal-qafas legali li japplika għas-sitwazzjoni tal-appellanti. Bħala riżultat il-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji ta’ liġi, b’mod partikolari:

Billi qieset li l-kwistjoni ta’ possibbiltà ta’ formazzjoni ta’ nitrosammini ma kinitx il-motivazzjoni prinċipali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, meta r-raġunament mogħti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza kien juri teżi opposta.

Billi ħolqot konfużjoni bejn żewġ stadji fil-proċess ta’ valutazzjoni tad-DPA skont ir-Regolament 1490/2002 (2), kif emendat bir-Regolament 1095/2007 (3), li wassal lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi b’mod żbaljat li d-dritt tad-difiża tal-appellanti ma nkisirx.

Billi sabet li l-kwistjoni li tikkonċerna l-formazzjoni possibbli tan-nitrosammini tqajjmet f’Ġunju 2008 minflok f’Jannar 2008 kif jidher ċar mill-provi dokumentarji, invalidat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li d-dewmien fil-proċess min-naħa tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel bl-ebda mod ma ċaħad lill-appellanti mid-dritt tagħhom li jirtiraw l-appoġġ għall-inklużjoni tad-DPA fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE.

Għal dawn il-motivi, l-appellanti jitolbu li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-71/10 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tinkludix id-DPA fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li tordna lill-Istati Membri jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-DPA sat-30 ta’ Mejju 2010, għandhom jiġu annullati.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1490/2002, tal-14 ta’ Awwissu 2002, li jwaqqaf regoli oħra għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ xogħol li jissemma fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 451/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 524).

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1095/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1490/2002 li jwaqqaf regoli oħra fid-dettall għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ xogħol li jissemma fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2229/2004 li jwaqqaf regoli oħra fid-dettall għall-implimentazzjoni tar-raba’ stadju tal-programm ta’ xogħol li jissemma fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 246, p. 19)